top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Flimkien kollox huwa possibbli

Tim veru huwa dak li wara li sseħħ id-diskussjoni u jkun hemm deċiżjoni waħda.



Dan kien il-motto li ntuża mill-Partit Nazzjonalista waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjoni li saret fl-2008. Nistqarr li dan kien u għadu attwali ħafna. Wara dan is-slogan hemm verità li tajjeb li wieħed jifhimha. Bħal kull slogan pożittiv ieħor, dan jiġbed l-attenzjoni.

Forsi huwa minħabba dan li l-Partit Laburista kontinwament ipprova jpinġi lill-PN bħala partit negattiv? Forsi l-Partit Laburista jemmen li jekk wieħed jieħu l-fama jista’ jmur il-baħar? Dan jista’ jingħad ukoll għal dawk il-votanti li ma mhumiex marbuta ma’ xi partit. Dawk li huma verament floaters (mhux opportunisti) iħobbu janalizzaw dak li jseħħ.


Jimxu b’moħħhom u mhux b’qalbhom. Ma jemmnux kollox mill-ewwel. Jieħdu ż-żmien tagħhom. Għaldaqstant, jekk nersqu lejn dawn il-votanti b’messaġġ negattiv nemmen li nkunu tlifniehom mill-ewwel.

Tajjeb li l-abjad nibqgħu nsejħulu abjad u l-iswed ngħajtulu b’ismu. Nittama li meta jasal il-waqt li jintgħażel slogan ieħor għall-kampanija elettorali li jmiss, jintgħażel slogan pożittiv. Dan sar fl-aħħar kampanja għall-kunsilli lokali bit-tema ‘Nagħmlu differenza’. Kien slogan li joffri direzzjoni b’mod pożittiv. U fil-fatt, għamilna differenza fir-riżultati li kellna!

Is-slogan ‘Flimkien kollox huwa possibli’ mhux biss pożittiv imma juri wkoll verità kbira. Meta naħdmu flimkien, naslu. Huwa slogan li juri li fejn hemm l-għaqda, hemm is-suċċess u s-saħħa. Flimkien hemm aktar sinerġija ta’ talenti u kapaċitajiet. Huwa slogan li juri l-importanza ta’ teamwork. Meta naħdmu u niġbdu ħabel wieħed, allura nistgħu naraw ir-riżultati.

Li wieħed jaħdem f’tim mhix faċli. Wieħed għandu bżonn it-taħriġ f’dan ir-rigward. Dan minħabba li kulħadd għandu l-karattru u l-fehma tiegħu. Għalkemm min jaħdem f’tim għandu jkollu viżjoni u għan wieħed, dan ma jfissirx li kulħadd jaħsibha l-istess. U hawn hija l-akbar problema.

Tim veru huwa dak li jagħti l-ispazju kollu meħtieġ biex ikun hemm diskussjoni sħiħa u aperta. Huwa importanti li wieħed iħossu komdu u liberu li jitkellem, juri l-fehma tiegħu u anke jikkritika b’mod passjonali. Imma tim veru huwa dak li wara li sseħħ id-diskussjoni u jkun hemm deċiżjoni waħda.

Tim veru huwa li meta jkun hemm diffikultà, wieħed jagħmel sforz akbar biex jaħdem għal dak l-għan li wieħed ikun daħal għalih. Ikun tajjeb li lit-tfal tagħna nagħtuhom edukazzjoni f’dan ir-rigward u nagħtuhom ukoll opportunità biex jagħmlu esperjenza tas-sbuħija li tgħix u taħdem f’tim.

Waħda mir-raġunijiet tat-telfa li kellu l-PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali kienet proprju l-fatt li mhux biss kien hemm nuqqas ta’ għaqda fostna, imma wkoll nuqqas ta’ teamwork. Ċerti kandidati donnhom kienu aktar moħħhom fl-aġenda tagħhom personali milli fil-ġid tal-partit u tal-pajjiż. Għalkemm is-sistema elettorali tagħna tpoġġi lill-kandidati f’kompetizzjoni diretta ma’ xulxin, u fil-verità hemm numru kemm jistgħu jitilgħu, huwa fl-interess ta’ kulħadd li naħdmu bħala tim. Il-votanti għatxana għall-għaqda u mhux għall-firda.

Tajjeb li nagħmlu wkoll qabża oħra fil-maturità politika billi naħdmu ma’ dawk li huma deputati/kandidati Laburisti. Dan diġà jseħħ fuq livell ta’ kunsill lokali. L-esperjenza tiegħi fil-Kunsill ta’ San Ġiljan hija waħda pożittiva ħafna f’dan ir-rigward. Għalkemm wieħed għandu opinjonijiet differenti (għalhekk ninsabu f’partit differenti), ilkoll b’għan wieħed: il-ġid komuni ta’ lokalità. Waqt li huwa minnu li dejjem hemm ċerta tensjoni, hija turija ta’ maturit. meta wieħed jipprova jfittex dak li jista’ jgħaqqadna aktar milli dak li jista’ jifridna.

Għaldaqstant, nemmen bis-sħiħ li verament flimkien kollox huwa possibbli.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 24 ta' Lulju, 2016)

9 views

Comments


BACK
bottom of page