B’liema riga?
- manuelschembri
- Mar 19, 2023
- 3 min read
Filwaqt li l-GDP huwa riga tajba u li għandha tibqa’ tintuża, ejjew niftakru li ‘l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix’. Hemm ċertu valuri li jiswew aktar mill-flus!

Il-politika vera hija dik li tgħolli l-livell tal-għajxien taċ-ċittadini u tagħtihom l-opportunitajiet kollha biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Imma b’liema RIGA jew aħjar b’liema kriterju u fuq liema studju se nużaw biex inkejlu l-livell tal-għajxien taċ-ċittadin? U jekk il-livell tal-għajxien għola, għal min għola? U min huma dawk li baqgħu lura?
Din hija diskussjoni eterna. Diversi għandhom modi differenti biex ikejlu dan.
Ir-riga ta’ GDP
Għal divesi snin, ir-riga li ntużat biex tkejjel il-progress kienet riga ta’ GDP – Gross Domestic Product. Aktar ma l-pajjiż ikollu ġid, aktar ikun hemm flus fil-but taċ-ċittadini.
Filwaqt li GDP hija riga li għandha tibqa’ tintuża’, nemmen li rridu nagħmlu pass ieħor u nintebħu li hemm rigi oħra ta’ kif wieħed ikejjel il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini.
Għalkemm il-flus huma mportanti u neċessarji biex joffru livell aħjar ta’ għajxien, IMMA mhumiex kollox. Forsi għal soċjetà materjalista, li aktar ma għandha aktar trid, din forsi tinstema’ stramba.
Imma x’jiswa li jkolli l-ġid kollu tad-dinja mbaghad imdejjaq bija nnifsi? X’jiswa li għandi l-flus imma ma għandix min iħobbni u jaċċettani kif jien? X’jiswa li għandi karozza lussuża imma mwaħħal siegħa fit-traffiku? X’jiswa li għandi l-liġijiet kollha imma xorta hawn min qed jissawwat jew jiġi diskriminat? X’jiswa li għandi xogħol imma ma għandhix job satifaction? Fil-qosor: X’jiswa li l-pajjiż għandu GDP tajjeb imma mbagħad huwa mifrud, nervuż u mingħajr valuri?
Ir-riga ta’ Sustainable Development Goals
Għalhekk irridu mmoru ’l hin mir-riga ta’ GDP u naraw fatturi/indikatturi oħra bħal ma huma SDGs – Sustainable Development Goals.
X’inhuma dawn?
Dawn huma indikatturi li juru l-well-being tal-persuna, jiġifieri mhux jittieħed l-aspett finanzjarju biss imma jittieħed il-fattur tas-saħħa tal-persuna, l-kuntentezza, l-edukazzjoni, ir-relazzjonijiet mal-familja/ħbieb, l-work life balance u l-ambjent fost oħrajn.
Fil-qosor: il-ġid tal-persuna/well being tal-persuna b’mod ħolistiku.
In-Nazzjonijiet Uniti u KE elenkaw numru ta’ indikatturi biex nagħmlu dan l-assessement.
Mhux biss… Tliet studji lokali tkellmu fuq il-ħtieġa li mmorru ’l hinn mir-riga ta’ GDP u naraw l-avvanz tal-persuna b’mod ħolisitiku.
Dawn huma:
L-istudju mill-Kumissjoni Ġusitzzja u Paċi fi ħdan il-Knisja b’dokumnet jismu ‘Going beyond the GDP’.
2. Studju mill-Caritas Maltija – ‘Minium Essential Budget for a Decent Living 2020’.
Studju ieħor mill-GWU, Allejanza kontra l-faqar u l-Moviment Graffiti li jitkellem fuq l-importanza li nitkellmu mhux biss fuq il-living wage imma anke fuq l-living income.
B’referenza għal dan l-istudju, dan id-dokument jgħid li persuna single b’wild wieħed għandha bżonn €20,099, waqt li koppja b’wild wieħed għandha bżonn €25,746.
Issa, jekk ser nużaw ir-riga ta’ GDP, dan ifisser li hemm persuni li ma għandhomx livell ta’ għejxien deċenti. F’mistoqsija lil Ministru Clyde Caruana, dan qal li hawn f’Malta 134,662 ħaddiema full-time u 16,155 persuni part-time/full-time reduced li jaqilgħu anqas mill-paga medja ta’ €21,156 u dan qabel it-taxxa u l-bolla! Jekk inkomplu nużaw ir-riga ta’ GDP, skont l-NSO fil-2022 hawn 103,329 persuni f’Malta f’risku ta’ faqar u esklussjoni soċjali filwaqt li hawn 27,334 fil-faqar materjali.
Min-naħa l-oħra, jekk immorru ’l hinn mir-riga ta’ GDP, insibu li skont studju li sar minn Prof. Andrew Azzopardi u Marily Clark, 54.6% tal-popolazzjoni Maltija esperjenzaw sens qawwi ta’ lonilness. Fil-fatt, agenzji soċjali qegħdin jindikaw ukoll żieda aktar ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, eating disorders u anke ta’ self-harm fost it-tfal/żgħażagħ.
Jekk nużaw ir-riga tal-ambjent, insibu li diversi qed jilmentaw li ma hawnx fejn iddur aktar, traffiku tal-ġenn u li hemm bżonn ta’ spazji miftuħa. Fil-fatt, diversi żgħażagħ qegħdin iħallu pajjiżna għaliex ma jistgħux jifilħu mhux biss dan l-isfreġju ambjentali imma għaliex iħossu li hawn Malta ma hawnx aktar livell tajjeb ta’ għajxien.
Grazzi għal Gvern Laburista u l-ħbieb korrotti ta’ madwaru, Malta saret mhux attraenti għal dawn iż-żgħażagħ li jaraw li l-futur tagħhom huwa li jmorru barra minn pajjiżna!
Il-valuri jiswew akatr mill-flus
Filwaqt li l-GDP huwa riga tajba u li ghandha tibqa’ tintuża, ejjew niftakru li ‘l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix’. Hemm ċertu valuri li jiswew aktar mill-flus!
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 5 ta' Marzu, 2023)