top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

‘Il-Kavallieri ħallewlna bini majestuż, l-Ingliżi ħallewlna t-town houses, u aħna?’

L-iskart, il-parkeġġ, l-istorbju u s-sigurtà flimkien mal-iżvilupp eseġerat, il-finanzjament tal-partiti u l-famużi fat cats. Il-gazzetta titkellem mas-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg.



Minn Marianna Calleja


Sindku u wieħed mill-ftit li baqalu l-ħila jitkellem fuq dak li jara inġust fi ħdan il-lokalità tiegħu. Albert Buttigieg m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni, imma is-suġġetti li l-gazzetta ILLUM iddiskutiet miegħu jaf għandhom bżonn.

Mhux ngħidu li l-istorbju, l-ħmieġ u l-bini għandhom bżonn spjegazzjoni imma qatt innutajtu kif meta nsemmu dawn iżda fil-kuntest ta’ San Ġiljan, kważi ngħidu, “u iva kont taf fejn sejjer!” jew inkella “u iva hemmhekk postu ħafna bini għoli.”

Din lis-Sindku ta’ San Ġiljan iddarrsu. Iżda x’inhu jagħmel il-Kunsill biex ibiddel kemm dan il-ħsieb, kif ukoll is-sitwazzjoni? B’dispjaċir is-Sindku jgħid li ma tantx hemm iktar x’jistgħu jagħmlu.

“L-unika saħħa li għandna hija li ‘noqgħodu neqerdu’. Fil-verità nkunu qed nagħmlu pressjoni u hawn nikkritika lil Gvern għax il-Kunsill Lokali ġie maħluq biex ikollu kontroll ta’ ċertu teritorju.”

Huwa elenka numru ta’ proposti li kien ressaq il-Kunsill, iżda li“waqgħu fuq widnejn torox.” Fosthom li l-appartamenti li jinkrew għal perjodi qosra jkollhom sistema ta’ ġbir tal-iskart bħal dik tan-negozji u li binja b’iktar minn sitt appartamenti jkollha kamra għaż-żibel u kif ukoll parkeġġ.

Proposta oħra kienet li l-Kunsill Lokali jieħu persentaġġ mit-taxxa li jiġbor il-Gvern mit-turisti. Kull turist iħallas 50 ċenteżmu għal kull lejl li jqatta’ f’Malta sa’ massimu ta’ €5. Fakkar li l-Gvern kien ġabar madwar €7 miljuni minn din it-taxxa qabel il-pandemija. Il-proposta tal-aħħar titlob biex persentaġġ minnhom jingħataw lil Kunsilli sabiex jinvestuhom fi proġetti lokali.

“Il-Kunsill issa spiċċa, jgħidulu ċapċap, imma jorbtulu idejh u jkomplu jgħidulu ċapċap. Imma jien kif nista’ nċapċap jekk idi marbuta? Trid tħallili l-libertà u sfortunatament il-Gvern hekk ġabna. Jistaqsik għaliex mhux tagħmel oġġett imma ma jħallilekx il-forza biex tagħmilha.”

Il-‘fat cats’ li Buttigieg dejjem jirreferi għalihom, min huma?


L-iżviluppaturi u l-bini żejjed, kontroversji attwali li jikteb ħafna fuqhom Buttiegieg . Il-gazzetta ILLUM tirreferi għal kitbiet tiegħu f’midja lokali, fejn għamel referenza għal ‘fat cats,’ li bla ebda mistħija jitħabbew mal-politikanti sabiex jakkwistaw li jridu.

Huwa spjega li din il-frażi amerikana kienet diġà tintuża sabiex tiddeskrivi “l-kapitaliżmu aggressiv fejn in-nies ma jinteressahomx mill-konsegwenzi tal-oħrajn, l-importanti li nsiru sinjuri.” Qal li jifhem kif il-bniedem qatt ma jkun kuntent u dejjem irid, kif jifhem ukoll li fiha innifisha din mhix ħażina għall-aħħar, li hu ħażin skont Buttigieg, huwa jekk persuna jagħmel avvanzi għad-detriment ta’ ħaddieħor.

“Hemm qed timxi bil-prinċipju tal-ġungla, għax il-ġungla timxi b’min hu l-iktar b’saħtu u fl-istess ħin tkun qed tkisser il-valuri li s-soċjetà hi mibnija fuqhom,” kompla jispjega s-Sindku ta’ San Ġiljan.

Iċċara li bl-ebda mod ma jrid jinftiehem illi kull żviluppatur hu ħalliel u kriminali anzi jgħid li jaf bi żviluppaturi tal-affari tagħhom u li jaħdmu skont il-valuri. Minkejja dan, skont hu, hemm numru ta’ nies li iktar kemm jgħaddi żmien iktar jużaw is-saħħa tal-flus biex fejn ma għadhomx raġun, “il-liġi jgħawġuha biex takkomodahom.”

“Din hi perikoluża, u għalkemm ma bdietx issa u ilha ġejja naħseb issa qegħdin f’sitwazzjon fejn kważi qed jiddeċiedu huma l-politika tal-pajjiż,” kompla Buttigieg. Spjega li għax jgħinu finanzjament tal-partiti, dawn in-nies jippretendu li ma jsegwux il-liġi. Huwa għalhekk, skont Buttigieg, li wieħed jippretendi illi jibni pixxina f’nofs ta’ wied jew li ieħor jbiddel il-bajja tal-Balluta f’waħda kummerċjali mingħajr ma jinteressah fil-persuni li jiffrekwentaw il-bajja.

Buttigieg jikkumparahom ma’ tfal żgħar, li jdaħħlu xi ħaġa f’rashom u għax ma jeħduhiex, jaqbdu jsabbtu saqajhom.

“Bħal min ikollu vizzju tad-droga jew sess, hawn mingħandu l-vizzju tar-regħba. Ħa nkissru pajjiż jekk ma nikkontrolawhiex din ir-regħba ... Ħares lejn Malta, se tispiċċa żona waħda tal-kostruzzjoni.” In-nuqqas ta’ spazji miftuħa u r-relazzjoni bejn bini żejjed u s-saħħa mentali...


Is-Sindku hawn jirreferi għal studji li juru relazzjoni ċara bejn żvilupp żejjed u saħħa mentali batuta. Spjega li għalkemm kienu jieħdu għalihom fil-passat, f’Malta diġà kellna lokalitajiet li kienu jiġu referuti bħala ‘depressed areas,’ jiġifieri żoni soċjalment żvantaġġjati, b’element qawwi ta’ każi soċjali. Spjega li dan kien kaġun il-ħafna bini u l-ħafna nies li kienu jinstabu f’post wieħed.

Qal li l-iżvilupp eseġerat hu sfida kbira speċjalment meta jitkissru wkoll l-ispazji miftuħa, postijiet ta’ interess u l-arja. Intant, żied jgħid li minbarra dan kollu, l-bini li tiela’ huwa ikrah, fil-fehma tiegħu.

“Kieku qed jibnu sabiħ, tgħid paċenzja, vera sbuħija hi suġġettiva imma l-ikrah jibqa’ ikrah. Mela l-Kavallieri ħallewlna dan il-bini majestuż, l-Ingliżi ħallewlna t-town houses sbieħ, u aħna x’se nħallu lill-uliedna? Kaxxex tas-sulfarini tal-konkrit bla ebda gost?”

Saħaq li hemm bżonn illi l-politikanti jkunu kuraġġużi u jbiddlu l-politiki filwaqt li rrikonoxxa li l-politika tal-2006 ma kinitx tajba.

Hawn Buttigieg ħadna lura għal meta il-Gvern taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista kif ukoll il-MEPA kienu qalu li Malta kellha biżżejjed art għal aktar żvilupp tal-bini. Gvern Nazzjonalista permezz tal-MEPA, kien iddeċieda li jżid iż-żoni tal-iżvilupp biex l-art li setgħet tkun żviluppata wara l-2006 intqal li kienet tkopri l-istess spazju daqs is-Siġġiewi.

“Il-politiki tal-2006 ma kinux tajbin, mhux se ninħeba wara subgħajja. Dak iż-żmien, il-PN ħaseb li se jagħmel tajjeb, imma l-PL fl-2013 tela’ bl-għajta li se jagħmel emendi. Imma mhux biss ma għamilx l-emendi għal dawn il-bidliet, talli sab min fejn jgħaddi biex iġebbidhom iktar,” temm jgħid dwar dan Buttigieg. ‘Jekk m’aħniex se nieħdu bis-serjetà il-finanzjament tal-partit, se nibqgħu f’din is-sitwazzjoni’

Lura lejn il-finanzjament tal-partiti politiċi, Albert Buttigieg jemmen li dan kollu jħoll u jorbot fuq ż-żewġ partiti li “diġà huma maħkuma mill-“fat cats”

Hawnhekk irrefera għal intervista li l-Editur ta’ din il-gazzetta, Albert Gauci Cunnigham, kien għamel miegħu s-sena l-oħra. Hu kien ġie mistoqsi jekk jiddejaqx li lanqas il-PN mhu jkun voċiferu kontra kuntratturi daqstant kbar. Fir-risposta tiegħu, Buttigieg kien spjega li dan il-pajjiż sar wieħed kważi fewdali, fejn “ir-Re jiġi mmexxi minn sħabu u hu jkun qiegħed hemm biss għar-ritratti.” Iżda wara sena, skont buttigieg, “ma nbiddel xejn.”

Sostna li għalkemm dejjem jissemma’ l-PN, il-PL qiegħed ukoll f’sitwazzjoni fejn jirċievi donazzjonijiet minn dawn il-‘fat cats.’ Fakkar li l-politika u l-istrutturi politiċi jiswew flejjes kbar biex ikomplu jimxu iżda wissa li jekk dan kollu mhux se nieħduh bis-serjetà, “se nirvinaw pajjiż.”

“La l-politika tiswa’ l-flus, x’se tagħmel? Tbiegħ ruħek! Bħal ma ġralu l-Partit Laburista. Jekk tara l-PL illum, lanqas tgħarfu. Jekk xi ħadd barrani li jifhem fil-politika jħares lejn il-PL tal-lum, ma jgħarfux bħala il-partit soċjalista, laburista u tal-ħaddiem. Issa jara partit liberali, partit kważi kapitalist. Sar jagħti importanza lin-negozjant u lill-fqir jużah. Il-vulnerabbli jagħtihom iċ-ċejċa, bħall-€100 qabel l-elezzjoni biex jixtrih.”

Il-gazzetta ILLUM hawnhekk fakkritu li bl-istess argument, issib nies li jgħidulek li l-PN għal-kuntrarju tal-PL, tant hu mweħħel mal-valuri tal-passat li mhux jinbidel skont il-karba tal-poplu. Huwa qabel li dik hi waħda mir-raġunijiet għaliex il-PN jinsab fil-pożizzjoni li jinsab fiha iżda skont hu l-problema tibqa’ illi “nitkellmu u nanalizzaw lill-partit fl-Opożizzjoni u ninsew lill-partit fil-Gvern.”

Insista li ma jistax il-poplu jibqa’ jweħħel fil-PN għax il-PL ilu 10 snin fil-Gvern u jekk kellu problema seta’ jirranġaha.

“Għalxejn ngħidu għax fiż-żmienkom! Jekk nibqgħu sejrin hekk mela tort tal-Kavallieri għax bnew is-swar u tort tal-Knisja għax bniet il-knejjes. Ma nistgħux nibqgħu inkaxkruha bħal Adam iweħħel f’Eva u Eva tweħħel fis-serp. Issa inti qiegħed fil-Gvern u int għandek responsabbiltà li ssib is-soluzzjoni,” tenna Buttigieg. Portomaso... ‘Dak li kien ħażin dakinhar, ma sarx tajjeb illum’

Induru fuq il-proġett il-ġdid ta’ Mercury House li kważi ddomina d-diskussjoni dwar San Ġiljan fl-aħħar snin. Il-gazzetta semmietlu l-episodju tad-90ijiet fejn attivisti kontra Portomaso kienu marru San Ġiljan jipprotestaw u kienu saħansittra għamlu strajk tal-ġuħ. Iżda issa huma ftit li jaqblu li jitneħħa jew inkella li jarawh bħala binja kerha.

Dwar dan is-Sindku ta’ San Ġiljan spjega li dak li kien ħażin dakinhar, ma sarx tajjeb illum. Saħaq li llum in-nies drawh f’għajnejhom u meta tidra xi ħaġa tibda’ taċċetaha. Għaldaqstant, l-argument ma jibqax l-istess fil-konfront tal-Mercury House għax, skont Buttigieg, il-problema mhix il-proġett innifsu iżda il-proġett flimkien ma’ sebgħa oħra tal-istess xorta fl-istess lokalità li għaddejin bħalissa jew li huma proposti. Insista li fid-dawl ta’ dawn il-proġetti kollha, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan għandu bżonn masterplan.

“Mhux il-masterplan li għamel il-Gvern madwar ħames snin ilu, fejn kienet qisha lista tar-rigali tal-Milied, bil-Father Christmas iroxx ir-rigali. Fir-realtà jekk tara dik il-lista, kollha saru, jekk ma daħlux mill-bieb daħlu mit-tieqa.”

Hu qal li dan il-pjan għandu jinkludi pjanijiet infrastrutturali inkluż tad-dranaġġ, tal-iskart, u tal-bankini, fost oħrajn. Talab lill-Gvern biex ipoġġi mal-Kunsill, ir-residenti, il-periti, in-negozjanti u l-iżviluppaturi u jara kif San Ġiljan se jimxi ‘l quddiem.


‘Il-Kunsill għandu viżjoni imma l-Gvern ma jridx jisma’, ma jridx ipoġġi magħna’


Is-sindku ta’ San Ġiljan saħaq mal-ILLUM li huwa jifhem li San Ġiljan sar il-mekka tad-divertiment u n-negozju iżda jiddispjaċih meta jara dan in-nuqqqas ta’ sforz. Irrakkonta kif hemm turisti li jħallsu ħafna flus biex joqgħodu fl-aqwa lukandi iżda malli joħorġu, jkunu milqugħha minn żibel fit-triq u bankini mkissra.

“Minkejja li partiti differenti, naf biċ-ċert li l-Ministru għat-Turiżmu qed jagħmel sforzi enormi biex inġibu turisti wara l-pandemija imma ħadd ma jinduna li għandna lukandi ta’ ħames stillel b’infrastruttura ta’ stilla waħda,” kompla jgħid.

Din il-gazzetta staqsietu kif il-Kunsill mhux jieħu responsabbilità tas-sitwazzjoni bl-iskart jekk il-ġbir hu f’idejh. Buttigieg spjega fid-dettall kif dan mhux dejjem hu l-każ.


Ħareġ ritratt ta’ żibel miġbur fil-kantuniera tat-triq quddiem lukanda rinomata u spjega li dak iż-żbel hu ta’ ħanut kummerċjali. Bil-liġi suppost li tan-negozju stess jieħu ħsieb li jħallas kumpanija privata biex jinġabar iż-żibel qabel it-8:00 a.m. Kompla jgħid kif dawn in-negozji jippruvaw iħallu iż-żibel barra sabiex jinġabar mill-ħaddiema li jqabbdu l-Kunsill u jiffrankaw li jħallsu. Iżda bil-liġi ukoll, il-persuna mqabbda mill-Kunsill ma tistax tiġbor żibel tan-negozji għax taqla’ multa.


‘Qed nitkellmu fuq il-Belt Valletta, l-istess diskors konna ngħiduh lir-residenti tagħna u ara illum fejn spiċċa paceville’


Ma nistgħux ngħidu li l-problema tal-istorju u s-sigurtà mhux sfidi oħra f’din il-lokalità. Buttigieg dawwar id-diskors fuq l-Avviż Legali dwar il-mużika ġewwa l-Belt Valletta. Ammetta li meta jisma’ ċertu politikanti jgħidu li se jikkontrollaw il-mużika u li l-Belt Valletta mhux se ssir Paceville ieħor, jinfaqa’ jidħak.

“Dan hu l-istess diskors li kien jingħad lir-residenti tagħna u ara illum fejn spiċċa Paceville. Dak kollu bżar fl-għajnejn. Illum ir-residenti tajnihom raġun f’kollox!”

F’Paceville fil-preżent hemm madwar 400 ruħ, li ħafna minnhom huma anzjani. Hawn Buttigieg qal li ma jistax jifhem kif anzjana trid tbiegħ darha fl-aħħar ta’ ħajjitha għax ma tiflahx għall-istorbju. Dan filwaqt li min diġà jgħix hemm jissakkar f’daru fis-sigħat ta’ bil-lejl bil-biżà li taħkmu.


‘Il-PN m’għandux għalfejn jieħu azzjoni kontrija għax jien fil-verità ma għamilt xejn kontra l-istatut’

Il-gazzetta ILLUM, fl-aħħar tal-intervista, staqsiet lil Albert Buttigieg dwar l-allegazzjoni li kien għamel meta qal li uffiċjal tal-PN wiegħed kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan li se jkunu qed “jagħlqulu” ħalqu u dan għax fi kliem Buttigieg, kien “xewka” għalih.

Buttigieg mal-ILLUM qal li huwa se jibqa’ jsostni dak li kien qal. Spjega li għamel diversi mistoqsijiet dwar ir-rakkonti li ħaddieħor qallu. Jiem wara l-allegazzjoni, il-Partit Nazzjonalista kien qal li ma jistax jinvestiga l-allegazzjonijiet li qed jagħmel Buttigieg jekk ma jsemmix b’ismu lill-uffiċjal tal-Partit li hu qed jakkuża.

Mistoqsi mill-ILLUM jekk jafx min kienu l-persuni li riedu jwarbuh huwa wieġeb, “naf min huma l-persuni involuti imma isimhom inżommu għalija.”

Is-Sindku ta’ San Ġiljan temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista m’għandux għalfejn jieħu azzjoni kontrih ġaladarba ma għamel xejn kontra l-istatut. “Jien staqsejt għax hekk tippermetili d-demokrazija,” temm jgħid mal-ILLUM.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Illum – 28 ta' Lulju, 2022)

20 views

Comments


BACK
bottom of page