top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Garibaldi

Il-mexxej il-ġdid Adrian Delia, wara li akkwista l-fiduċja tal-maġġoranza tal-kunsilliera u tat-tesserati għandu sfida wisq akbar; li jaħdem qatigħ biex dawk li vvutawlu u dawk li ma vvutawlux jibdew iħossuhom bħala partit wieħed.



Giuseppe Garibaldi kien ġeneral Taljan. Garibaldi huwa meqjus bħala wieħed mill-missirijiet tal-Italja magħquda. Flimkien ma’ oħrajn, huwa ġġieled kontra l-establishment ta’ dak iż-żmien (fosthom il-Papa) biex ikun jista’ jgħaqqad l-Italja bħala nazzjon wieħed. Tajjeb li wieħed jgħid li qabel ma seħħ dan, l-Italja kienet maqsuma f’diversi stati u rejiet, fosthom l-istati papali u r-renju ta’ Napli, fost oħrajn.

Għalkemm Garibaldi rnexxielu f’din l-isfida kbira jgħaqqad lil dan il-pajjiż f’wieħed, lilu stess insibuh jistqarr li l-ikbar sfida li kellu ma kinitx li jirbaħ u jgħaqqad diversi stati flimkien, iżda li dawn l-istati differenti u l-popli tagħhom jibdew jaħsbu b’mentalit. ta’ pajjiż wieħed. U għalkemm għaddew diversi snin, kull min huwa midħla ta’ dan il-pajjiż jaf li anke llum hemm ilħna kontra din l-għaqda ta’ pajjiż wieħed.

Għaliex qiegħed inġib dan l-eżempju ta’ Garibaldi? Nistqarr li l-mexxej il-ġdid Adrian Delia għandu din l-istess sfida. Wara li huwa, flimkien ma’ oħrajn, akkwista l-fiduċja tal-maġġoranza tal-kunsilliera u, wara, tat-tesserati, issa għandu sfida wisq akbar. Din hija li jaħdem qatigħ biex dawk li vvutawlu u dawk li ma vvutawlux jibdew iħossuhom bħala partit wieħed u mhux tnejn. Nemmen li din hija l-ikbar sfida li Adrian Delia għandu bħalissa.

Hija sfida, jew aħjar, opportunità biex jgħaqqad il-Partit, li jekk wieħed ikun sinċier u onest bħalissa mhux biss partit fl-Oppożizzjoni imma wkoll ‘imbenġel’ bil-proċess tal-għażla tal-mexxej il-ġdid. Meta ngħid li l-Partit bħalissa huwa ‘mbenġel’ ħadd ma għandu jaħseb li qiegħed ngħid dan jekk mhux b’qalb maqsuma. Imma dan huwa fatt u jkun żball oħxon jekk nippruvaw indaħħlu rasna fir-ramel. L-għaqda ma taqax mis-sema. Jibqa’ fatt li għad hawn feriti miftuħa. U bħal kull ferita oħra, wieħed irid ‘jiftaħha’ biex din verament tista’ tfiq u tingħalaq. Adrian Delia ma għandux jibqa’ lura biex ‘jiftaħ’ il-feriti bl-għan aħħari li dawn jingħalqu fl-iqsar żmien.

Ejjew inkunu onesti, dan it-‘tbenġil’ ma sarx bix-xejn. Sar għaliex filwaqt li kien tajjeb li wieħed jikteb/jesprimi l-opinjoni tiegħu, xi wħud kienu irresponsabbli fi kliemhom, f’kitbiethom u f’għemilhom. Xi wħud ħallew il-passjoni partiġjana interna taħdem aktar. Dan sar miż-żewġ naħat. Mhux hekk biss. Wieħed ma jridx ikun intelliġenti ħafna biex jinduna li anke ċerti kummenti kienu orkestrati u magħmula minn nies li suppost jafu aħjar. Dan intwera ċar fil-kummenti li kien hemm fil-mezzi soċjali.

Għalkemm kulħadd għandu bżonn li jiġbed l-istess ħabel, ċerta responsabbilt. ta’ għaqda tinsab tistrieħ fuq spallejn Adrian Delia u l-mod kif huwa u dawk ta’ madwaru se jġibu ruħhom. Hekk kif il-Gvern – ikun min ikun – fl-ewwel ġimgħat tal-ħidma tiegħu jrid joqgħod attent li għax rebaħ huwa, allura jkaxkar kollox (kif sfortunatament għamel dan il-Gvern Laburista, għalkemm kien jgħajjat li wieħed jista’ ma jaqbilx miegħu imma xorta jista’ jaħdem miegħu), hekk ukoll f’dan il-każ. Ċert li Adrian jaf sewwa li ma jistax jirbaħ l-elezzjonijiet li ġejjin jekk l-ewwel ma jirbaħx lil dawk innies fi ħdan il-Partit mhux biss ma vvutawlux imma għadhom kritiċi lejh. Dawn ma jmorrux billi wieħed jinjorahom. Adrian jaf sew li huwa għandu bżonnhom. Ma jistax jitlifhom ukoll. Biżżejjed ninsabu 40,000 minn taħt.

Għalkemm dawn iridu jagħmlu l-parti tagħhom, żgur li jekk Adrian jew aħjar dawk ta’ madwaru jieħdu l-attitudni li jibdew iwarrbu jew inkella ‘jaqtgħu l-irjus’ ta’ dak u tal-ieħor, allura mhux biss nibqgħu fejn qegħdin imma mmorru lura.

Il-Partit huwa magħmul minn par idejn. Ma tistax id waħda ma jkollhiex bżonn lill-oħra. Huwa importanti li kull par idejn ikun immexxi aktar mir-raġuni billi mill-passjoni, fosthom l-ambizzjoni personali.

Għaldaqstant, hekk kif Eddie Fenech Adami kien matur biżżejjed biex huwa u dawk ta’ madwaru joffru l-id ta’ ħbiberija lil Guido de Marco u dawk li appoġġjawh, hekk ukoll din id-darba. Adrian u t-tim tiegħu ma jistgħux ma jadottawx l-istess attitudni. Sfortunatament, nistqarr li hemm xi wħud minn ta’ madwar Adrian li b’mod jew ieħor donnhom diġà qegħdin bil-pulit iwarrbu lil xi wħud.

Adrian irid ikun assertiv magħhom! Adrian ma għandux jara sal-ponta ta’ mnieħru! Ir-rispett lejn kull mexxej mhuwiex awtomatiku imma jiġi b’ħidma u b’għaqal. Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li huwa fl-interess tal-istess partit li fi ħdanu jkun hemm nies kritiċi (b’mod kostruttiv) li jagħrfu mingħajr biża’ jwasslu l-kritika kostruttiva tagħhom. Il-kritiċi għandhom iservu bħala l-kuxjenza ta’ kull mexxej. Diversi snin ilu fuq it-televiżjoni Ingliż kien hemm sensiela ta’ programmi satiriċi bl-isem ‘Yes Minister’. F’din is-sensiela, il-Ministru kien imdawwar b’nies li dejjem kienu jispiċċaw ifaħħruh u jgħidulu ‘Prosit, Ministru!’. Ikun żball għal kull tip ta’ mexxej li jkun imdawwar b’nies li ħlief ‘prosit’ u ‘iva’ ma jgħidulux! Ħafna drabi dawk li jgħidulu ‘iva’ u ‘prosit’ ikunu l-istess persuni li minn warajh jgħidu bil-kontra. Għaldaqstant, huwa tajjeb li Adrian ikollu nies li kapaċi jgħidulu dak li ma jixtieqx jew ma jridx jisma’. Għandu jkollu kuraġġ biżżejjed biex nies kritiċi mhux jurihom il-bieb ’il barra jew iwarrabhom, imma jressaqhom lejh.

B’hekk biss jista’ jkun qiegħed iħoss il-polz tal-Partit. B’hekk biss ikun qiegħed jiġbed lil kulħadd. Il-PN matul is-snin dejjem kellu diversi ilħna fi ħdanu u b’hekk seta’ verament jimxi ’l quddiem flimkien.

Jalla lkoll kemm aħna nieħdu dan bħala eżempju. Nawgura lil Adrian Delia l-ħidma t-tajba.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 24 ta' Settembru, 2017)

7 views

Comments


BACK
bottom of page