top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Trux

Meta partit politiku jagħlaq widnejh, ikun qiegħed jitfa' l-ġebla fuq saqajh.



Diversi huma dawk li għalkemm fiżikament ma għandhomx problema fis-smigħ, huma torox b’mod ieħor. Diversi jbatu minn dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘selective hearing’, jiġifieri jagħżlu huma fejn jisimgħu u meta jisimgħu.

Il-Gvern Laburista ħa r-responsabbiltà tat-tmexxija fuq diversi wegħdi. Fost dawn il-ħafna wegħdi kien hemm waħda li jekk il-Partit Laburista jingħata l-appoġġ tal-maġġoranza, ikun gvern li jisma’ lil kulħadd. Jidher ċar li l-Gvern Laburista jbati minn selective hearing. Dan ħareġ ċar fuq żewġ kwistjonijiet kbar. L-ewwel każ huwa dwar il-masterplan ta’ Paceville, u t-tieni każ huwa dwar iż-żewġ siġġijiet li jingħataw lill-Partit Nazzjonalista.

Rigward il-masterplan, jidher li l-Gvern kellu l-ħin biex jiltaqa’ u jisma’ lil ċerti żviluppaturi imma mbagħad ma sabx ħin biex jisma’ lilna r-residenti. Jidher ċar li l-Gvern kellu ċerti obbligi fil-konfront ta’ ċerti żviluppaturi. Kif naħseb li kulħadd issa sema’, il-Gvern qiegħed jipproponi li jkun hemm żvilupp li, fl-opinjoni tagħna, mhuwiex sostenibbli.

Għalkemm ilkoll kemm aħna naqblu li għandu jkun hemm pjan integrali, ma naqblu xejn ma’din il-verżjoni ta’ dan il-masterplan. Huwa masterplan li għandu doża qawwija ta’ inġustizzja soċjali. Dan il-pjan jiġi jaqa’ u jqum minn residenti, fosthom anzjani u anke minn ammont ta’ negozjanti. Huwa pjan maħsub biex ipaxxi lil ftit minn fuq dahar il-ħafna.

Hemm elementi li jmorru kontra l-istess liġijiet Maltin. Dan il-pjan jaħseb li jieħu numru ta’ proprjetajiet privati biex bihom ċerti ‘ħbieb’ikunu moqdija mill-koxxa. Kienu diversi dawk l-għaqdiet ambjentali, residenti, il-Kunsill Lokali ta’San Ġiljan u tas-Swieqi, u persuni oħra li semmgħu leħenhom. Ilkoll kellhom vuċi waħda b’messaġġ wieħed. Dan il-pjan mhuwiex tajjeb kif inhu. Hemm bżonn li jerġa’ jibda mill-bidu, u kulħadd – residenti, negozjanti, żviluppaturi u ambjentalisti – ikun mismugħ. Imma l-Gvern qiegħed jisma’?

Rigward l-għotja ta’ żewġ siġġijiet fil-Parlament, il-Gvern Laburista għamel erba’ snin jagħlaq widnejh għal dak li r-raġuni kienet qiegħda tgħidlu. F’din il-kwistjoni ħadd ma kien jew huwa jiddubita mir-riżultat. Il-Partit Laburista ħareġ rebbieħ. Il-kwistjoni kollha hija dwar żball fl-għadd. Kif stqarret l-istess Qorti, l-elezzjoni tintrebaħ bil-voti mitfugħa u mhux minn min ikun qiegħed jgħodd! Ħareġ li kien hemm żball fl-għadd. Flok il-Partit Laburista pprova jisma’minn dan u jara li l-iżball jitranġa, webbes rasu. Il-Partit Laburista ħalla l-għamad partiġjan jagħmih. Għal erba’snin għamel minn kollox biex ma jismax l-għajta tal-poplu votant. Kull min jirraġuna jaf sew li żewġ deputati min-naħa tal-Gvern suppost mhumiex fil-Kamra tal-Parlament. Huwa ġust li kandidat ma jistax jitla’ fil-Parlament sakemm ikollu l-kwota meħtieġa biex imbagħad hemm dawn iż-żewġ deputati li ma għandhomx in-numru tal-kwota? Kieku kont minflokhom kont nirriżenja bħala turija ta’ rispett lejn il-votanti. Imma anke f’dan il-każ, il-Partit Laburista kien trux. Anzi r-reazzjoni Laburista għas-sentenza tal-Qorti kienet tal-mistħija u b’nuqqas ta’rispett lejn il-Qorti.

Min-naħa l-oħra, il-PN ħa t-tagħlima. Waħda mir-raġunijiet li l-PN tilef l-aħħar elezzjoni kienet li huwa stess spiċċa għalaq widnejh għal leħen ta’ diversi li għal għadd ta’ snin kienu qegħdin jippruvaw iwasslu leħinhom. Meta partit politiku jagħlaq widnejh, ikun qiegħed jitfa’ l-ġebla fuq saqajh.

Simon Busuttil bħala l-Kap tal-PN dan jafu sew. Għaldaqsant, bħala mexxej li jaf fejn irid jieħu lil dan il-partit, beda kampanja biex jisma’ liċ-ċittadini kollha. Fl-aħħar tliet snin, Simon Busuttil mhux biss qiegħed jagħmel diversi laqgħat u jżur lil diversi persuni fi djarhom, imma qiegħed iħeġġeġ lill-Partit biex jieħu l-attitudni li jisma’. U meta wieħed jieħu l-attitudni li jisma’, jispiċċa li mhux biss jifhem liċ-ċittadini, imma joħroġ bi proposti li jagħmlu sens.

Dan l-aħħar, il-PN, għax adotta din l-attitudni, mhux biss sema’ l-għajta ta’ dawk li għandhom il-paga minima u allura qiegħed jaqbel li din għandha tiżdied b’mod gradwali, u mhux biss sema’ l-għajta tar-residenti f’Paceville hekk kif qiegħed ikun il-vuċi u t-tarka tagħhom, imma issa qiegħed ukoll jisma’ l-leħen ta’dawk li għandhom negozju żgħir.

Kif ħabbar Simon Busuttil fl-aħħar Kunsill Ġenerali li sar, il-Partit għadu kemm ħareġ 51 proposta għal dawk li għandhom negozju żgħir. Għal dawn in-negozjanti, il-PN qiegħed iwiegħed li jnaqqas it-taxxa għal 10% biss. Kienu diversi n-negozjanti li laqgħu tajjeb dawn il-proposti. Dan kollu juri biċ-ċar li l-unika direzzjoni li għandu l-PN hija li jiltaqa’man-nies u jismagħhom.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 4 ta' Diċembru, 2016)

3 views

Comments


BACK
bottom of page