top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-kontijiet tal-ħajja

Jekk matul it-tmexxija ta' Mintoff ma kinitx tgħaddi ġimgħa li ma kienx jinqala' xi ġlied, bil-Gvern Laburista ta' issa ma tgħaddix ġimgħa li ma nisimgħux fuq xi skandlu.



Ninsabu fl-ewwel ġurnata tas-sena l-ġdida 2017. Nagħmlu tajjeb li wara li jgħaddu dawn il-festi, insibu ftit ħin u nagħmlu l-kontijiet. Huwa ferm importanti li nagħmlu l-kontijiet magħna nfusna. Persuna li ma ddurx dawra magħha nfisha, ħafna drabi tispiċċa tirrepeti l-istess żbalji. Tajjeb li nistaqsu fejn morna tajjeb u fejn morna ħażin?

Fuq livell personali


Ilkoll nifhmu li aħna ħajja waħda għandna. Nitilfu lilha u jkun ifisser li nitilfu kulma għandna. Huwa veru li meta wieħed ikun żagħżugħ, ikun moħħ ir-riħ. Iżda l-ħajja matura tfisser li aħna nużaw il-ġranet li għandna bil-għaqal. Għalhekk tajjeb li nagħmlu l-kontijiet. Jista’ jkun li matul is-sena 2016 għamilna passi ’l quddiem fil-maturità tagħna. Jista’ jkun li matul is-sena l-oħra konna ta’ kontribut għal ħaddieħor u wettaqna ħwejjeġ li jagħmlulna unur. Imma jista’ jkun li konna persuni diffiċli, kemm magħna nfusna u ma’ ħaddieħor. Ikun tajjeb li waqt li nagħrfu l-iżbalji tagħna, nitgħallmu minnhom biex din is-sena ma nerġgħux nagħmluhom.

Fuq livell ta’ partit politiku


Matul is-sena l-oħra, il-Partit Nazzjonalista kompla jagħmel passi kbar biex jerġa’ jqum fuq saqajh. Dan mhux biss fl-istrutturi u fil-finanzi tiegħu imma fil-kredibbiltà tiegħu. Il-PN għamel l-isforzi ġenwini tiegħu biex jerġa’ jkun viċin in-nies. U għaliex kien viċin in-nies, il-PN reġa’ qiegħed isemma’ leħnu fuq temi li qegħdin jitkellmu dwarhom in-nies. Tkellem fuq il-korruzzjoni fil-pajjiż, it-traffiku, l-ambjent, iż-żieda tal-fuel, il-power station li għadha ma saritx u tmexxija bla għaqal.

Għalkemm huwa fid-dmir u d-dritt li l-partit jagħmel loppożizzjoni kostruttiva, matul is-sena l-oħra l-PN kien proattiv. Ħareġ diversi dokumenti, proposti u ppropona diversi liġijiet ġodda fil-Parlament. Dan juri mhux biss l-għaqal tat-tmexxija ta’ Simon Busuttil u t-tim kollu, imma juri maturità kbira ta’ partit li fl-Oppożizzjoni, xorta qiegħed jagħmel differenza fit-tmexxija politika.

Matul din is-sena, il-PN għandu ħafna aktar x’jagħmel. Hija l-aħħar sena ta’ qabel l-elezzjoni. Għaldaqsant irridu naħdmu aktar. Bħala Viċi Sindku u bħala Kandidat qiegħed nagħmel ħilti biex nagħmel il-house visits u niltaqa’man-nies. Nemmen li dan huwa l-uniku mod kif nistgħu nkomplu nkunu viċin innies. L-appell tiegħi huwa wieħed: Ejjew ilkoll naħdmu flimkien biex flimkien naslu!

Fuq livell ta’ nazzjon


Nemmen bis-sħiħ li s-sena l-oħra kienet annus horribilis, mhux daqstant għall-Gvern Laburista daqskemm għall-pajjiż. Għalkemm ekonomikament il-pajjiż kompla fit-triq it-tajba li kellu fis-snin li għaddew, l-2016 kienet immarkata bi skandlu wara ieħor. Jekk matul it-tmexxija ta’ Mintoff ma kinitx tgħaddi ġimgħa li ma kienx jinqala’ xi ġlied, bil-Gvern Laburista ta’ issa ma tgħaddix ġimgħa li ma nisimgħux fuq xi skandlu.

Mhux biss kellna l-iskandli imma donnu l-entitajiet pubbliċi spiċċaw każini Laburisti. Biżżejjed naqraw li diversi diretturi u CEOs laħqu mingħajr kwalifiki jew sejħiet pubbliċi. Il-Korptal-Pulizija u l-Armata, il-PBS, l-Awtorità tal-Ippjanar, il- Housing u diversi entitajiet oħra kollha spiċċaw l-id tal-Partit Laburista.

Fl-2016 donnu l-poplu kompla jinsa l-għeruq tal-identità tiegħu u qiegħed ikompli jwarrab dawk il-valuri li huma l-pedament tan-nazzjon tagħna. Matul is-sena l-oħra kellna żieda ta’ mwiet, tqil, serq, vjolenza domestika, vandaliżmu u ħwejjeġ oħra li jħammrulna wiċċna. Donnu l-akbar valur sar biss il-flus u l-qligħ diżonest.

Bħala ċittadini attivi nagħmlu tajjeb li ma nibqgħux indifferenti u naċċettaw kollox. Ma jistax ikun li bħala ċittadini nagħlqu għajnejna jew inkella nibżgħu nsemmgħu leħinna. Jekk nagħmlu dan, allura nkunu kompliċi.

Filwaqt li nittama li nsibu l-ħin meħtieġ biex nagħmlu l-kontijiet tal-ħajja, nawgura li din is-sena tkun mimlija risq u barka għal kulħadd.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 1 ta' Jannar, 2017)

2 views

Comentarios


BACK
bottom of page