top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Dak li se jseħħ

F'Settembru se jkollna Kap wieħed! Ilkoll kemm aħna rridu niġbdu l-istess ħabel flimkien. L-ebda kandidat mhu aktar mill-Partit!



Dak li se jseħħ f’Settembru huwa pass ieħor fil-mixja demokratika ta’ pajjiżna. F’Settembru, il- Partit Nazzjonalista se jkollu mexxej u tmexxija ġdida wara r-riżenja ta’ Simon Busuttil u t-tim tat-tmexxija. Wara li għalqu n-nominazzjonijiet u spiċċaw l-ispekulazzjonijiet dwar min se jitfa’ n-nomina, issa quddiemna għandna erba’ persuni. Dawn huma l-persuni li kienu kuraġġużi u ġenerużi biżżejjed li tefgħu n-nomina tagħhom. Ikun tajjeb li għalhekk aħna nkunu grati lejhom. Ir-rwol li għalih daħlu mhuwiex xi passiġġata fil-kampanja. Huwa impenjattiv ħafna. Għaldaqstant, żgur li ma kinitx deċiżjoni faċli għalihom u għall-familji tagħhom.

Għall-ġid tal-istess Partit, jeħtieġ li l-attenzjoni tagħna tkun fuq dawn l-erba’ persuni. Ikun ta’ ħsara għall-Partit jekk wieħed joqgħod iqabbel il-karattru, il-kariżma u l-ħilitiet ma’ dawk ta’ Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami jew inkella Mario de Marco. Dan mhux qiegħed ngħidu b’nuqqas ta’ rispett lejhom. Dawn taw u għadhom jagħtu ħafna għall-Partit. Jekk verament għandna rispett lejn Simon, għandna nirrispettaw id-deċiżjoni tiegħu, anke jekk ma togħġobniex. Qiegħed ngħid dan ukoll għaliex jekk kien inġust li wieħed kien joqgħod iqabbel lil Simon Busuttil ma’Lawrence Gonzi u lil Lawrence Gonzi ma’Eddie FenechAdami, u lil Eddie FenechAdami ma’ Ġorġ Borg Olivier, daqstant ieħor dan huwa inġust li noqogħdu nqabblu. Kull kandidat għandu l-karattru, il-kariżma u l-personalità differenti. Imma għalkemm hemm din id-differenza kollha, ilkoll għandhom imħabba mhux biss lejn il-PN imma lejn pajjiżna. Ejjew ma nagħtu lil ħadd l-ebda ħabel biex dan isawwatna bih! Hemm bżonn li nifhmu li dak li se jseħħ irid ikun imsaħħaħ fuq ċerti punti importanti, fosthom:

1. Għalkemm dan huwa żmien li jista’ jħawwadna u forsi nħossu li l-Partit qiegħed jitlef ir-riegni tiegħu, tajjeb li naraw lil dan iż-żmien bħala opportunità tad-deheb biex ngħarblu sew dak li huwa tajjeb fil-Partit u dak li mhuwiex. Huwa mument li l-Partit jagħmel eżami serju tiegħu nnifsu. Jekk fil-ħajja lkoll kemm aħna għandna esperjenzi li weġġgħuna imma fir-realtà dawn kienu mumenti li kabbruna, hekk ukoll f’dan il-każ. Jekk ngħixu dan il-mument b’serenità u bil-għaqal, il-Partit jissaħħaħ u jikber jista’. Imma biex iseħħ dan hemm bżonn mexxej assertiv biżżejjed li kapaċi jieħu dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa.

2. Ikun ta’ ħsara kbira għall-Partit (u għall-pajjiż) jekk l-elezzjoni tal-mexxej tkun elezzjoni miftiehma minn qabel! Għalkemm wieħed jifhem li kull kandidat għandu n-nies ta’ madwaru, hija t-tama ta’ ħafna partitarji li din l-elezzjoni ma tkunx miftiehma. Ikun ta’ ħsara jekk hemm xi wħud li qegħdin jirraġunaw bil-mentalità ‘ħokkli dahri, imbagħad inħokklok tiegħek meta jiġi l-mument’. Il-Partit ma jistax ikollu mexxej li għandu dell – żgħir jew kbir – li l-ħatra tiegħu hija forma ta’ xi ftehim jew kompromess! Mingħajr ma ninftiehem ħażin, tajjeb ukoll li wieħed jgħarbel ukoll lil min qiegħed wara kull kandidat jew lil min ikun qiegħed imexxi l-kelma lil min. Jekk il-mexxej il-ġdid ikun frott ta’ ftehim intern jew bil-moħbi, allura se jkunu diversi dawk li jħossuhom ittraduti u jispiċċaw forsi jdabbru rashom! Ma nistgħux inkomplu nitilfu n-nies! Jekk verament inħobbu lill-Partit, din l-elezzjoni trid tkun elezzjoni ħielsa minn kull kurrent. Fiduċjuż li l-kummissjoni li ġiet iffurmata se tagħmel minn kollox biex dan ma jseħħx!

3. Dawk li se jagħmlu l-għażla huwa importanti li jagħmluhawara li semgħu lill-kandidati kollha. Huwa importanti li ngħarblu sew il-proposti, il-viżjoni u l-opinjoni ta’ kull kandidat. Għaldaqstant, nistieden li kull tesserat biex jattendi għal diversi laqgħat li qegħdin isiru. Tkun forsi idea tajba li fl-aħħar ġimgħa lerba’ kandidati jkunu flimkien biex iwieġbu domandi tal-membri tal-Kunsill miġbura flimkien.

4. Għalkemm din hija għażla u bħal kull għażla oħra hemm livell ta’ tensjoni, tajjeb li niftakru li din hija ġirja fost kollegi u ħbieb fl-istess partit. Huwa importanti li ma nispiċċawx niġġieldu, ninfirdu u nitgħajru ma’ xulxin. L-istorja tal-passat għandha tiftħilna għajnejna. Sfortunatament, ċerti persuni, sforz lentużjażmu tagħhom, qegħdin jagħmlu ħafna ħsara bil-posts tagħhom fuq il-mezzi soċjali. Ejjew inżommu pass lura, ħbieb!

5. F’Settembru se jkollna Kap wieħed! Ilkoll kemm aħna rridu niġbdu l-istess ħabel flimkien. L-ebda kandidat mhu aktar mill-Partit!

Nemmen bis-sħiħ li dak li se jseħħ se jkompli jsaħħaħ mhux biss lill-Partit Nazzjonalista imma lid-demokrazija ta’ pajjiżna. Malta demokratika għandha bżonn Partit Nazzjonalista b’saħħtu!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 30 ta' Lulju, 2017)

2 views

Comments


BACK
bottom of page