Il-kampanja tagħna lkoll
- manuelschembri
- May 22, 2023
- 3 min read
Malta ġiet maħkuma minn numru ta’ persuni li spiċċaw inqdew b’Malta biex jitħanżru u jiffangaw minn fuq pajjiżna, fil-verità Malta hija tagħna lkoll. Aħna lkoll nagħmlu parti minn din Malta u Malta hija ta’ kulħadd.

Dan l-aħħar kont qiegħed flimkien mal-familja u xi ħbieb, miexi fil-kampanja fl-inħawi tal-Qattara ġewwa Ħad-Dingli.
Il-kampanija Maltija hija sabiħa b’mod speċjali fir-rebbiegħa, b’arja nadifa u b’veduti mill-isbaħ. Żgur għal min jgħix f’żona urbana bħala, dawn il-mixjiet fil-kampanja huma ta’ ġid u jgħinu biex ikollna kwalità ta’ għajxien ta’ ħajja aħjar. Żgur li meta mmorru nimxu fil-kampanja nieħdu r-ruħ u s-serħan meħtieġ f’ħajja magħġġla.
Imma waqt li konna mexjin ma stajtx ma ninnutax żewġ affarjiet.
Matul il-kampanja kien hemm diversi tabelli simili bil-kitba: ‘Il-kampanja gawdija mit-triq’ u kien hemm diversi passaġġi magħluqa b’xatba tal-ħadid/injam b’kitba ‘no entry’.
Issa nifhem li hawn artijiet, egħlieqi u passaġġi li mhumiex pubbliċi imma privati. Nifhem li ħadd ma jrid lil min jidħollu fl-għalqa u joqgħod jaqtalu l-ful. Minn naħa l-oħra, l-esperjenza u saħansitra anke l-qorti turina wkoll li mhux l-ewwel darba li dawn l-artijiet, għelieqi u mogħdijiet mhumiex privati imma art pubblika!
Dan ifisser li dawn it-tabelli/xatba mhumiex legali imma donnu xi ħadd iħossu għandu penz iktar minn ċittadini oħrajn biex jagħmel tiegħu art pubblika.
Każ simili kien hemm fiż-żona msejħa fil-QOLLA fir-Rabat u żoni oħrajn.
Mhux hekk biss. Żoni u passaġġi li ġew irranġati mill-fondi tal-EU, dawn issa huma magħluqa għal-pubbliku.
F’dan il-każ partikolari, jien għamilt mistoqsija parlamentari lil Ministru bid-dettalji kollha meħtieġa. Fir-risposta tiegħu, il-Ministru qali biex nagħtih site-plan ta’ fejn huma dawn l-abbużi. Dan huwa mod bil-pulit biex taqta’ qalb iċ-ċittadini li jħossuhom dgħajfa wisq quddiem l-arrogranza ta’ Awtorità. Fil-fatt, ikunu diversi ċittadini li jiltaqgħu ma’ każijiet simili, jistaqsu lil Awtorità għaliex dawn il-mogħdijiet huma magħluqa u l-Awtorità tagħmilha diffiċli biex b’hekk ma tkunx tista’ twieġeb għal mistoqsijiet tagħhom.
Minn naħa l-oħra, jiena mill-ġdid staqsejt lil Awtorità li bħala gwardjan/amministratur tal-art pubbliku hija fir-responsabbiltà tagħha li jkollha lista ta’ fejn huwa tal-Gvern u fejn mhuwiex.
U hawn toħroġ problema serja li l-Gvern Malti mhuwiex f’sitwazzjoni jkun jaf x’inhu dak li huwa tiegħu u x’mhuwiex tiegħu. Dan ifisser li l-Gvern Malti mhux kapaċi li jkun jaf ħwejġu! Infakkar li Malta hija gżira żgħira u mhux kontinent bħal ma hija l-Awstralja!!
Għaldaqstant, ressaqt suġġeriment lill-Awtorità biex tibda proċess li mhux biss telenka x’inhuma l-propjetajiet u l-artijiet tal-gvern imma li tagħmel dan b’mod pubbliku. Din kienet ukoll proposta tal-PN fil-manifest elettorali. B’hekk ma jkun hemm l-ebda inkwiet u misunderstanding ma’ sidien ġenwini li jkollhom verament l-art tagħhom. Minn naħa l-oħra, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu l-kampanja Maltija.
Mhux hekk biss, numru ta’ turisti ma jiġux biss biex igawdu l-baħar u x-xemx tagħna imma wkoll ikunu jridu jaraw l-kampanja Maltija! Mhux l-ewwel darba li qegħdin joħorġu stejjer li dawn it-turisti jispiċċaw mgħajra ‘go away, go home’ minn numru ta’ persuni li jkunu okkupaw l-art pubblika b’mod illegali. Xi wħud minn dawn il-persuni jkunu wkoll aggressivi u mhux l-ewwel darba li jispiċċaw ikesksu l-klieb tagħhom! Dak riklam tajjeb għal Malta!
Tajjeb li nfakkar ukoll fis-sentenza tal-Qorti, l-istess Qorti tgħid li anke passaġġi li jgħaddu minn art privata, u dawn il-passaggi ilhom għal diversi snin, jibqgħu pubbliċi u għandhom ikun hemm aċċess għal pubbliku.
Hija ironika li filwaqt li l-Gvern skopra l-buzz word ġdida, ‘spazji ħodor miftuħa’, l-ispazji u passaġġi pubbliċi naturali fil-kampanja qegħdin jingħalqu mingħajr biża.
Hija ironika l-Gvern filwaqt li għamel ġnien artifiċjali ġewwa l-Belt (inizjattiva tajba u sabiħa) biex mbagħad l-istess Gvern qiegħed ikun kompliċi ma’ xi wħud li mhux biss qed jeqirdu l-ġonna b’bini eċċessiv imma anke jingħalqu dawn il-passaġġi pubbliċi.
Dan huwa eżempju ieħor ta’ Gvern li lest jpaxxi lil ftit u mhux lil ħafna.
Għalhekk nagħmel dan l-appell biex il-Gvern jagħmel dawn il-passaġġi u mogħdijiet pubbliċi li jidħlu fir-reġistru tal-artjiet u mxandra għal pubbliku.
B’hekk kull ċittadin u anke t-turisti li jiġu fostna jistgħu jagħmlu dan b’serħan tal-moħħ u sigurtà, aktar u aktar meta huma jkollhom tfal zgħar.
Il-Gvern Laburista tela’ b’għajta ta’ ‘Malta tagħna lkoll’. Għalkemm il-Partit Laburista nesa’ din l-għajta u Malta ġiet maħkuma minn numru ta’ persuni li spiċċaw inqdew b’Malta biex jitħanżru u jiffangaw minn fuq pajjiżna, fil-verità Malta hija tagħna lkoll. Aħna lkoll nagħmlu parti minn din Malta u Malta hija ta’ kulħadd.
Imma huwa verament dan, allura anke l-kampanja Maltija hija tagħna lkoll!
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 21 ta' Mejju, 2023)