top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-Kelma

Is-sensiela ta' skandli, manuvri bil-moħbi u ħatriet b'riħa ta' nepotiżmu juru ċar li l-meritokrazija, il-kontabbiltà u t-trasparenza baqgħu biss kliem.



Meta persuna tagħti l-kelma tagħha, dik il-persuna tkun qiegħda tintrabat ma’ ħaddieħor. Il-kelma mogħtija tikxef livell ta’ fiduċja. Il-kelma tissarraf f’impenn. Tfisser irġulija. Fuq kelma tinbena relazzjoni. Il-kelma mogħtija twassal għal kuntratt. Fil-qosor, il-kelma mogħtija tfisser ħafna.

Għall-kuntrarju, meta persuna tmur lura mill-kelma tagħha, din il-persuna titlef il-fiduċja li tkun gawdiet u jfeġġ id-dubju. Il-ksur tal-kelma jfisser tradiment. Ifisser ingann. Ifisser nuqqas ta’ rġulija. B’nuqqas ta’ żamma tal-kelma, wieħed jitlef il-kredibbiltà li jkollu. Il-ksur tal-kelma jgħid ħafna fuq min iwettqu.

Qabel l-aħħar l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista qal ħafna kliem. Qabel l-aħħar elezzjoni Joseph Muscat ta l-kelma tiegħu fuq diversi affarijiet li kienu qegħdin idejqu lill-poplu. Joseph Muscat ta l-kelma tiegħu li dawn l-affarijiet ma jibqgħux iseħħu jekk ikun hu l-Prim Ministru ta’ Malta.

Joseph ta l-kelma solenni u mqanqla tiegħu li bit-tmexxija Laburista se jkun hawn meritokrazija sħiħa. Ta l-kelma tiegħu li bit-tmexxija Laburista mhux lil min taf se jkun jgħodd, imma x’taf verament.

Joseph Muscat ta l-kelma li Gvern Laburista se jkun wieħed trasparenti. Kulħadd se jkun jaf x’inhu għaddej u l-kuntratti kollha se jkunu pubblikati. Joseph Muscat ta lkelma tiegħu li se jkun hawn kontabbiltà sħiħa. Il-Mexxej Laburista ta l-kelma li wieħed jista’ ma jaqbilx miegħu imma xorta jista’ jkompli jaħdem miegħu. Joseph Muscat ta l-kelma li l-power station se tkun lesta f’sentejn. Li jirriżenja jekk dan ma jseħħx kienet il-wegħda tiegħu.

Joseph Muscat ta l-kelma tiegħu wkoll lil diversi persuni li ħajjithom se tkun aħjar u li l-faqar se jispiċċa. Imma l-akbar wegħda ta’ Joseph Muscat kienet meta ta kelmtu li kien se jdaħħal spirtu u mod ġdid ta’ kif se ssir il-politika. Fil-qosor, Joseph ta l-kelma tiegħu li Malta se tkun ‘tagħna lkoll’.

Diversi kienu dawk li qagħdu fuq il-kelma tiegħu u vvutaw lill-Parit Laburista għall-ewwel darba. Fit-tifkira tat-tliet snin minn meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni b’mod storiku, ilkoll nafu li din il-kelma nkisret. Mhux darba. Lanqas darbtejn. Ferm aktar minn hekk. Matul dan iż-żmien kollu, donnu kliem Joseph Muscat ma jgħoddx. Il-kliem solenni kollu li ntqal qabel l-elezzjoni ġenerali kien biss kliem vojt. Kliem ta’ ingann u qerq. Kien kliem sabiħ li jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk li xtaqu bidla u xejn aktar.

Is-sensiela ta’ skandli, manuvri bil-moħbi u ħatriet b’riħa ta’ nepotiżmu juru ċar li l-meritokrazija, il-kontabbiltà u t-trasparenza baqgħu biss kliem. Xejn aktar. Il-fatti juru li l-faqar mhux biss ma spiċċax imma żied għal aktar minn 100,000 persuna! Il-fatti juru li għalkemm l-ekonomija fuq il-karti sejra tajjeb, ċittadini komuni dan mhumiex qegħdin iħossuh. Il-fatti juru ċar li xorta bqajna li mhux kemm taf, imma lil min taf. Staqsi lit-tifla ta’ Anġlu Farrugia jew lill-mara ta’ Konrad Mizzi.

Il-fatti juru li mhux biss jekk ma taqbilx mal-Gvern titlef l-impjieg tiegħek, imma tispiċċa tieħu xi transfer vendikattiv. Staqsi lill-membri tal-Armata. Il-fatti juru ċar li dak li l-Partit Laburista kien tant jiskandalizza ruħu bih meta kien fl-Oppożizzjoni, issa spiċċa qiegħed jagħmlu hu stess. Proprju dan l-aħħar, Marlene Farrugia għamlet lista sħiħa ta’ dak li qabel il-Partit Laburista kien jikkritika fil-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien u dak li issa qiegħed fil-fatt jagħmel huwa stess. Il-fatti juru li mhux biss il-power station mhix lesta (u lanqas se tkun lesta sa Ġunju ta’ din is-sena) imma Malta mhix verament tagħna lkoll. Il-fatti juru ċar li l-Partit Laburista u Joseph Muscat ma żammewx kelmthom.

Bħal meta persuna li tmur kontra l-kelma tagħha stess, din titlef il-kredibbiltà tagħha, hekk ġralu l-Partit Laburista. Huma diversi ċ-ċittadini li jħossuhom ingannati u mhumiex lesti li jerġgħu jafdaw lill-Partit Laburista. Huma diversi dawk li qegħdin jgħarblu kull kelma li qiegħed jgħid Joseph għaliex ma għadux jitwemmen. Mhux biss. L-aħħar stħarriġ juri ċar li Joseph Muscat qiegħed ikollu problema serja ta’ kredibbiltà minn Laburisti stess. Diversi Laburisti ġenwini qegħdin huma wkoll jiskopru li Joseph Muscat mhux biss ma żammx kelmtu, imma nqeda bihom biex ikun jista’ jżomm kelmtu ma’ ħaddieħor.

Għax għalkemm il-Partit Laburista u Joseph Muscat ma żammewx kelmthom mal-wegħdi li għamlu qabel l-elezzjoni ġenerali, jidher li żammew kelmthom ma’ dawk li kienu jiltaqgħu magħhom fir-raba’ sular! Aktar kemm jgħaddi żmien, aktar qiegħed joħroġ ċar li ma’ dawn l-opportunisti, Joseph Muscat u l-Partit Laburista żammew kelmthom.

Ma’ Gaffarena, Joseph Muscat żammha kelmtu. Mas-sidien tal-Café Premier, Joseph Muscat donnu żammha wkoll kelmtu. Jidher li ma’ tant persuni tal-qalba żamm kelmtu biex dawn jingħataw promozzjonijiet, ħatriet, positions of trust u impjiegi oħra mal-gvern. Ma’ ċerti żviluppaturi lokali u barranin, fosthom dak mill-Ġordan, Joseph Muscat żamm kelmtu biex jinħarġu diversi permessi ta’ bini u għotjiet ta’ artijiet, anke meta kulħadd qallu li ma kellux jagħmel hekk.

Imma aktar ma Joseph Muscat iżomm kelmtu ma’ dawn l-opportunisti, aktar ikun diffiċli li hu jżomm kelmtu maċ-ċittadin komuni.

Bil-Malti ngħidu li wieħed ma jistax jaqdi lil Alla u lix-xitan fl-istess ħin!

Għall-kuntrarju ta’ dan kollu, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar joħroġ ċar li Simon Busuttil qiegħed iżomm kelmtu li jerġa’ jġib lill-Partit Nazzjonalista qrib in-nies u jagħmlu d-dar naturali għal ċittadini onesti. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jidher ċar li l-kelma ta’ Simon Busuttil qiegħda tfisser fil-realtà impenn għal politika onesta u serja. L-aħħar stħarriġ pubbliku qiegħed juri li mhux biss il-Partit Nazzjonalista miexi ’l quddiem, imma anke Simon Busuttil qiegħed igawdi aktar kredibbiltà, anke ma’ dawk ta’ twemmin Laburista.

Kelma miksura tfisser ingann.

Jidher ċar li Joseph Muscat inganna lil dawk li fdaw ilkelma tiegħu.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 28 ta' Frar, 2016)

0 views

Comments


BACK
bottom of page