Jekk pajjiżi oħra mxew ’il quddiem u għollew il-livell tal-għajxien tagħhom għaliex ma beżgħux jadottaw politika u d-deċiżjonijiet Ewropej, għaliex aħna ma nistgħux?
Ix-xahar ta’ Settembru jfakkarna fl-akbar ġrajja politika ta’ pajjiżna. Nhar il-21 ta’ Settembru ġej [2023], Malta tagħlaq 59 sena minn meta pajjiżna sar sovran u indipendenti. Hija ġrajja li fetħet il-bieb għal pajjiżna biex jimraħ.
Dan kollu kien grazzi għall-għaqal u d-dehen ta’ dawk li ġew qabilna li matul is-snin tkellmu u ħolmu li pajjiżna għandu jkun independenti. Il-prinċipju bażiku kien li l-ebda pajjiż ieħor ma għandu s-setgħa jew id-dritt li jaħkem poplu ieħor mingħajr il-kunsens ta’ l-istess poplu!
Dan kien il-qofol tal-ħsieb li dejjem igwida lil Partit Nazzjonalista matul is-snin.
Għalkemm kienu diversi politiċi li matul is-snin tkellmu u stinkaw għal dan, kellu jkun Ġorġ Borg Olivier li wassalna fil-port independenti. Grazzi għalih u għal dawk ta’ madwaru fil-Partit Nazzjonalista, Malta saret pajjiż fuq riġlejh u sovran.
Huwa għalhekk li Ġorġ Borg Olivier meqjus missier Malta Independenti.
Imma din hija ġrajja storika. Wara 59 sena bħala pajjiż indipendenti, x’inhuwa l-pass li jmiss?
Matul dawn is-snin, Malta nbidlet u għaddiet minn diversi kapitli. Xi wħud kienu koroh. Imma xi wħud kienu glorjużi u għamlu unur mhux biss lil Malta imma anke lill-Partit Nazzjonalista, fosthom meta Malta daħlet membru fil-Komunità Ewropeja, u l-introduzzjoni tal-munità ewro.
Sfortunatament inħoss li bħalissa Malta mhux biss għaddejja minn mument diffiċli imma donnu li sibna l-qiegħ. Dan mhux għaliex hemm fit-tmexxija tal-pajjiż il-Partit Laburista. Din hija d-demokrazija, u l-Partit Nazzjonalista dejjem aċċetta u baxxa rasu għar-rieda tal-poplu. Għaldaqstant, il-problema tiegħi mhiex għaliex hemm il-Labour fil-gvern, IMMA għaliex il-Labour qiegħed b’mod sistematiku jkisser pajjiż sħiħ!
Matul dawn l-10 snin li ilu fit-tmexxija, il-Partit Laburista spiċċa maħkum minn forzi li użawh u xorbulu ‘ruħu’. Illum, il-Labour ma jintgħarafx. Kuljum nisimgħu skandlu wieħed wara l-ieħor u kull fejn hemm il-Labour hemm akkuzi u anke provi ta’ korruzzjoni. Numru ta’ deċiżjonijiet li ħa l-Labour ħadhom biex ipaxxi lil ċertu nies tal-qalba. Il-Gvern Laburista spiċċa dar ta’ kenn għal ħallelin, frodisti u opportunisti.
Dan ħalla u qiegħed iħalli mpatt kbir fuq il-pajjiż. Pajjiżna tilef il-vibra etika tiegħu.
Biżżejjed wieħed jara l-istat li jinsab fih l-ambjent tagħna fejn Malta donnha saret ‘one construction site’, bil-bini eċċessiv li qiegħed jeqred il-karattru tal-irħula u l-bliet tagħna. Biżżejjed wieħed jara kif l-irħula tagħna saru mandra bl-iskart u nuqqas ta’ ndafa. Biżżejjed li wieħed imur sal-emerġenza tal-istpar. Biżżejjed li wieħed jara r-riżultati tal-istudenti tagħna fl-eżamijiet tal-O/A levels, fejn kellna nuqqas ta’ livell. Biżżejjed wieħed jisma’ fuq każijiet ta’ korruzzjoni, l-aħħar wieħed ikun l-iskandlu fis-servizzi soċjali. Biżżejjed jara l-awtoritajiet u entitatjiet tal-Gvern, bħal ma huma l-pulizija, li jibżgħu jagħmlu xogħolhom. Biżżejjed li wieħed jara kemm żdiedet il-populazzjoni u kemm dawn il-ħaddiema qegħdin ikunu stmati bħal skjavi. Il-lista hija twila u ma tispiċċax.
Allura x’inhuwa l-pass li jmiss? Xi jrid jagħmel il-Partit Nazzjonalista quddiem dan kollu?
Filwaqt li tajjeb li bħala partit inkomplu nżommu lill-gvern kontabbli ta’ ħniżrijiet li huwa qiegħed iwettaq ta’ kuljum, personalment nemmen li rridu noffru viżjoni bħalma għamlu Ġorġ Borg Oliver u Eddie Fenech Adami.
Nemmen li biex noħorġu minn dan l-isqaq li daħħalna fih il-Gvern Laburista, hemm bżonn b’mod urġenti li naħdmu biex nagħmlu lil Malta verament pajjiż Ewropew!
Nistqarr li għalkemm ilna 19-il sena bħala membri fil-komunità, xorta l-mentalità tagħna mhiex Ewropea. Għaldaqstant hemm bżonn li jkollna standards Ewropej!
Għalkemm aħna poplu Mediterran ma nistgħux nibqgħu ninħbew wara dan u nibqgħu bil-mentalità li kollox jgħaddi u kollox jgħodd. Hemm bżonn urġenti li pajjiżna jadotta l-kultura sħiħa Ewropeja. Dan ifisser bidla radikali ta’ mentalità u ħsieb. Ifisser li l-istituti u l-entitajiet governattivi jmexxu kif jitmexxew f’pajjizi Ewropej fejn is-serjetà, l-akkontabbiltà u t-transparenza hija ċara għal kulħadd. Ifisser li l-Kunsill Lokali jkunu verament ‘gvern lokali’ bħal ma huma fil-pajjiżi Ewropej. Ifisser li l-pulizija u l-avukat ġenerali ma jkunx iservu lill-partit fil-gvern imma lil pajjiż mingħajr biża’ u favuri. Ifisser li l-policies tal-ippjannar ma jkunux donnhom tal-lastiku biex jakkomodaw lil xi fat cat! Ifisser li l-edukazzjoni, it-traffiku, l-indafa u l-bon ordni jkunu mmexxija bl-istess riga Ewropea. Ifisser li l-poltika u l-politikanti jkunu bħal dawk Ewropej fejn hemm serjetà, nuqqas ta’ ndħil mill-ministri, akkontabiltà u kultura ta’ reżenji. Fl-aħħar nett ifisser li ċ-ċittadini Maltin ikunu aktar ċittadini attivi u ma jaċċettawx kollox. Kieku l-iskandli kollha li kellna seħħew f’pajjiżi Ewropej, kieku ċ-ċittadini kienu jagħmlu rivoluzzjoni sħiħa!
Kull min siefer jew jgħix f’pajjiżi Ewropej, anke dawk li sa ftit ilu kienu maħkuma minn reġimi, jafu x’qiegħed ngħid. Jekk dawn il-pajjiżi mxew ’il quddiem u għollew il-livell tal-għajxien tagħhom għax ma beżgħux jaddottaw politika u d-deċiżjonijiet Ewropej, għaliex aħna ma nistgħux?
Nemmen li dan huwa l-pass li jmiss fil-mixja demokratika tagħna.
Dan għandu jkun il-pjan ta’ ħidma għas-snin li ġejjin tal-Partit Nazzjoanlista.
Ħarsitna ’l quddiem fl-Ewropa.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 17 ta' Settembru, 2023)