top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-Festi

Fl-interess tagħna lkoll li naħdmu flimkien ngħożżu u nsaħħu l-identità u patrimonju Malti.



Kważi f’kull belt u raħal f’Malta u f’Għawdex jiġu ċċelebrati festi ad unur il-qaddis jew il-qaddisa ta’ dik il-lokalita. F’ċerti lokalitajiet jiġu ċċelebrati saħansitra żewġ festi minflok waħda. Ħadd wara Ħadd, villaġġ wara ieħor jitlibbes biex jagħti qima u ġieħ lill-patrun jew patruna tiegħu. It-toroq jiżżejnu bil-pavaljuni, bandalori, liedna, anġli u qaddisin.

Donnu r-raħal jerġa’ jqum mir-raqda tiegħu. It-toroq jimtlew bin-nies jisimgħu l-banda tferraħ bil-mużika ferriħija. Żgħażagħ u oħrajn jaqbżu ferħana għan-noti tal-banda. Il-knejjes jinxtegħlu u jsiru mill-ġdid iċ-ċentru tal-attenzjoni tar-raħal. Il-bibien tad-djar jinfetħu biex kulħadd ikun jista’ jara sew l-intrata armata. L-istatwa tal-knisja tinġarr b’dedikazzjoni u b’unur. Hemm min iħallas biex jagħmel dan! Diversi lwien tal-murtali jdawlu l-lejl. Il-membri tal-familja li jgħixu fil-villaġġi ’l bogħod, jerġgħu jinġabru lejn l-għeruq tagħhom.

Tassew li l-festi huma parti integrali mill-identita tas-sajf Malti. Parti mill-identita tagħna. Imma mhux biss. Il-festi huma parti magħġuna sew millkultura popolari u reliġjuża tal-gżejjer Maltin.

Huma parti mill-identita tagħna.

Huma fid-demm tagħna.Malta mingħajr festi mhix Malta. Huma appuntament annwali li nħarsu lejh u xi

wħud jistennewh bil-ħerqa u b’passjoni. Il-festa tal-lokalita tagħti identita wkoll lil dik il-lokalita partikulari.

Ilkoll nafu li ċerti lokalitajiet huma marbutin ma’ ċerti festi. Pereżempju, ma tistax titkellem fuq il-Ħamrun u ma titkellimx fuq San Gejtanu. Ma tistax titkellem fuq in-nar u ma ssemmix il-logħob tan-nar ta’Ħal Lija. Ma tistax issemmi r-Rabat, Għawdex, u ma tismax l-għajta ‘Ġorġi tagħna’ jew ‘Viva l-Assunta’! Dan huwa parti minn dak li jagħmilna Maltin. Huma diversi persuni, fosthom żgħażagħ, li jgħixu għall-jiem tal-festa. Persuni li b’tant imħabba u dedikazzjoni jagħtu diversi sigħat ta’ ħidma volontarja biex dawn fil-festa jkunu ċċelebrati. Wara kull festa hemm ammont kbir ta’ voluntieri jaħdmu u jistinkaw matul is-sena kollha. Bla dubju ta’ xejn, wieħed għandu japprezza din il-ħidma. Kemm il-Knisja, l-istat ċentrali, il-kunsilli lokali u l-partiti politiċi għandhom mhux biss japprezzawhom imma għandhom jagħtuhom l-appoġġ meħtieġ.

Imma għalkemm il-festi huma parti minna, dan ma jfissirx li kollox ward u żahar. Il-festiMaltin għandhom il-wiċċ ikrah tagħhom ukoll. Jekk verament inħobbu l-festi, ikun tajjeb li nagħtu kas ċerti ħwejjeġ li jitfgħu tebgħa fuq l-istess festi.

Ċelebrazzjoni reliġjuża jew tradizzjoni popolari?

Dawn huma l-element żejjed ta’ pika, firda u ġlied bejn partitarji, l-infiq esaġerat fl-armar u fi ħruq ta’ nar, sakra u abbużi oħra (fosthom droga), kważi idolatrija quddiem il-vara, storbju esaġerat mill-ħruq tal-murtali, ħinijiet li jibqgħu għaddejin sa tard mal-lejl mingħajr kas li hemm tfal, morda u anzjani li qegħdin ibatu, skart mal-art, arbli u pedestalli fuq il-bankini (persuni b’diżabbilta, anzjani u tfal ma jkunux jistgħu jimxu fuqhom), u toroq magħluqin b’inkonvenjenza kbira għall-karozzi.

Barra minn hekk, nistaqsi: il-festi huma ċelebrazzjoni reliġjuża jew tradizzjoni popolari? Huma festi bi spirtu Nisrani jew inkella folklor Malti u okkażjoni ta’ kummerċ? Sfortunatament, huma diversi dawk li filwaqt li jħobbu l-festi u jaħdmu qatigħ għalihom imma fl-istess ħin imorru kontra l-istess tagħlim Nisrani jew l-istess kitbiet/tagħlim tal-patrun!

Nistqarr li ċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja qegħdin inaqqsu mill-attendenza. Għal dan hemm diversi fatturi. Fosthom hemm ċelebrazzjonijiet li kienu tajbin għall-imgħoddi imma mhux għal-lum.

Il-lingwaġġ liturġiku u l-Latin ma għadux jagħmel aktar sens. Il-mużika fil-knisja mhix mużika liturġika li tgħin lill-ġemgħa biex tkanta. Is-sħana kbira fil-knejjes, aktar u aktar meta l-knejjes huma mżejna bid-damask u bil-linef mixgħula. Il-prietki għadhom twal u ħafna drabi mingħajr relevanza għar-realtà tal-lum.

Inħoss li l-Knisja minflok toqgħod tara kif se tikkontrolla labbużi, ikun aħjar li tara kif se twassal f’dan il-kuntest tal-festi, il-messaġġ tal-Vanġelu u l-qaddis/a għar-realtajiet tal-lum. Nistqarr li ċerti saċerdoti donnhom imwaħħla b’nostalġija ma’ żminijiet oħra. Jagħmel sens l-infiq ta’ ċerti opri tal-knisja biex imbagħad m’hemmx flus u ħeġġa għal inizjattivi pastorali matul is-sena? Jekk wieħed jaħseb li kulħadd iħobb il-festi, ikun qiegħed jiżbalja. Hawn min jitlaq mir-raħal waqt il-ġimgħa tal-festa. Waqt li ħafna żgħażagħ huma impenjati fil-festi, hawn ħafna aktar li mhumiex u tilfu l-interess kollu fil-ħajja tar-raħal.

Huwa fl-interess tagħna lkoll li naħdmu flimkien biex ngħożżu u nsaħħu din l-identita u patrimonju Malti.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 22 ta' Lulju, 2018)

19 views

Comments


BACK
bottom of page