top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Flimkien għal pajjiżna …inkunu ta' ġid għal pajjiżna

Il-kelma 'flimkien' hija impenjattiva, tikxef mod ta' ħsieb, kultura ta' azzjoni u stil ta' tmexxija.



It-tema magħżula għall-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li għadu kemm organizza kienet ‘Flimkien għal pajjiżna’. Diversi kienu dawk li tkellmu u wasslu l-opinjoni tagħhom. Ma kienx biss mument li fih wieħed seta’ jisma’ lill-oħrajn, imma anke jiltaqa’ ma’ persuni u kandidati ġodda.

Personalment, ġejt mistieden biex nindirizza lill-Kunsill u għażilt li nitkellem fuq din it-tema għaliex nemmen bis-sħiħ li mhux biss din it-tema tikxef l-għan aħħari u l-ġewwieni tal-politika, imma hija valida għal-lokalità tagħna ta’ San Ġiljan fejn mill-ġdid qiegħed nerġa’ noħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fil-25 ta’Mejju 2019.

Aħna ninsabu f’din il-mixja politika proprju għal dan il-għan: li nkunu ta’ ġid għal pajjiżna. Il-politika mhix dwari. Lanqas mhi dwarek. Il-politika hija dwarna. Pajjiżna jieħu r-ruħ meta nagħmlu l-politika ta’ flimkien, jiġifieri politika fejn il-kelma ‘aħna’ tiġi qabel il-kelma ‘jien’. Għaldaqstant, għalija l-kelma ‘flimkien’ turi l-ħidma għall-ġid komuni. Donnu l-ġid komuni ma baqax ġid komuni għal xi wħud. Il-ġid komuni huwa dak il-ġid li jmur lil hinn mill-interessi tal-ftit waqt li tħares l-interessi tal-ħafna.

Dan huwa valur fundamentali li dejjem dawwal u għaġen lill-PN matul iż-żminijiet. Il-PN gawda l-fiduċja tal-poplu u għamel riformi u inizjattivi kbar proprju għaliex ġab l-ewwel mhux l-interessi tal-ftit jew inkella tal-partit imma tal-ġid komuni. Sfortunatament, din hija b’kuntrast qawwi mal-Partit Laburista li kważi dejjem fittex l-interessi tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru l-ewwel u qabel kollox.

Imma l-kelma ‘flimkien’ ma għandhiex tkun donnha xi buzz word li nużawha meta u fejn jaqbilna. Hekk isir hekk, allura dan ikun biss spin, fake news, daħk fil-wiċċ u ipokrisija grassa. Il-kelma ‘flimkien’ hija kelma impenjattiva, tikxef mod ta’ ħsieb, kultura ta’ azzjoni u stil ta’ tmexxija.

Ninsabu ‘flimkien’mhux biex nidhru sbieħ fir-ritratti imma għaliex flimkien nistgħu naslu, għaliex flimkien għandna bażi komuni ta’ valuri/viżjoni li jgħaqqduna flimkien. Huma dawn il-valuri tas-solidarjetà, ġustizzja soċjali, onestà, governanza tajba u tad-dinjità umana ta’ kull persuna li għandhom jispirawna biex nibqgħu naħdmu flimkien. Il-mument li dawn il-valuri jintilfu huwa l-mument li ma jibqax ikun hemm għan li nkunu flimkien.

Għalkemm xi drabi joħorġu d-differenzi ta’ ħsieb – kif jiġri f’kull esperjenza tal-ħajja – tajjeb niftakru f’dawn il-valuri li jgħaqqduna flimkien. Tajjeb li niftakru aktar fuq dak li naqblu. Ilkoll naqblu flimkien li għalkemm pajjiżna għandu surplus ekonomiku ninsabu f’defiċit etiku, fejn kollox jgħaddi u kollox jgħodd. Ilkoll naqblu li l-Gvern jiftaħar li hawn il-ġid, waqt li l-anzjani u familji oħra jinsabu għaddejjin minn mumenti ibsin.

Ilkoll naqblu li l-Gvern ikkorrompa ruħu wara ftit snin ta’ tmexxija. Ilkoll naqblu li filwaqt li Sadeem ingħata art biex jibni ‘universita fantażma’, uliedna qegħdin jitgħallmu fil-kontejners! Ikoll naqblu li l-entitajiet tal-Gvern saru donnhom każini tal-PL. Ilkoll naqblu li l-Gvern huwa mbeżża’ minn ftit xemgħat mixgħula u minn dak li jista’ joħroġ mill-iskandlu ta’ 17 Black u mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan il-Gvern iħaddan politika li taġevola l-interessi tal-ftit waqt li jwarrab id-drittijiet tal-ħafna. Dan il-Gvern spiċċa mhux biss tbiegħed mill-għeruq tiegħu imma sar priġunier tal-ftit. Sfortunatament, politika ta’ dan it-tip narawha sseħħ kuljum f’San Ġiljan.

San Ġiljan jinsab taħt assedju minn min għandu kilba sfrenata biex jaħtaf u jkabbar ġidu a skapitu tar-residenti. Din il-politika qed toħloq inġustizzja soċjali għaliex hija inġustizzja meta biex tistagħna inti, tiġi taqa’ u tqum mill-interessi tiegħi/tagħna. Hekk ġara f’diversi żviluppi bla proporzjon u gost li ġew approvati, ibda minn dak ta’ Mercury House u VR, kompli bil-mostrożità ta’ DB u issa bil-Corinthia, fost ħafna oħrajn. Ironikament, f’kull applikazzjoni, il-Gvern ħares biss l-interessi ta’ dawk li fil-passat kien jgħajjarhom barunijiet biex issa spiċċa fis-sodda jixxaħxaħ magħhom.

Nistieden lill-PN jkun spalla ma’ spalla flimkien mhux biss mas-soċjeta ċivili, mal-NGOs imma mar-residenti tagħna. Kif jistgħu jappoġġjaw lilna meta aħna ma nappoġġjawx lilhom fis-siegħa tal-prova? Jien u sħabi kollha flimkien se nibqgħu nagħtu sehemna biex flimkien mal-Partit inkunu l-vuċi u t-tarka tagħhom. Ma għandniex intenzjoni li nċedu. Hekk kif l-orkestra hija magħmula minn diversi strumenti differenti li għalkemm għandhom ħoss differenti, meta jdoqqu flimkien u bl-għajnuna ta’ surmast wieħed jagħmlu sinfonija waħda, hekk ukoll il-PN.

Jalla nerġgħu nieħdu gost inkunu flimkien. Jalla ħadd ma jħossu barrani f’daru stess. Jalla lkoll ningħataw l-istess opportunitajiet biex bit-talenti differenti u diversi tagħna nistgħu nagħmlu politika li ssaħħaħ lil pajjiżna. Jalla nerġgħu niskopru l-għajta li FLIMKIEN KOLLOX HUWA POSSIBBLI.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 3 ta' Marzu, 2019)

1 view

Comments


BACK
bottom of page