top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Tnaqqir sfaċċat tad-demokrazija

Tnaqqir sfaċċat tad-demokrazija

Pajjiż jista’ jkun pajjiż b’saħħtu jekk għandu demokrazija ħajja u attiva. Hi d-demokrazija li tiggarantixxi kwalità ta’ ħajja liċ-ċittadini

02/02/25

It is time to go

It is time to go

Tourism Minister Clayton Bartolo should resign after the damning report by the standards commissioner. Like typical champagne socialists,...

25/11/24

Is Malta being governed by proxy?

Is Malta being governed by proxy?

Is Robert Abela truly in the driver’s seat? Is it he who calls the shots? PL resembles a massage parlour rubbing inflated egos. Robert...

04/11/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-festi tagħna

Huwa fl-interess tagħna lkoll li naħdmu flimkien biex ngħożżu u nsaħħu din l-identità u l-patrimonju Malti.

Credit: Shutterstock.com

Kważi f’kull belt u raħal f’Malta u f’Għawdex jiġu ċċelebrati festi ad unur il-qaddis jew il-qaddisa ta’ dik il-lokalità. F’ċerti lokalitajiet jiġu ċelebrati saħansitra żewġ festi minflok waħda. Ħadd wara Ħadd, villaġġ wara ieħor jitlibbes biex jagħti qima u ġieħ lill-patrun jew patruna tiegħu. It-toroq jiżżejnu bil-pavaljuni, bandalori, liedna, anġli u qaddisin. Donnu r-raħal jerġa’ jqum mir-raqda tiegħu. It-toroq jimtlew bin-nies jisimgħu l-banda tferraħ bil-mużika ferriħija. Żgħażagħ u oħrajn jaqbżu ferħana għan-noti tal-banda. Il-knejjes jinxtegħlu u jsiru mill-ġdid iċ-ċentru tal-attenzjoni tar-raħal. Il-bibien tad-djar jinfetħu biex kulħadd ikun jista’ jara sew l-entrata armata. L-istatwa tal-knisja tinġarr b’dedikazzjoni u b’unur. Hemm min iħallas biex jagħmel dan! Diversi lwien tal-murtali jdawlu l-lejl. Il-membri tal-familja li jgħixu f’villaġġi ’l bogħod jerġgħu jinġabru lejn l-għeruq tagħhom.

Tassew li l-festi huma parti integrali mill-identità tas-sajf Malti

Imma mhux biss. Il-festi huma parti magħġuna sew mill-kultura popolari u reliġjuża tal-gżejjer Maltin. Huma parti mill-identità tagħna. Huma fid-demm tagħna. Malta mingħajr festi mhix Malta. Huma appuntament annwali li nħarsu lejh u xi wħud jistennewh bil-ħerqa u b’passjoni. Il-festa tal-lokalità tagħti identità wkoll lil dik il-lokalità partikulari. Ilkoll nafu li ċerti lokalitajiet huma marbutin ma’ ċerti festi. Pereżempju, ma tistax titkellem fuq il-Ħamrun u ma titkellimx fuq San Gejtanu. Ma tistax titkellem fuq in-nar u ma ssemmix il-logħob tan-nar ta’ Ħal Lija. Ma tistax issemmi r-Rabat, Għawdex, u ma tismax l-għajta ‘Ġorġi tagħna’ jew ‘Viva l-Assunta’! Dan huwa parti minn dak li jagħmilna Maltin. Huma diversi persuni, fosthom żgħażagħ, li jgħixu għall-jiem tal-festa. Persuni li b’tant imħabba u dedikazzjoni jagħtu diversi sigħat ta’ ħidma volontarja biex dawn il-festa jkunu ċelebrati. Wara kull festa hemm ammont kbir ta’ voluntieri jaħdmu u jistinkaw matul is-sena kollha. Bla dubju ta’ xejn, wieħed għandu japprezza din il-ħidma. Kemm il-Knisja, l-Istat Ċentrali, il-Kunsilli Lokali u l-partiti politiċi għandhom mhux biss japprezzawhom imma għandhom jagħtuhom l-appoġġ meħtieġ.


Ma jfissirx li kollox ward u żahar


Imma għalkemm il-festi huma parti minna, dan ma jfissirx li kollox ward u żahar. Il-festi Maltin għandhom il-wiċċ ikrah tagħhom ukoll. Jekk verament inħobbu l-festi, ikun tajjeb li nagħtu kas ċerti ħwejjeġ li jitfgħu tebgħa fuq l-istess festi.


Dawn huma l-element żejjed ta’ pika, firda u ġlied bejn partitarji, l-infiq esaġarat fl-armar u fi ħruq ta’ nar, sakra u abbużi oħra (fosthom droga), kważi idolatrija quddiem il-vara, storbju esaġerat mill-ħruq tal-murtali, ħinijiet li jibqgħu għaddejjin sa tard mal-lejl mingħajr kas li hemm tfal, morda u anzjani li qegħdin ibatu, skart mal-art, arbli u pedestalli fuq il-bankini (persuni b’diżabbiltà, anzjani u tfal ma jkunux jistgħu jimxu fuqhom), u toroq magħluqin b’inkonvenjenza kbira għall-karozzi.


Barra minn hekk, nistaqsi: il-festi huma ċelebrazzjoni reliġjuża jew tradizzjoni popolari? Huma festi bi spirtu Nisrani jew inkella folklor Malti u okkażjoni ta’ kummerċ? Sfortunatament, huma diversi dawk li filwaqt li jħobbu l-festi u jaħdmu qatigħ għalihom imma fl-istess ħin imorru kontra l-istess tagħlim nisrani jew l-istess kitbiet/tagħlim tal-Patrun!

Nistqarr li ċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja qegħdin jonqsu mill-attendenza. Għal dan hemm diversi fatturi. Fosthom hemm ċelebrazzjonijiet li kienu tajbin għall-imgħoddi imma mhux għal-lum. Il-lingwaġġ liturġiku u l-Latin ma għadux jagħmel aktar sens. Il-mużika fil-knisja mhix mużika liturġika li tgħin lill-ġemgħa biex tkanta. Is-sħana kbira fil-knejjes, aktar u aktar meta l-knejjes huma mżejna bid-damask u bil-linef mixgħula. Il-prietki għadhom twal u ħafna drabi mingħajr relevanza għar-realtà tal-lum.


Fl-interess tagħna lkoll li nsaħħu din l-identità


Inħoss li l-Knisja minflok toqgħod tara kif se tikkontrolla l-abbużi, ikun aħjar li tara kif se twassal, f’dan il-kuntest tal-festi, il-messaġġ tal-Vanġelu u l-qaddis/a għar-realtajiet tal-lum. Nistqarr li ċerti saċerdoti donnhom imwaħħla b’nostalġija ma’ żminijiet oħra. Jagħmel sens l-infiq ta’ ċerti opri tal-knisja biex imbagħad m’hemmx flus u ħeġġa għal inizjattivi pastorali matul is-sena? Jekk wieħed jaħseb li kulħadd iħobb il-festi, ikun qiegħed jiżbalja. Hawn min jitlaq mir-raħal waqt il-ġimgħa tal-festi. Waqt li ħafna żgħażagħ huma impenjati fil-festi, hawn ħafna aktar li mhumiex u tilfu l-interess kollu fil-ħajja tar-raħal.

Huwa fl-interess tagħna lkollli naħdmu flimkien biex ngħożżu u nsaħħu din l-identità u l-patrimonju Malti.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 2 ta' Lulju, 2023)

55 views
BACK
bottom of page