top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-Kotra

Il-kora fehmet l-korruzzjoni hija theddida għall-istess demokrazija tagħna. Jekk xi ħadd huwa korrott, se jmexxi b'mod korrott.



“Il-kotra qamet f’daqqa u għajtet: ‘Jien Maltija!” Hekk kiteb Rużar Briffa, meta l-Maltin qamu kontra l-ħakkiem barrani. Għalkemm fl-innu Malti, nitolbu bil-ħniena lis-Setgħani biex jagħti d-dehen u l-għerf lil min jaħkimna, mhux l-ewwel darba li l-poplu sab li t-talb mhuwiex biżżejjed! Mhux l-ewwel darba li induna li jrid jieqaf għas-suppervja u r-ras iebsa tal-ħakkiem! Mhux l-ewwel darba li l-kotra għarfet li l-ħakkiem huwa maqful f’torri tal-avorju, u jinsab f’sakra ta’ poter! Mhux l-ewwel darba li wriet li l-ħakkiem għandu bżonn jiġi f’sensih! Matul il-grajjiet tal-istorja, mhux l-ewwel darba li l-poplu ħa azzjoni qawwija! Mhux l-ewwel darba li semma’ leħnu u wera l-għadab tiegħu!

Biżżejjed infakkru l-kotra ta’ Dun Mikiel u sħabu, jew meta l-kotra qamet fis-Sette Giugno! Biżżejjed insemmu meta l-kotra qamet f’tal-Barrani, jew fl-Imnarja, u wettqet reżistenza passiva quddiem l-aggressività tar-reġim ta’ Mintoff u sħabu! Nagħmlu tajjeb ukoll jekk insemmu meta l-kotra qamet u vvutat kif ivvutat, fl-aħħar elezzjoni li għaddiet!

Leħen il-poplu huwa sovran: “Miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija!” Nhar il-Ħadd li għadda, il-poplu mill-ġdid semma’ leħnu lill-ħakkiem.

Wara aktar minn għaxar snin fl-Unjoni Ewropea, fejn id-demokrazija hija garantita, il-kotra ħasset il-bżonn li terġa’ tqum u ssemma’ leħinha. Hija ironika ferm aktar li wara tliet snin biss ta’ gvern Laburista, li tela’ bil-wegħda ta’ politika nadifa u ġdida, il-poplu kellu jerġa’ joħroġ isemma’ leħnu. U l-kotra miġbura hekk għamlet! Ma kienx hemm Nazzjonalisti. Ma kienx hemm Laburisti. Kien hemm miġbura l- Maltin. Kien hemm bandiera waħda: Dik Maltija.

Il-kotra miġbura kellha wkoll għajta waħda: “Shame on you !” Il-maġġoranza taċ-ċittadini huma onesti; li jaqilgħu l-ħobża tagħhom bl-għaraq ta’ ġbinhom; li jħallsu t-taxxi; li jħobbu lil pajjiżhom u jixtiequ l-ġid lil din “l-art li tatna ismiha.” Il-kotra fehmet li l-korruzzjoni hija theddida għall-istess demokrazija tagħna. Jekk xi ħadd huwa korrott, se jmexxi b’mod korrott. Jekk xi ħadd m’għandu ebda skruplu li jwettaq korruzzjoni, mhux ser ikollu ebda skruplu biex jibqa’ jiffanga u jiggranfa mas-siġġu tal-poter. Min għandu d-dell tal-korruzzjoni fuqu, ma jistax imexxi bis-serenita` meħtieġa. Għaldaqstant, quddiem l-akkużi serji ta’ korruzzjoni sistematika minn dawk stess li qegħdin imexxu pajjiżna, wieħed jifhem għalfejn il-kotra, li nġabret, kienet determinata u għajtet b’vuċi soda: “Shame on you!”

Wara tliet snin ta’ tmexxija Laburista u wara sensiela sħiħa ta’ stejjer ta’ korruzzjoni u skandli, il-kotra Maltija ma riditx tgħix f’soċjetà diżonesta u maħmuġa; ma riditx li wliedha jikbru f’soċjetà fejn xejn mhu xejn, u li kollox jgħaddi; ma riditx li hi u wliedha jgħixu f’soċjetà fejn il-korruzzjoni hija n-norma tal-ħajja u mhux l-eċċezzjoni. Il-kotra miġbura wasslet messaġġ ċar li mhux ser tittollera aktar lil min jinqeda biha biex jiffanga u jsir sinjur minn fuq daharha: “Shame on you!”

Hija tal-mistħija li jkollok Ministru u dak li jmexxi l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li jkollhom kumpaniji u kontijiet il-Panama, magħrufa aħjar bħala l-ġenna ta’min irid jevita t-taxxa u jaħsel flusu li ġew minn attivita’ kriminali jew illegali: “Shame on you!”

Hija tal-mistħija li, filwaqt li seħibhom, il-Ministru tal-Finanzi (li donnu waqa’ fil-muta), qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jara li ebda Malti ma jevita t-taxxi u, saħansitra, iħarrek lil min evita t-taxxi, dawn is-sinjuri jippjanaw li, fis-sigriet u fil-ħemda, jiftħu kontijiet u kumpaniji, li jwasslu biex jevitaw it-taxxa: “Shame on you!”

Hija tal-mistħija li, filwaqt li l-gvern jiġri wara dawk li jabbużaw mis-servizzi soċjali, mingħajr lanqas jagħti kas, forsi, tal-vulnerabbiltà tagħhom; waqt li l-pensjonanti jippruvaw jaraw kif se jwasslu sal-aħħar tax-xahar; waqt li persuni morda bil-kanċer jittalbu lill-President biex tgħinhom ikollhom il-kura meħtieġa, il-Ministru u martu jkomplu jiffangaw mingħajr mistħija ta’ xejn: “Shame on you!”

Id-diskors ta’ Simon jikxef persuna determinat; li qed tikber, kull ġurnata, f’mexxej onest li jista’ jagħtina, verament, il-bidla li wiegħed, b’tant pompa, il-Partit Laburista, imma li m’għamilhiex.

Kif Busuttil ħadem qatigħ biex Malta tingħaqad mal-UE, issa huwa l-mexxej li jrid jgħolli l-livell tad-demokrazija f’pajjiżna. Bħala mexxej ta’ partit u ta’ gvern futur, mhuwiex se jittollera ebda korruzzjoni, u dan diġà wrieh bil-fatt, fi ħdan il-partit tiegħu stess. Għaldaqstant, il-messaġġ tiegħu kien anki għall-PN. L-iżbalji tal-passat għandhom ikunu tagħlima għalina lkoll.

Il-bniedem għandu bżonn ukoll valuri u prinċipji sodi li jiggwidawh. L-onestà hija l-valur fundamentali tas-soċjetà. Nhar il-Ħadd, il-kotra qamet u għajtet: “Jiena Maltija! Jiena rrid politika ONESTA!” “Miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija!”


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 13 ta' Marzu, 2016)

9 views

Comments


BACK
bottom of page