Għajxien aħjar lil first-time buyers
- manuelschembri
- Jul 31, 2023
- 3 min read
L-interessi tal-loan tal-banek mhux biss jiekol mid-dħul tal-koppja, imma anke jiekol mill-kwalità tal-għajxien tal-ħajja tal-istess koppja.

Skont l-aħħar rapport maħruġ mill-NSO juri li fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena, il-prezzjijiet tal-propjetà reġgħu żdiedu b’6.6% fuq is-sena li għaddiet. L-aktar żieda kienet fil-prezzijiet tal-appartamenti.
Dan l-istħarriġ isegwi studju ieħor li sar minn Grant Thorton u Dhalia fejn dawn sabu li hemm diversi koppji żgħażagħ li mhux possibbli għalihom li jixtru darhom. Fil-fatt, dan l-istess rapport stqarr li l-prezzijiet bejn 2013 u 2022 żdiedu bi 100% u propjetà b’żewġ kmamar tas-sodda, li fl-2013 kienet tiswa’ €120,000, issa saret tiswa’ €240,000.
X’kien ir-rispons tal-Gvern quddiem dawn iż-żidiet ta’ prezzijiet?
Fl-aħħar baġit, il-Gvern ħabbar b’tant pompa u spin li ser jagħti għotja ta’ €1,000 fis-sena għal 10 snin lil dawk il-koppji li jixtru l-ewwel dar tagħhom.
Kienu diversi dawk, fosthom il-Partit Nazzjonalista, li ġibet l-attenzjoni li din l-għotja, għalkemm hija sabiħa u tajba fiha nnifisha u aħjar minn xejn, imma fir-realtà ser twassal biex ikun hemm żieda fil-prezzijiet, u li €1,000 fis-snin li ġejjin ser titlef is-saħħa tagħha.
Anke Robert Abela kien wissa’ lis-sidien biex ma jgħollux il-prezzijiet! U propju dan li ġara, kif ikkonfermat mill-aħħar stħarriġ tal-NSO.
Għal darba oħra, il-Gvern Laburist ra sal-ponta ta’ imnieħru. Il-Gvern spiċċa biex ġab il-ġebla f’saqajn dawk il-koppji ġodda li jixtiequ jixtru l-ewwel dar tagħhom.
Dan kien diġa’ ġara fl-2014 meta l-Gvern ta l-ewwel għotja ta’ flus lil dawn iż-żgħażagħ. Dan mhux qed ngħidu jien imma kien l-istess Bank Ċentrali stess li stqarr li wieħed mill-kawżi ta’ dawn iż-żidiet kienet propju din l-għotja. Sfortunatament, numru ta’ żviluppaturi/sidien ta’ proprjetà irraġunaw billi qalu li jekk il-gvern kien ser jgħin lil koppji, allura riedu jbillu subajhom huma wkoll!
Sfortunatament, il-Gvern ma tgħallimx u reġa’ kien il-kawża ta’ dawn iż-żidiet!
Problemi soċjali
Iż-żieda tal-proprjetà qed toħloq mhux biss sitwazzjoni ta’ diffikultà kbira biex dawn il-koppji jixtru l-ewwel dar tagħhom, imma dan qed iwassal għal ansjetà kbira u problemi soċjali oħra fost l-istess koppji. B’hekk il-livell tal-għajxien tagħhom qed ibati flimkien mal-kwalità tar-relazzjoni ta’ bejniethom. Diversi koppji mhux qiegħed ikollhom ħin ta’ kwalità għal xulxin, għaliex għaddejjin mix-xogħol full-time tagħhom għal part-time, biex ilaħħqu mal-ispejjez. Fil-fatt, skont l-NSO, kien hemm żieda ta’ 9% fuq dawk li huma full-time imma qed jagħmlu wkoll part-time.
Proposta tal-PN
Il-proposta tagħna kienet u hija li minflok ma jingħata għotja ta’ flus bħala cash, kien ikun ferm aktar għaqli li jagħti sussidju fuq l-interessi tal-loans mill-bank. B’hekk il-prezz mitlub mis-siden ma jintmissx u ma jkunx hemm talba għal żieda mis-sidien.
Min-naħa l-oħra, anke fid-dawl li l-interessi tal-bank qed, jew, ser jiżdiedu, dan ikun qiegħed aktar jgħin lil dawn il-koppji. Ilkoll nafu kemm l-interessi tal-loans huma ta’ piż fuq il-ħajja tal-koppji tagħna.
Din mhiex xi skema fl-arja għaliex kienet skema li ħarġet fi 2012, meta kont Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.
Fil-qosor din l-iskema kienet tagħti sussidju/għajnuna fuq l-interessi tal-loan mill-bank ta’ 2.5% fuq loan li huwa mifrux fuq medda ta’ 30 sena (dak iż-żmien din kienet il-medja).
Dan is-sussidju kien jingħata fuq self sa massimu ta’ €120,000 (mill-ġdid, din kienet l-average loan li kien jittieħed).
Dan li ktibt hawn mhux biss hu fil-qosor dak li għidt fid-diskors tiegħi fil-Parlament imma wkoll fl-istqarrija li l-kollega ħabrieki Ivan Bartolo u jiena ħriġna f’isem il-partit.
Nistieden lil Gvern li kif għamel U-turn u aċċetta l-iskema KIRI – skema li l-Gvern jikri proprjetajiet mingħand il-privat biex imbagħad ikun jista’ jikrihom b’mod sussidjat lil persuni li għandhom bżonn akkomodazzjoni – wara li tant kien ikkritika, jagħmel hekk ukoll fuq din l-iskema.
Irridu nifhmu ’l hinn minn battibekki politiċi li l-interessi tal-loan tal-banek mhux biss jiekol mid-dħul tal-koppja imma anke jiekol mill-kwalità tal-għajxien tal-ħajja ta’ l-istess koppja.
Meta għandna koppji lir-relazzjoni ta’ bejniethom mhix ta’ kwalità tajba u mhux matura, ifisser li ser ikollna soċjetà b’diversi problemi soċjali u umani.
Il-kwalità tal-għajxien tar-relazzjoni tal-koppji tiddependi l-kwalità tas-soċjetà tagħna issa u ’l quddiem.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 16 ta' Lulju, 2023)