top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-ħuta u l-qasba

Kien Baġit li joffri biss il-ħut u għalkemm il-ħut huwa tajjeb u kulħadd iħobb jieklu, imma bil-ħut biss wieħed ma jimliex żaqqu għal ħafna.


Credit: Shutterstock

Espressjoni komuni tgħid li jekk wieħed irid igħin lil persuna għal ġurnata, wieħed għandu jagħti lil dik il-persuna tiekol ħuta. Minn naħa l-oħra, jekk wieħed irid li dik il-persuna tiekol kuljum, allura wieħed għandu jagħtih qasba u jgħallmu jistad. B’hekk, l-għajnuna ma tkunx biss għal ġurnata waħda imma għal ħajtu kollha.


Fil-qosor, l-eżempju tal-ħuta u l-qasba huma eżempji biex wieħed jiddiskrivi żewġ skejjel ta’ ħsibijiet dwar il-politika soċjali. Għal xi wħud, il-politika soċjali, jiġifieri dik il-politika li twiżen u tgħin lill-persuna vulnerabbli, hija biss li toffri għajnuna immedjata. Wieħed jara x’għandu bżonn fil-mument u toffri l-appoġġ kollu meħtieġ. Xi drabi din it-tip ta’ politika hija tajba u neċessarja għaliex twassal l-għajnuna fil-mument li wieħed għandu bżonnha. Persuna li tinsab bil-ġuħ, ħuta tkun trid tiekol u mhux qasba!


Imma, min-naħa l-oħra, din it-tip ta’ politika soċjali għandha limitazzjoni għaliex ma tarax il-kawża/i għalfejn il-persuna hija vulnerabbli, ma toffri l-ebda soluzzjoni biex il-persuna toħroġ minn din il-vulnerabbiltà u tqum fuq saqajha. Tista’ wkoll twassal biex tħalli l-persuna tibqa’ tiddependi fuq l-għajnuna offruta. Din id-dependenza tista’ twassal ukoll għal ċerta abbuż ta’ kontroll, jiġifieri min ikun qiegħed jagħti l-‘ħuta’, juża din il-‘ħuta’ biex ikkontrolla lil persuna vulnerabbli. B’hekk il-persuna vulnerabbli mhux biss tibqa’ fil-vulnerabbiltà tagħha imma wkoll tispiċċa tkun kontrollata minn ħaddieħor. Fil-qosor, din it-tip ta’ politika soċjali tħalli lil pesuna tallaba għal karità u l-ħniena ta’ ħaddieħor.


Mill-banda l-oħra, il-politika soċjali li tgħallem lil persuna tistad hija dik il-politika soċjali li filwaqt li tgħaraf il-vulnerabbiltà tal-persuna u l-bżonnijiet tagħha, toffri l-opportunitajiet kollha biex il-persuna vulnerabbli tqum fuq riġlejha u tbiddel is-sitwazzjoni tagħha. Din it-tip ta’ politika soċjali toffri l-‘qasba’, jiġifieri dawk il-mezzi, l-opportunitajiet u inizjattivi kollha biex tagħmel din il-bidla. Issa, biex persuna vulnerabbli jqum fuq riġlejha huwa importanti ferm li jkun jaf mhux biss il-kawża, jiġifieri r-raġunijiet, tal-vulnerabbiltà tiegħu/tagħha imma wkoll x’jista’ wieħed jagħmel biex jimxi u jħares ’l quddiem. Fil-qosor, wieħed qiegħed jitkellem dak li bl-Ingliż nużaw it-terminu ta’ ‘empowerment’, jiġifieri tagħti lil persuna l-motivazzjoni, l-opportunitajiet u l-ħiliet kollha.


Dawn iż-żewġ tipi ta’ politika soċjali huma waħda ‘short term’, waqt li ta’ tieni hija ‘long term’.


Personalment, nemmen li l-politika soċjali għandha tkun minn dawn iż-żewġ tipi u toffri kemm il-ħuta u kemm il-qasba.


Fl-istess waqt, l-esperjenza turnina li jkun ferm aħjar li wieħed jaħdem aktar fuq it-tieni tip ta’ politika soċjali. Għaliex x’jiswa li l-persuna tagħtiha għajnuna għal ġurnata jew tnejn imma mbagħad tibqa’ fl-istess baħar? Pereżempju, jiswa’ li wieħed jagħti s-sostenn għal ġurnata jew tnejn lil persuna li għandha dipendenza/addiction biex imbagħad din il-persuna tibqa’ bl-istess ħajja ta’ dependenza?


U hawn toħroġ id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fuq il-politika soċjali.


Il-politika soċjali tal-Partit Laburista tieħu ħsieb toffri l-‘ħuta’ lil pesuna vulnerabbli. Għalkemm din hija tajba imma mhux biżżejjed.


Dan rajnieh propju fil-Baġit li għandu kemm ġie imħabbar. F’dan il-Baġit kien hemm diversi miżuri soċjali li fihom infushom huma tajbin u żgur li ser ikunu ta’ għajnuna lil diversi. Imma l-Gvern għażel biss li jipprovdi support ta’ flus u għamel dak li bl-Ingliż jgħidu ‘throw money to the problem’, imma naqas milli jsolvi l-problemi!! Pereżempju, żied il-pensjonanti (għalkemm din iż-żieda hija biss ta’ €2.19 fil-ġimgħa għaliex il-bqija, jiġifieri €12.81 huma parti mill-COLA li ħa kulħadd) imma m’hemm l-ebda ħsieb kif ser jindirizza d-diversi sfidi u diffikultajiet li huma għandhom, bħal pereżempju, is-solitudni, mediċini out of stock jew mhumiex fuq il-formolarju, is-servizzi fil-komunità, djar tal-anzjani, night/day shelters, mobbiltà, is-saħħa mentali, it-taxxa ta’ suċċessjoni fost oħrajn. Matul l-istess Baġit, il-Gvern jammetti li hawn 205,000 persuni li huma fir-riskju ta’ faqar għaliex jaqalgħu inqas minn €18,155 fis-sena u allura ser ikun qiegħed jagħtihom żieda addizzjonali tal-COLA. Imma fl-istess waqt ma jagħmel l-ebda tentattiv biex jara għalfejn dawn il-persuni jinsabu f’dan l-istat u jindirizza d-diffikultajiet tagħhom. Jagħmel l-istess għall-istudenti universitarji fejn jagħtihom żieda ta’ 16c fl-istipendju imma ma jindirizzax id-diversi issues li huma semmew bħal ma huwa l-iżvilupp bla rażan, ir-rata ta’ suwiċidji u nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità.


Dawn huma biss tlett eżempji minn lista sħiħa fejn il-Gvern naqas li jagħti viżjoni.


Fil-qosor, dan il-Baġit kien Baġit li joffri biss il-ħut, u għalkemm il-ħut huwa tajjeb u kulħadd iħobb jieklu, imma bil-ħut biss wieħed ma jimliex saqqju għal ħafna.


Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista li, filwaqt li jagħraf punti tajbin f’dan il-Baġit, fl-istess waqt qali li kien Baġit bla viżjoni u soluzzjonijiet. Ma offra l-ebda soluzzjonijiet għal diversi problemi li għandha, fosthom fl-ambjent, fit-traffiku, fl-edukazzjoni, il-prekarjat, il-korruzzjoni, in-niċċeċ ġodda ta’ investiment, eċċ.


Din il-kritika ma kinetx biss mill-PN imma minn diversi msieħba soċjali li tkellmu.


Għalkemm huwa tajjeb li l-Gvern jgħin u jagħti l-‘ħuta’ imma dan huwa biss parti mis-soluzzjoni. Is-soluzzjoni aħħarija hija li jkollna ekonomija ta’ kwalità li toffri mhux biss pagi ta’ kwalità imma anke livell ta’ għajxien ta’ kwalità lil kulħadd.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 5 ta' Novembru, 2023)

17 views

Comments


BACK
bottom of page