top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Is Malta being governed by proxy?

Is Malta being governed by proxy?

Is Robert Abela truly in the driver’s seat? Is it he who calls the shots? PL resembles a massage parlour rubbing inflated egos. Robert...

04/11/24

Gvern Laburista seftur?

Gvern Laburista seftur?

Kull gvern demokratiku jiġi magħżul biex iservi l-ġid komuni. Il-ġid komuni jfisser li dak li jiġi deċiż huwa fl-interess tal-poplu...

27/10/24

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Għajxien aħjar għall-anzjani

Barra li tingħata l-COLA kollha, nistaqsi jekk wasalz iż-żmien li kull pensjoni tkun tax free!


Credit: Shutterstock

Bħala kelliem għal livell għoli tal-għajxien għandi nteress li nħares ukoll l-interessi tal-anżjani tagħna, aktar u aktar meta min-naħa qed ikollna inqas trabi li jitwieldu u min-naħa l-oħra aktar anżjani jgħixu aktar.


L-esperjenza qed turnina li filwaqt li qed niftaħru li għandha ekonomija sejra tajba u l-GDP huwa wieħed b’saħtu IMMA r-realtà ta’ diversi anzjani hija differenti. Huma diversi anzjani li qegħdin jesperjenzaw il-faqar… u meta ngħid faqar ma jfissirx biss faqar materjali jew finanzarju imma anke faqar emozzjoniali, mentali, soċjali u psikoloġiku!


Għalkemm li wieħed ikun anżjan qatt u qatt ma kien mument faċli minħabba diversi fatturi, l-esperjenza attwali qed turina li tkun anżjan illum il-ġurnata huwa aktar ta’ sfida u wġigħ ta’ qalb/ras.


Filwaqt li l-Gvern jiftaħar li qalbu hija mal-battut, fir-realtà qalbu qed tħabbat mal-korrotti u l-ħallelin li qegħdin jitħallew jitħanżru u jiffangaw minn fuq dahar il-poplu, li jinkludi anke l-anzjani. L-aħħar skandlu tar-racket tas-servizzi soċjali huwa xhieda ta’ dan.


Mill-aħħar stħarriġ li sar, qed joħroġ ċar kull darba li l-għoli tal-ħajja hija ta’ wġigħ ta’ ras għal diversi. Jidher ċar li l-aktar kategorija tas-soċjetà tagħna li mhix qed tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja huma l-anzjani tagħna. Xi wħud mill-anzjani tagħna qegħdin jispiċċaw iduru fuq uliedhom jew membri oħra tal-familja biex jgħinuhom, filwaqt li oħrajn qegħdin ifittxu l-għajnuna tas-soup kitchens.


Dan mhux qiegħed ngħidu jien biss.


Qalitu l-Caritas fid-dokument ‘Mininum essential budget for a decent living’, u issa wkoll l-istudju professjonali li sar mill-General Workers’ Union flimkien mal-Moviment Graffiti u l-Alleanza kontra l-faqar.


F’dan ir-rapport/studju bl-isem ta’ ‘A proposal towards the defintion and estimate of the national living income in Malta 2022’, jikkonferma dak li ilna ngħidu, li l-anzjani mhumiex qed ikollhom livell diċenti ta’ għajxien.


Fil-fatt, f’dan l-istudju jaqsam il-populazzjoni f’diversi kategoriji, fosthom single parent, ġenituri b’ulied, anzjan single u koppja anzjani. Permezz ta’ kalkoli mibnija fuq seba’ bżonnijiet, fosthom is-saħħa, l-ikel u l-housing, dan ir-rapport ħareġ kemm wieħed f’kull kategorija għandu jkollu dħul biex jassigura li jkollu livell ta’ għajxien diċenti.


Fil-fatt, f’dan ir-rapport f’paġna 80, l-anzjani single għandhom bżonn ikollhom dħul mill-inqas ta’ 12K fis-sena, filwaqt li koppja anzjana għandha bżonn ikollhom dħul mill-inqas ta’ kważi 18K (17,704).


Il-kbir għadu ġej! Imma fl-istess rapport jiddikjara li 71% mill-anzjani single f’pajjiżna (jiġifieri kważi 20K anżjan single) ma għandhomx dan id-dħul! Min-naħa l-oħra, kważi 18K jiġifieri 68% tal-koppji anzjani li ma għandhomx dan id-dħul!


Dan ifisser li madwar 38,000 anzjani f’Malta ma għandhomx ħajja diċenti! Prosit Ministru!


X’jista’ jagħmel il-Gvern?


Barra li jagħti l-COLA kollha, nistqasi jekk wasalx iż-żmien li bħala turija ta’ apprezzament tal-ħidma tagħhom matul is-snin u għas-sagrifiċċji li huma għamlu, titneħħa kull tip ta’ taxxa fuq il-pensjoni tagħhom. Fil-qosor, li kull pensjoni tkun tax free! Ifisser ukoll li min jirċievi aktar minn pensjoni waħda (hemm xi wħud għandhom pensjoni tat-teżor jew inkella minn barra minn Malta), dawn jingħatawlhom kollha bla taxxa!


Il-penzjonanti ħadmu għal penzjoni tagħhom. Il-penzjonanti ħallsu t-taxxa matul is-snin kollha.


Nistaqsi: hemm bżonn li dan l-istat jibqa’ jintaxxa lil persuna sa mewtha… u anke wara mewtha? Infakkar li l-PN kien issuġerixxa li titneħħa l-kawża mortis – taxxa tas-suċċessjoni – ukoll għalkemm meta konna fil-Gvern, numru ta’ miżuri kienu tneħħew.


Min jgħid li b’dan il-mod jonqos id-dħul tal-Gvern, ikun tajjeb li jaraw kif il-Gvern qed jisparparja u jberbaq il-miljuni biex ipaxxi lil tal-qalba! Kieku nieħdu l-miljuni mill-Vitals/Stewards, kieku nnaqsu d-direct orders u s-salarji tal-positions of trust, allura ma nitkellmux b’dan il-mod. Għall-anzjani ma għandhux flus, filwaqt li tal-qalba qed jitħanżru u jiffangaw?


Imma ’l hinn mid-dħul finanzjarju, hemm bżonn biex l-anżjani tagħna jibqgħu jkollhom standard of living tajjeb, jeħtieġ li jibqgħu, sakemm jistgħu, jgħixu fil-komunità tagħhom. Hekk kif siġra jekk tinqala’ minn posta, tbati biex tikber f’post ieħor, hekk ukoll l-anzjani. L-anzjani għandhom jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom sakemm huwa possibbli.


Kien għalhekk il-PN fil-Gvern kien daħħal diversi servizzi li jagħtu appoġġ lil anzjani biex jibqgħu f’darhom. Kien il-PN fil-Gvern li daħħal il-home help, telecare, meals on wheels, is-servizz tal-handyman, u skemi għal carers.


L-anzjani tagħna huma l-memorja ta’ pajjiżna. L-anzjani tagħna huma l-patrimonju ta’ pajjiżna. Tajjeb ukoll li niftakru li bil-mod kif nistmgħu lil anzjani ta’ llum, huwa l-mod kif inkunu qegħdin ngħallmu lil ġenerazzjoni ta’ għada kif jistmgħu lilna meta nkunu anzjani aħna stess!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 29 t' Ottubru, 2023)

33 views
BACK
bottom of page