top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Hawn tal-Pastizzi

Hemm bżonn li jkollna ambjent seren biex inkunu nistgħu nitkellmu fuqhom. Is-sensiela ta' skandli ftit qed tħalli din is-serenità.



Sħan u tajbin… Din kienet diska miktuba minn David Azzopardi ftit tas-snin ilu. Diversi jiftakruha. Wara dak li allegatament seħħ ġewwa l-burdell fil-Ġermanja mill-Ministru Chris Cardona u l-kunsulent tiegħu, u wara dak li kitbet Ann Fenech dwar ikla pastizzi fir-Rabat mill-Prim Ministru u l-mexxejja mistiedna, jidher li din id-diska tinsab mill-ġdid fuq fomm kulħadd!

Ma kienx kumment li għamlet Ann Fenech! Ċert li diversi kienu dawk li għaddew l-istess kumment meta raw lill-Prim Ministru flimkien ma’ mexxejja oħra mdawra mal-mejda għand ħanut tat-te u l-pastizzi fir-Rabat. Il-kumment ta’ Ann kien wieħed sempliċi. Meta wieħed jistieden, lill-mistednin ma jilqagħhomx fil-kamra ta’ fuq il-bejt imma fis-salott jew fil-kċina. Meta wieħed jistieden, jagħmel ukoll ħiltu kollha biex joffrilhom l-aħjar. B’hekk joħroġ bl-unuri.

Fil-fatt, il-Gvern Malti matul il-Presidenza qiegħed ġustament jagħmel minn kollox biex jagħti impressjoni tajba ta’ pajjiżna. Mhux hekk biss. Nistqarr li jekk il-Prim Ministru ried forsi juri lill-mexxejja mistiedna l-karattru tipiku Malti, kien hawn diversi postijiet oħrajn li joffru dan il-karattru. Fil-fatt, ftit ’il bogħod minn dan il-ħanut fir-Rabat hemm il-Każin tal-Banda ta’ San Ġużepp. Dan il-każin, bħal każini simili oħra f’pajjiżna, joħroġ il-karattru tradizzjonali Malti. Kienet tkun opportunità li l-mexxejja mistiedna jaraw il-kultura tal-irħula tagħna. Imma wara kollox, dan huwa marbut mal-gosti. Min jogħġbu mod. Min jogħġbuh il-pastizzi tas-Serkin!

Hija ħasra li l-PL pront għamel storja fejn ma kienx hemm. Hija ħasra li l-PL ħareġ jitkaża u jgħid li Ann Fenech u l-PN huma mneħirhom imxammar. Il-Partit Laburista pprova għal darba oħra jkeskes u jxewwex kontra l-PN. Il-PL għamel kampanja biex juri li l-PN huwa donnu kontra l-kultura tal-pastizzi.

Għalkemm dan mhux minnu, tajjeb li kif qegħdin nitkellmu fuq il-pastizzi ngħidu li dawn ma tantx huma tajbin għas-saħħa tagħna! Nagħmlu tajjeb li ma tantx inħeġġu lin-nies biex jikluhom! Huma l-fast food Malti li jwassal għal problemi fil-qalb u żieda fil-kolesterol.

Imma lil hinn minn din l-istorja kollha, joħroġ ċar li ċerti Maltin jgħixu f’dinja surreali. Xi wħud miċ-ċittadini donnhom ibatu sew minn dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘selective attitude’ – jisimgħu fejn jaqblilhom u jitkażaw fejn jaqblilhom.

Qiegħed ngħid dan għax waqt li xi wħud – anke ċerti ‘opinjonisti’ – tkażaw bil-kumment ta’ Ann Fenech u ħaduha kontriha, quddiem sensiela ta’ skandli serji spiċċaw waqgħu fis-silenzju!

Waqt fuq il-pastizzi donnhom waqgħu jitkellmu u jitkażaw, fuq kontijiet sigrieti fil-Panama donnhom tilfu l-vuċi tagħhom! Waqt li lil Ann Fenech qalulha ‘snob’, lil Gafferena, lis-sidien tal-Premier, lil Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona u Jimmy Magro, fost oħrajn, ma qalu xejn dwarhom. Dan joħroġ ċar li ċerti persuni donnhom huma silettivi għal dak li jgħidu jew inkella mhumiex sinċieri fil-kummenti tagħhom!

Matul dawn il-ġranet kellna wkoll allegata żjara f’burdell fil-Ġermanija. Veru jew le jibqa’ l-fatt li dawn l-istejjer ikomplu jitfgħu dell ikrah mhux biss fuq il-persuna nnifisha, speċjalment wara li diġà kien involut f’każ ieħor ta’ binge drinking f’lukanda, imma sfortunatament intefa’ dell fuq il-politiċi kollha.

Nemmen li din l-aħħar storja ta’ Chris Cardona mhux biss għamlet ħsara lill-klassi politika b’mod inġenerali imma wkoll wasslet biex ħadet l-importanza fuq kwistjonijiet oħra. Dan qiegħed ngħidu mhux biss għax il-laqgħat tal-mexxejja Ewropej spiċċaw tilfgħu l-importanza u ftit kienu dawk li tkellmu fuqhom, imma għax inħoss li hemm kwistjonijiet soċjali ferm importanti li m’aħniex nitkellmu dwarhom.

Biex insemmi eżempju wieħed, tajjeb li niġbed l-attenzjoni għal ċifra li turi li hawn madwar 1,140 tifel u tifla, u żgħażagħ, li mhumiex qegħdin imorru skola. Għalija din hija kwistjoni ta’ importanza kbira. Ilkoll nafu li wieħed ma jistax ikun bla skola. Min se jkun bla skola jfisser li se jkollu diversi problemi soċjali fil-futur tiegħu. Dawn huma ċ-ċittadini ta’ għada. X’qed isir? X’jista’ jsir biex dawn ma jsirux il-problemi soċjali ta’ għada?

Barra minn din il-problema, hemm diversi problemi soċjali oħra, fosthom li kien hawn ’il fuq minn 4,000 mara li sofrew mill-vjolenza domestika, il-kwistjoni tal-kirjiet li splodew ’il fuq, li l-ikel żied b’5%, il-problema tar-refuġjati u xi wħud li se jintbagħtu lura, il-futur tal-AirMalta, l-ambjent u l-bini esaġerat li tiela’, u diversi kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali.

Irridu nitkellmu fuq kwistjonijiet veri u mhux fuq il-pastizzi! Hemm bżonn li jkollna ambjent seren biex inkunu nistgħu nitkellmu fuqhom. Is-sensiela ta’ skandli ftit qed tħalli din is-serenità.


Jekk verament irridu nagħmlu politika li tkun politika għannies, hemm bżonn li nitkellmu fuq l-isfidi li n-nies qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom. Il-PN irid jibqa’ ffukat. Il-PN se jibqa’ joħroġ proposti li jwieġbu għal dawn l-isfidi.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 12 ta' Frar, 2017)

18 views

Comments


BACK
bottom of page