Kull gvern demokratiku jiġi magħżul biex iservi l-ġid komuni.
Il-ġid komuni jfisser li dak li jiġi deċiż huwa fl-interess tal-poplu kollu. Kull deċiżjoni politika trid tkun fl-interess tal-ħafna u mhux għal ftit. Minn naħa l-oħra, kull għajnuna lil ‘ftit’ ma tridx tkun ta’ ħsara għal ‘ħafna’.
Dan huwa l-qofol ta’ demokrazija.
B’dispjaċir nistqarr li l-Gvern Laburista wara kważi 28 sena fl-opożizzjoni ħa deċiżjoni li biex jirbaħ il-poter kellu bżonn jidħol f’patt ma’ diversi gruppi ta’ nies. Fehem li dawn il-gruppi ta’ nies, kollha flimkien kienu ser jagħtuħ saħħa demokratika. U hekk fil-fatt ġara!
Imma ħadd ma jagħmel xejn għal xejn. Dawn il-gruppi kienu lesti li jagħtu s-support lil Partit Laburista bil-patt li meta huwa jkun fil-glorja, allura jaħseb fihom. Ħokkli dahri biex wara nħokklok dahrek.
Wieħed minn dawn il-gruppi kienu u għadhom numru żgħir ta’ żviluppaturi/kuntratturi.
Ma’ għandi l-ebda problema nistqarr li dawn minn dejjem ippruvaw jinħabbu maż-żewġ partiti u matul l-administrazzjonijiet Nazzjonalisti ħelbu l-baqra kemm setgħu sakemm din nixfet!
Li ġara din id-darba hija li l-Partit Laburista spiċċa bħal donnu rikattat minn numru żgħir ta’ żviluppaturi/kuntratturi li jħossu li Malta saret tagħhom. Donnu l-Partit Laburista ma jistax jew ma jafx jgħidilhom ‘LE, dan mhux fl-interess tal-ġid komuni’.
Dawn in-numru żgħir ta’ kuntratturi/żviluppaturi tant ingħataw arja li wassal biex il-Partit Laburista tilef ruħu. Illum il-Partit Laburista m’għadhux Laburista imma sar donnu partit tal-iżviluppaturi. Kull ma dawn jixtiequ, jagħmlu. Kull ma jridu, jagħtuhom. Kif jgħidu bl-Ingliż, ‘your wish is my command’.
Issa, wasalna f’punt li sabiex il-Partit Laburista jkompli jaqdi mill-koxxa lil dawn l-iżviluppaturi/kuntratturi, qiegħed saħansitra jbiddel il-policies/deċiżjonijiet/regoli skont ma jixtiequ jew skont il-bżonnijiet tagħhom. Ir-regoli u l-permessi saru qishom chewing gum, jinġibdu skont il-bżonn.
Dan kollu qed iwassal biex il-Gvern Laburista jkun gvern seftur tagħhom. Dan mhux qiegħed ngħidu jiena biss imma saħansitra numru ta’ diriġenti fil-Partit Laburista li jinsabu serjament delużi.
Għalkemm wieħed jista’ jsemmi diversi każijiet li kellna matul dawn 11-il sena fejn sfaċċatament ir-regolari u l-policies imbiddlu biex jakomodaw lil ftit għal skapitu tal-ħafna, insemmi l-każ ta’ Villa Rosa ġewwa Paceville, San Ġiljan.
Għal divesi snin, Robert Abela kien qalilna li l-pjani lokali ma jistgħux jimbiddlu u jekk dawn jimbiddlu ser jinqalaw diversi problemi serji. Fil-fatt, fl-intervista li huwa kellu mal-gazzetta Times of Malta f’2022 ikkonferma dan b’mod l-aktar ċar. Issa f’daqqa waħda sirna nafu, grazzi għal xi ħadd li kien għal laqgħa tal-Kabinett li tgħarraf dan lil gazzetta, li ser ikun hemm reviżjoni ta’ dawn il-pjani lokali f’Paceville. L-iskantament huwa li dan mhux ser isir għal lokalità kollha imma biss għal fejn hemm l-applikazzjoni tal-Villa Rosa!
Skont il-pjani lokali li hemm bħalissa, din l-applikazzjoni ma tistax isir! Mhux hekk biss. L-EIA qalet li jekk dan isir ser ikun hemm impatt kbir mhux biss fuq l-ambjent u l-bajja imma anke għal kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu f’Pembroke!
Il-Prim Ministru, għaliex jaf li b’dawn ir-regoli tal-ipjannar dan il-proġett ma jistax issir u biex jaqdi mill-koxxa li dan l-applikant, spiċċa biex jitlob li jkun hemm reviżjoni BISS fejn qed jiġi propost dan l-iżvilupp!! Hekk sew! Wieħed ma jistax jiskorja fil-lasta u allura biex ikun jista’ jagħmel dan, iwessa’ l-lasta ħalli b’hekk żgur jidħol il-ballun fix-xibka!!
Tajjeb li ngħid li l-Gven Laburista kien diġa fl-2022 aġġevola lil applikant meta ħareġ tender ta’ bejgħ ta’ biċċa art/passaġġ li hemm bejn iż-żewġ binjiet li għandu l-applikant! B’hekk l-applikant seta’ joħroġ bi proġett akbar! L-iskantament huwa li l-Awtorità tal-Artijiet smat din l-art/passaġġ għal €134,000! Issa kulħadd jaf li kull toqba ġewwa Paceville/San Ġiljan tiswa l-eluf jekk mhux i l-miljuni! Bi €134,000 ġewwa Paceville/San Ġiljan, lanqas 1 bedroom apartment ma tixtri!
Barra minn hekk, f’dan it-tender kien hemm li wieħed jista’ jibni f’dan il-passaġġ sakemm iħalli 5.5 metri ‘l fuq mill-art! Dan ifisser allura li dan it-tender kien ‘tailor made’, jiġifieri mfassal eżatt kif xtaqt l-applikant?
Bħala Deputat tal-lokalità, flimkien ma’ oħrajn, qegħdin nitolbu lil Awditur biex jagħmel investigazzjoni kif din l-art ġiet stmata u mgħoddija jumejn l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Robert Abela qalilna wkoll li dan l-iżvilupp li ser iġġib l-ġid u jiġbet fostna turisti ta’ kwalità. Filwaqt li tajjeb li nħajjru fostna turisti ta’ kwalità, imma dawn jiġu f’Malta mhux biex jaraw Dubai jew New York fil-Mediterran imma biex jagħmlu esperjenza tal-Malta fil-Mediterran!
Barra minn hekk, filwaqt li kulħadd jieħu ġost bil-ġid, wieħed irid jistaqsi imma fejn u għand min ser immur dan il-ġid? Dan biex ma nsemmix li diversi ħaddiema li ser ikunu qegħdin jaħdmu kemm sakemm jinbedna u meta jinfetaħ ser ikunu barranin. Dan ifisser li, filwaqt li m’għandi l-ebda diffikultà bihom, imma dan ser ikompli jħalli mpatt serju fuq il-popolazzjoni tagħna?
Naqbel perfettament ma dak li qalet il-President Emeritus, Marie Lousie Colerio Preca, meta f’attività politika tal-Partit Laburista qalet li ‘l-ekonomija qegħdha biex isservi lin-nies u mhux in-nies li jservu l-ekonomija’.
Il-Gvern Laburista għandu jieqaf ikun seftur tal-ftit!
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 25 t' Ottubru, 2024)