top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-festi tagħna

Huwa fl-interess tagħna lkoll li naħdmu flimkien biex ngħożżu u nsaħħu din l-identità u patrimonju Malti.


Festa Malta
Noel Mallia/Shutterstock

Ix-xhur tas-sajf huwa marbut mal-istaġun tal-festi. Kważi f’kull belt u raħal f’Malta u f’Għawdex jiġu ċċelebrati festi ad unur il-qaddis jew il-qaddisa ta’ dik il-lokalità. F’ċerti lokalitajiet jiġu ċelebrati saħansitra żewġ festi minflok waħda.


Ħadd wara Ħadd, villaġġ wara ieħor jitlibbes biex jagħti qima u ġieħ lill patrun jew patruna tiegħu. It-toroq jiżżejnu bil-pavaljuni, bandalori, liedna, anġli u qaddisin. Donnu r-raħal jerġa’ jqum mir-raqda tiegħu. It-toroq jimtlew bin-nies jisimgħu l-banda tferraħ bil-mużika ferriħija. Żgħażagħ u oħrajn jaqbżu ferħana għan-noti tal-banda. Il-knejjes jinxtegħlu u jsiru mill-ġdid iċ-ċentru tal-attenzjoni tar-raħal. Il-bibien tad-djar jinfetħu biex kulħadd ikun jista’ jara sew l-intrata armata. L-istatwa tal-knisja tinġarr b’dedikazzjoni u b’unur. Hemm min iħallas biex jagħmel dan! Diversi lwien tal-murtali jdawlu l-lejl. Il-membri tal-familja li jgħixu fl-villaġġi ’l bogħod jerġgħu jinġabru lejn l-għeruq tagħhom.


Tassew li l-festi huma parti integrali mill-identità tas-sajf Malti.


Imma mhux biss. Il-festi huma parti magħġuna sew mill-kultura popolari u reliġjuża tal-gżejjer Maltin. Huma parti mill-identità tagħna. Huma fid-demm tagħna. Malta mingħajr festi mhix Malta. Huma appuntament annwali li nħarsu lejh u xi wħud jistennewh bil-ħerqa u b’passjoni. Il-festa tal-lokalità. Tagħti identità wkoll lil dik il-lokalità partikulari. Ilkoll nafu li ċerti lokalitajiet huma marbutin ma’ ċerti festi.


Pereżempju, ma tistax titkellem fuq il-Ħamrun u ma titkellimx fuq San Gejtanu. Ma tistax titkellem fuq in-nar u ma ssemmix il-logħob tan-nar ta’ Ħal Lija. Ma tistax issemmi r-Rabat, Għawdex, u ma tismax l-għajta ‘Ġorġi tagħna’ jew ‘Viva l-Assunta’!


Dan huwa parti minn dak li jagħmilna Maltin. Huma diversi persuni, fosthom żgħażagħ, li jgħixu għall-jiem tal-festa. Persuni li b’tant imħabba u dedikazzjoni jagħtu diversi sigħat ta’ ħidma volontarja biex dawn fil-festa jkunu ċelebrati. Wara kull festa hemm ammont kbir ta’ voluntieri jaħdmu u jistinkaw matul is-sena kollha. Bla dubju ta’ xejn, wieħed għandu japprezza din il-ħidma. Kemm il-Knisja, l-Istat, il-Kunsilli Lokali u l-partiti politiċi għandhom mhux biss japprezzawhom imma għandhom jagħtuhom l-appoġġ meħtieġ.


Imma għalkemm il-festi huma parti minna, dan ma jfissirx li kollox ward u żahar. Il-festi Maltin għandhom il-wiċċ ikrah tagħhom ukoll. Jekk verament inħobbu l-festi, ikun tajjeb li nagħtu kas ċerti ħwejjeġ li jitfgħu tebgħa fuq l-istess festi.


Dawn huma l-element żejjed ta’ pika, firda u ġlied bejn partitarji, l-infiq esaġarat fl-armar u fi ħruq ta’ nar, sakra u abbużi oħra (fosthom droga), kważi idolatrija quddiem il-vara, storbju esaġerat mill-ħruq tal-murtali, ħinijiet li jibqgħu għaddejin sa tard mal-lejl mingħajr kas li hemm tfal, morda u anzjani li qegħdin ibatu, skart mal-art, arbli u pedestalli fuq il-bankini (persuni b’diżabbilta, anzjani u tfal ma jkunux jistgħu jimxu fuqhom), u toroq magħluqin b’inkonvenjenza kbira għall-karozzi.


Barra minn hekk, nistaqsi: il-festi huma ċelebrazzjoni reliġjuża jew tradizzjoni popolari? Huma festi bi spirtu Nisrani jew inkella folklor Malti u okkażjoni ta’ kummerċ? Sfortunatament, huma diversi dawk li filwaqt li jhobbu l-festi u jahdmu qattiegħ għalihom imma fl-istess ħin imorru kontra l-istess taghlim nisrani jew l-istess kitbiet/tagħlim tal-Patrun!


Nistqarr li ċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja qegħdin jonqsu mill-attendenza. Għal dan hemm diversi fatturi. Fosthom hemm ċelebrazzjonijiet li kienu tajbin għall-imgħoddi imma mhux għal-lum. Il-lingwaġġ liturġiku u l-Latin ma għadux jagħmel aktar sens. Il-mużika fil-knisja mhix mużika liturġika li tgħin lill-ġemgħa biex tkanta. Is-sħana kbira fil-knejjes, aktar u aktar meta l-knejjes huma mżejna bid-damask u bil-linef mixgħula. Il-prietki għadhom twal u ħafna drabi mingħajr relevanza għar-realtà tal-lum.


Inħoss li l-Knisja minflok toqgħod tara kif se tikkontrolla l-abbużi, ikun aħjar li tara kif se twassal f’dan il-kuntest tal-festi, il-messaġġ tal-Vanġelu u l-qaddis/a għar-realtajiet tal-lum. Nistqarr li ċerti saċerdoti donnhom imwaħħla b’nostalġija ma’ żminijiet oħra. Jagħmel sens l-infiq ta’ ċerti opri tal-knisja biex imbagħad m’hemmx flus u ħeġġa għal inizjattivi pastorali matul is-sena? Jekk wieħed jaħseb li kulħadd iħobb il-festi, ikun qiegħed jiżbalja. Hawn min jitlaq mir-raħal waqt il-ġimgħa tal-festi. Waqt li ħafna żgħażagħ huma impenjati fil-festi, hawn ħafna aktar li mhumiex u tilfu l-interess kollu fil-ħajja tar-raħal.


Huwa fl-interess tagħna lkoll li naħdmu flimkien biex ngħożżu u nsaħħu din l-identità u patrimonju Malti.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 5 t' Awwissu, 2024)

6 views

Comments


BACK
bottom of page