top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-parrocca ta' San Ġwann: 50 sena servizz lill-komunità

Matul dawn il-50 sena, kiena diversi dawk it-tfal, żgħażagħ, familji u oħrajn li gawdew mis-servizzi varji li offriet u għadha toffri din il-parroċċa.



Matul din is-sena, il-Parroċċa ta’ San Ġwann tagħlaq 50 sena minn meta saret parroċċa. Din il-parroċċa hi mmexxija mill-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini u hi ddedikata lill-Madonna bit-titlu ‘Ta’ Lourdes’. Proprju llum jiftħu l-attivitajiet tal-festa li jilħqu l-qofol tagħhom il-Ħadd li ġej bil-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes madwar it-toroq ta’ San Ġwann.

L-ewwel kappillan ta’ din ilparroċċa kien Patri Leopoldu Tabone. Il-kappillan preżenti hu Patri Emmanwel Abela. Matul is-snin, diversi kienu dawk il-patrijiet li taw is-sehem tagħhom lil din il-komunità. Jien kont wieħed minnhom. Għal għaxar snin kont nagħti ssehem tiegħi bħala patri fit-tmexxija tal-katekiżmu, attivitajiet għal tfal, anzjani u fit-tmexxija ta’ San Ġwann Youth Centre. Madwar 400 żagħżugħ u żagħżugħa, f’etajiet varji, kienu jattendu bil-ħeġġa għal diversi attivitajiet li kienu jsiru.

Kien żmien sabiħ u li għadni ngħożżu sal-lum. Nispera li kont ta’ servizz għal din il-komunità. Barra San Ġwann Youth Centre, f’din il-parroċċa hemm diversi għaqdiet u movimenti oħrajn, fosthom komunità ta’ sorijiet Franġiskani, l-abbatini, il-leġjonarji ta’ Marija, il-kor tal-parroċċa, il-Mixja Katekumenali, il-Moviment Kariżmatiku, il-grupp ta’ talb ta’ Patri Piju, il-grupp Grufan għal koppji miżżewġin, il-grupp tal-missjoni u l-Mużew tal-bniet u għas-subien.

Barra minn dawn il-gruppi, hemm gruppi oħra li għalkemm huma awtonomi mit-tmexxija tal-parroċċa, huma viċin tal-ħajja tal-komunità, fosthom il- Banda ta’ San Ġwann, in-nursery tal-futbol, il-gruppi tal-armar u tan-nar u l-moviment tal-iScouts u l-Girl Guides.

Diversi residenti f’San Ġwann huma membri f’dawn l-għaqdiet u jagħtu s-sehem tagħhom biex flimkien jagħmlu l-parroċċa ta’ San Ġwann waħda ħajja, dinamika u mimlija enerġija.

Matul dawn il-50 sena, kienu diversi dawk it-tfal, żgħażagħ, familji u oħrajn li gawdew mis-servizzi varji li offriet u għadha toffri din il-parroċċa. Illum il-ġurnata, dawn l-istess persuni jħarsu lura u jirringrazzjaw lill-parroċċa għal diversi esperjenzi sbieħ li rċevew. Mingħajr l-ebda dubju, dan kollu kien u għadu possibbli bis-saħħa tad-dedikazzjoni u l-impenn sħiħ tar-reliġjużi li kienu u għadhom jagħtu sservizz bl-imħabba u impenn sħiħ lejn din il-komunità. Diversi residenti tal-età tiegħi għandhom memorji sbieħ ta’ impenn ta’ diversi patrijiet li kienu f’San Ġwann matul dawn il-50 sena!

Personalment, jien li trabbejt u għaddejt it-tfulija u ż-żgħożija tiegħi f’San Ġwann, għandi diversi memorji sbieħ ta’ diversi patrijiet, fosthom Patri Klement, Patri Vinċenz, Patri Karlu, Patri Donald, Patri Publju Mair u Patri Emmanuel Barbara, li llum huwa Isqof fil-Kenja. Min jaf dawn il-patrijiet li semmejt u oħrajn, jaf x’qiegħed ngħid! Nistqarr li bl-eżempji tagħhom nista’ ngħid li kont iddeċidejt li bħala żagħżugħ nidħol mal-Kapuċċini u ngħaddi 20 sena minn ħajti magħhom. Ridt inkun bħalhom. Persuna ta’ servizz. Li nagħmel differenza fil-ħajja ta’ madwari. Illum, li ninsab miżżewweġ, il-valuri li ħadt qiegħed nipprova ngħixhom fiż-żwieġ tiegħi, ma’ ibni, fil-karriera tiegħi u fil-ħajja l-ġdida tal-politika. Ċert li diversi persuni oħrajn li kienu viċin il-ħajja ta’ din ilkomunità jistgħu jixhdu dan.


Min b’mod u min b’mod ieħor.

Il-parroċċa mhix waħda żgħira. Għandha madwar 14,000 persuna jgħixu fiha. Il-konfini tagħha jmissu ma’ diversi lokalitajiet oħra, fosthom San Ġiljan, il-Gżira, Birkirkara, is- Swieqi u n-Naxxar. F’din il-parroċċa

ma hawnx aspett ekonomiku u soċjali wieħed. Hawn ħaddiema tal-id u hawn ħaddiema tal-pinna. Hawn professjonisti u oħrajn fin-negozju. Hawn familji li jinsabu fit-triq ekonomika u soċjali aħjar minn oħrajn. Hawn oħrajn li għandhom ukoll diversi problemi soċjali, fosthom il-problema tad-droga. Hawn ukoll nies ta’ twemmin ieħor u persuni li mhumiex ċittadini Maltin.

Għaldaqstant, din il-parroċċa għandha diversi realtajiet li kollha joffru sfidi kbar lill-komunità Nisranija f’din illokalità.


Nemmen li l-ikbar sfida ta’ din il-komunità Nisranija għadha kif u b’liema mod se twassal il-messaġġ ta’ Ġesù – messaġġ mibni fuq l-imħabba, il-karità u l-inklużjoni – bħala messaġġ relevanti li jagħmel sens għall-bniedem u l-familji tal-lum. Nemmen li biex jiġri dan, din il-komunità ta’ fidi trid tħares ’il barra minnha nnifisha u mill-istrutturi u ritwali interni tagħha.

Fuq l-eżempju ta’ San Franġisk, li huwa l-‘mentor’ tal-patrijiet, kemm ir-reliġjużi u kemm il-lajċi impenjati, iridu jersqu aktar viċin ir-residenti u jkunu preżenti fosthom u magħhom, huma min huma. Filwaqt li matul din is-sena qegħdin isiru diversi ċelebrazzjonijiet biex ifakkru dawn il-50 sena ta’ servizz, jalla fuq l-eżempju ta’ Marija omm Ġesù, din il-komunità tkompli tkun il-qaddejja tal-Mulej... ‘li daqqa jgħaddi bil-bagalja u daqqa jgħaddi bis-sellum’.

Prosit u grazzi għal dawn il-50 sena ta’ servizz lill-komunità.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 27 ta' Lulju, 2015)

14 views

Comentarios


BACK
bottom of page