Il-Bajja tal-Balluta hija tagħna lkoll!
- manuelschembri
- Jul 16, 2024
- 3 min read
'Qiegħed nistenna li l-Gvern jassigura lir-residenti li ma hemm l-ebda pjanijiet li din il-bajja ma tibqax bajja. Jekk verament irid li nemmnuh, allura jara li din il-bajja terġa’ tinfetaħ għall-għawm!'

Il-Bajja tal-Balluta ilha magħluqha mill-1 ta’ Ġunju. Ninsabu kważi f’nofs Lulju, f’nofs is-sajf u din il-bajja għadha magħluqha minħabba l-problema serja tad-dranaġġ.
Din is-sitwazzjoni hija inaċċettabli għal diversi raġunijiet.
Sena wara oħra, din il-bajja qiegħda tispiċċa tiġi magħluqha minħabba d-dranaġġ. Is-sena l-oħra u anke dik ta’ qabel, din il-bajja kienet magħluqha għal ġranet sħaħ.
Għaldaqstant, il-Gvern ma jistax jgħid li ma kienx jaf b’din is-sitwazzjoni. Bi sfortuna għalina r-residenti, il-Gvern jaf b’din il-problema imma għażel li ma jintervjenix biex jindirizza din il-problema ta’ dranaġġ li jispiċċa fil-bajja.
Ftit tal-ġranet ilu, il-Gvern ħabbar dak li ilna nafu bih għal tliet snin sħaħ. Qalilna li hemm entità kummerċjali li d-dranaġġ tagħha qed jispiċċa fil-baħar. Qalilna wkoll li s-sistema fejn jinġabar id-dranaġġ hija waħda antika u għandha bżonn xogħol strutturali fuqha.
Kemm huwa bravu l-Gvern! Matul iż-żmien li kont Sindku ġewwa San Ġiljan, jiġifieri sal- 2022, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kien diġà tkellem u kiteb lill-Gvern fuq dawn iż-żewġ kwistjonijiet. Jidher li din l-entità kummerċjali m’għandhiex il-kmamar tal-banju skond il-liġijiet tas-sanità. Id-direttorat jaf b’dan u xorta waħda ma ħareġ l-ebda multa. Rigward it-tieni kwistjoni, dik tas-sistema fejn jinġabar id-dranaġġ, il-Kunsill Lokali kiteb lid-Direttorat biex fuqha jsir investiment u għaldaqstant isir xogħol biex jinbena mill-ġdid dan is-‘sewage’. Imma jidher li dawn it-talbiet spiċċaw waqgħu fuq widnejn torox!
Irrid infakkar li filwaqt li t-turist għandu dritt li jgawdi din il-bajja, li ironikament tintuża spiss mill-MTA għar-riklamar b’ritratti pittoreski tagħha biex tiġbed it-turiżmu lejn Malta, anke r-residenti tagħna għandhom dritt li jgħumu fiha.
Infakkar li r-residenti tagħna diġà huma mxebba’ sal-ponot ta’ mneħirhom b’tant inkonvenjenzi f’din il-lokalità. Infakkar li l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tagħna hija diġà mtappna minħabba x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni bla rażan, l-arroganza ta’ ċertu żviluppaturi, it-trab u l-istorbju. Infakkar li r-residenti diġà jkollhom isofru kaġun tan-numru esaġerat ta’ ristoranti, bars, kirjiet qosra bl-istorbju li jġibu magħhom u l-iskart li jitħalla barra. Infakkar li diġà xi wħud mir-residenti ma jistgħux jistrieħu billejl minħabba l-mużika tgħajjat sa sbieħ il-jum; tinstema’ minn kulħadd barra mill-pulizija tal-għassa li donnhom huma torox!
U ISSA? ISSA anke l-bajja u l-madwar tal-bajja ma jistgħux jużaw ir-residenti!
Nistaqsi, hemm xi interess partikolari li qed iħalli din il-bajja tibqa’ b’din il-problema tad-dranaġġ?
Hemm xi pjan malizzjuż biex il-ħruġ tad-dranaġġ jintuża bħala skuża ħalli b’hekk il-bajja ma tibqax tajba għall-għawm u tkun tista’ tinbidel f’port bħal ma ġara ġewwa l-Ferries f’Tas-Sliema?
Infakkar li wieħed mill-argumenti li konna ġibna meta kien hemm applikazzjoni għal Fast Ferry kienet li skond il-liġi, din hija bajja u mhux port li fih jidħlu l-katamarani.
Jekk din il-bajja titneħħielha ż-żona tal-għawm, tkun iżjed faċli għal uħud li jistgħu jagħmlu din il-bajja bħal Ferries.
Forsi xi ħadd jgħidli li qed nivvinta jew noħlom! J’Alla qiegħed noħlom; j’Alla qiegħed nivvinta. Imma l-esperjenza turina li dan il-Gvern jagħmel minn kollox biex ipaxxi lil ftit. Kien hemm diversi affarijiet li ġejna akkużati li fuqhom qegħdin nivvintaw u spiċċaw realtà. Jekk dan huwa l-pjan malizzjuż, il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ċar – kemm ir-residenti, NGOs, kunsilliera u jiena, semmajna leħinna b’mod l-aktar ċar u assertiv fil-passat u hekk se nagħmlu issa!
Għaldaqstant qiegħed nistenna li l-Gvern jassigura lir-residenti li ma hemm l-ebda pjanijiet li din il-bajja ma tibqax bajja. Jekk verament irid li nemmnuh, allura jara li din il-bajja terġa’ tinfetaħ għall-għawm!
Irridu l-bajja lura! Tuna l-bajja lura! Il-bajja hija tagħna lkoll… u ta’ ħadd aktar!
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Illum – 14 ta' Lulju, 2024)