top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Mhux kull ma jleqq

Mhux kull ma jleqq

Ir-realtà turi li f’pajjiżna ma hawnx transparenza, meritokrazija, akkontabbiltà u mgħarrqa fil-korruzzjoni! L-aħħar rapport tal-World...

14/04/25

Paul Cremona: humble servant

Paul Cremona: humble servant

Although chosen to be an archbishop, he remained a humble and faithful servant of the Gospel. Are there two sets of clergy: the...

28/03/25

Ministru, kif torqod billejl?

Ministru, kif torqod billejl?

“Qed nagħmel din il-mistoqsija f’kuntest mhux biss ta’ diskussjoni politika imma anke għax dan l-aħħar il-Ministru ġie kkritikat ħafna.”...

19/03/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-borma

  • manuelschembri
  • May 8, 2016
  • 3 min read

Diversi Laburisti huma tal-fehma li donnhom dawn it-tliet persuni – Joseph, Keith u Konrad – ħatfu l-Partit Laburista. Diversi Laburisti donnhom qedgħin jistaqsu fejn sejjer il-Partit Laburista.



Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid li l-borma fuq tlieta toqgħod. It-tifsira wara din l-espressjoni hija li wara kull kwistjoni u wara kull storja hemm dejjem tliet persuni involuti. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar joħroġ ċar li l-Gvern Laburista huwa donnu borma antika. Jidher li l-borma Laburista tinsab tistrieħ fuq Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri!

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar joħroġ li dawn it-tlieta jinsabu donnhom f’konfoffa flimkien. Donnhom ħadu r-riegni prinċipali, mhux biss tal-Partit Laburista, imma tal-Gvern Laburista wkoll. Huma kienu u għadhom involuti f’xiri u bejgħ ta’ diversi ftehimiet sigrieti.

F’dan kollu, b’kumbinazzjoni kbira nkixfu wkoll li fil-Panama nfetħu tliet kontijiet sigrieti wkoll, ftit jiem wara l-aħħar elezzjoni! Li nafu s’issa huwa li wieħed minn dawn il-kontijiet huwa ta’ Konrad u l-ieħor huwa ta’Keith. U t-tielet wieħed? Min jaf? Il-borma tkompli titħawwad!

Wara kważi disa’ġimgħat ta’ tkaxkir ta’ saqajn, fi żmien li matulu l-Prim Ministru sostna għal diversi drabi li se jieħu l-passi meħtieġa wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ awdituri (li ħadd ma jaf min huma), il-Prim Ministru ħass li ma jistax jibqa’ jistenna! Sa fl-aħħar il-Prim Ministru stenbaħ, qalu xi wħud.

Min-naħa tiegħu, bl-istil bombastiku tiegħu, il-Prim Ministru ftaħar li kapaċi jieħu deċiżjoni. Ried jidher quddiem il-folla miġbura quddiem Kastilja bħala Prim Ministru sod u li kapaċi jieħu deċiżjonijiet ibsin! U d-deċiżjoni x’kienet? Kienet simili għal ta’meta xi sena ilu kien ħabbar b’tant pompa li se jkun qiegħed iħabbar aħbar kbira u li fil-fatt spiċċat kienet biss li se jraħħas il-fuel b’2ċ! Xejn kbir!

Id-deċiżjoni kienet waħda ta’ daħk fil-wiċċ. Kienet deċiżjoni farsa, kif stqarr tajjeb Simon Busuttil. Diversi huma tal-fehma li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru mhux biss kienet kożmetika, imma kienet toffendi l-intelliġenza! Xi wħud stqarrew li l-Prim Ministru kien ikun aktar onest kieku ma ħa l-ebda deċiżjoni għaliex b’din id-deċiżjoni wera element qawwi ta’ ingann. Il-verità hi li filwaqt li lil Keith Schembri ħallieh fejn kien bħala ‘l-prim ministru’ wara l-Prim Ministru, lil Konrad neħħieh minn Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa u għamlu ministru mingħajr portafoll. L-insult jinsab li filwaqt li Konrad ma għadux jissejjaħ Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa (fejn donnu Konrad ħa għalih jekk jissejjaħ ministru mingħajr portafoll), xorta huwa ministru li se jieħu ħsieb il-proġetti tal-enerġija u d-diversi pjani ta’ privatazzjoni tas-saħħa! L-ingann jinsab li filwaqt fid-dieher Konrad ma għadux ministru involut, fir-realtà xorta jinsab imdaħħal fil-proġetti kollha li kien involut fihom qabel.

U l-borma tkompli titħawwad. Id-deċiżjoni mhux biss mninżlet xejn tajjeb maċ-ċittadini u ma’ dawk li jissejħu floaters, talli anke ma’ diversi esponenti Laburisti. Diversi Laburisti huma tal-fehma li donnhom dawn it-tliet persuni – Joseph, Keith u Konrad – ħatfu l-Partit Laburista. Diversi Laburisti donnhom qegħdin jistaqsu fejn sejjer il-Partit Laburista. Hemm diversi Ministri li jinsabu urtati għaliex forsi x-xogħol tajjeb li qegħdin jagħmlu qiegħed jintefa’ taħt id-dell tqil li ġabu Konrad u Keith.

Waqt l-aħħar ċelebrazzjoni tal-ewwel ta’ Mejju, il-Prim Ministru tkellem fuq kollox. Reġa’ pprova jagħti l-impressjoni li se jkun donnu ‘salvatur’ ieħor! Forsi għalhekk kien hemm diversi libsin T-shirts ħomor bil-kliem ‘God bless Joseph ’? Għalkemm tkellem fuq kollox, naqas mill-ġdid milli jitkellem fuq dak li l-Maltin u l-Għawdxin kollha kienu qegħdin jistennewh li jitkellem dwaru, jiġifieri dwar il-korruzzjoni u li mhux ġust u sew li Ministru u Chief of Staff ikollhom kontijiet sigrieti waqt li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin iħallsu t-taxxi sal-aħħar ċenteżmu. Imma quddiem dan in-nuqqas, diversi qegħdin jistaqsu: Għaliex il-Prim Ministru filwaqt li jaf li qiegħed jitlef l-appoġġ, xorta qiegħed ikompli mhux biss jipprova jiġġustifika dak li għamlu, imma jaqbeż għalihom?

Għaliex il-Prim Ministru filwaqt li f’każi oħra spiċċa biex warrab lil dawk involuti, lil Keith u lil Konrad xorta żammhom miegħu?

Jista’ jkun li l-Prim Ministru huwa involut ukoll? Jekk il-Prim Ministru żamm lil Konrad għaliex skontu, huwa persuna kapaċi, allura għaliex il-power station li kellha tkun lesta sentejn wara l-elezzjoni għadha ma tlestietx u issa smajna li lanqas dan is-sajf mhi se tkun lesta?

Għaliex il-Prim Ministru neħħa lil Konrad minn Deputat Mexxej imma żammu bħala Ministru? Jekk Konrad mhux tajjeb għall-partit huwa tajjeb għall-pajjiż?

Dawn huma mistoqsijiet li ċ-ċittadini onesti qegħdin jistaqsu u li għandhom dritt li jkollhom risposta għalihom. Jekk bil-Malti ngħidu li fuq tlieta toqgħod il-borma, bil-Malti ngħidu wkoll li min iħawwad fil-borma jkun jaf x’fiha!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 8 ta' Mejju, 2016)

BACK
bottom of page