top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-pitazz tal-ħajja

Tul l-2015, il-PN ħa pożizzjoni ċara fuq diversi temi, bħalma huma t-trasport pubbliku, iż-żieda fil-fjuwil u t-traffiku, l-ambjent u l-iżvilupp fiż-Żonqor, il-kmamar illegali, kwistjonijiet etiċi u dwar it-tmexxija pubblika u l-governanza tajba.



Meta konna għandna żgħar, ta’ tfal li konna, l-ewwel jiem tal-iskola wara l-btajjel tas-sajf kienu jiem speċjali. Fihom konna noqogħdu ferm attenti li l-pitazzi l-ġodda nibżgħu għalihom. Ilkoll niftakru kemm fl-ewwel jiem tal-iskola konna nippruvaw niktbu pulit u nagħmlu l-linji b’mod dritt. Ilkoll niftakru kemm konna nibżgħu li ma nħammġux dawn il-pitazzi billi konna nagħmlulhom il-cover tal-plastik b’diversi kuluri. Ilkoll niftakru b’liema ħeġġa f’dawk l-ewwel jiem konna nagħmlu l-homework tagħna. Ilkoll niftakru li ta’ tfal li konna, konna nifirħu meta l-għalliema tagħna kienet tfaħħarna u twaħħal xi stilla fuq il-pitazz bħala turija ta’ inkoraġġiment. Naħseb li lkoll niftakru f’dawn il-mumenti tat-tfulija.

Għaliex qiegħed nikteb dan?

Nemmen li l-ħajja tagħna hija bħal pitazz. Fuq dan l-pitazz ilkoll mistiedna niktbu l-istorja tagħna. Kapitlu wara ieħor. Ġrajja wara oħra. Fuq dan il-pitazz tal-ħajja rridu ‘niktbu’ l-impenji, id-diffikultajiet, is-suċċessi u l-weġgħat kollha tagħna. Huwa fuq dan il-pitazz li rridu nwettqu l-homework tagħna, gej mill-impenji li ħadna fil-ħajja personali, professjonali u ċivili tagħna. Fuq kollox, fuq dan il-pitazz tal-ħajja se nkunu ġġudikati mill-Imgħallem tagħna. Fuq dan il-pitazz se nieħdu l-‘istilla’ finali tagħna.

Ninsabu fl-ewwel jiem ta’ sena ġdida. Kapitlu ġdid f’dan il-pitazz tal-ħajja.

Għaldaqsant, tajjeb li jkollna l-kuraġġ u l-ħin biex nistaqsu żewġ mistoqsijiet importanti: “fejn qegħdin?” u “fejn nixtiequ li mmorru matul din is-sena l-ġdida?”

Fuq livell personali


Għalija l-2015 kienet tfisser ħafna. Kelli nieħu deċiżjoni serja. Wara perjodu ta’ riflessjoni u bl-għajnuna tal-familja u l-ħbieb, għażilt li nerġa’ nidħol fil-ħajja pubblika ta’ servizz lill-komunità. Madwar 15-il sena ilu, kont għal diversi snin saċerdot Kappuċċin b’diversi ħidmiet fost it-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni vulnerabbli. Issa jien miżżewweġ. Fl-2015 ilqajt l-istedina li saritli minn Simon Busuttil. Ġejt mistieden biex nagħti s-servizz tiegħi lill-komunità bħala politiku. Għaldaqstant, matul is-sena li għaddiet, ħriġt għall-ewwel darba għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fil-lokalità ta’ San Ġiljan. Grazzi tal-fiduċja murija fija mir-residenti; tlajt mill-ewwel għadd. Issa, flimkien ma’ sħabi kunsilliera u mas-Sindku, qiegħed noffri s-servizz tiegħi lill-komunità.

Imma mhux biss. Ninsab ukoll kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Il-motto magħżul biex jagħtini direzzjoni huwa ‘People Matter – INTI tgħodd’. L-iskop tiegħi huwa li mill-ġdid nagħti sehmi biex, flimkien ma’ oħrajn, inkomplu nibnu soċjetà aktar umana, aktar ġusta u inklussiva, fejn l-ebda persuna ma titwarrab fil-ġenb. Nemmen bis-sħiħ li l-politika hija mezz ieħor biex wieħed jagħmel differenza. Għaldaqstant, tul din is-sena hija x-xewqa tiegħi li nkompli nżur il-familji tad-distrett. Nixtieq inkun politiku li nkun preżenti maċ-ċittadini kollha f’din il-ħidma biex nagħmlu s-soċjetà tagħna ftit aħjar milli hi. Dan huwa l-kaptilu l-ġdid fil-pitazz tal-ħajja tiegħi għal din is-sena l-ġdida.

X’inhu l-kaptilu l-ġdid tal-pitazz tal-ħajja tiegħek? Mistoqsija serja li inti trid twieġeb. Ikun tajjeb li wieħed jara x’inhuma l-impenji tiegħu/tagħha u jibni fuqhom. L-esperjenza tal-ħajja turina li dan il-pitazz tal-ħajja mhumiex twil daqskemm jidher. Malajr jgħaddi. Malajr issib ruħek fl-aħħar paġna tiegħu! Ma tantx għandna żmien x’naħlu. Għaldaqstant, jekk hemm imġiba, vizzji, attitudnijiet u ħwejjeġ oħra li hemm bżonn li jkun hemm deċiżjoni serja fuqhom, wieħed għandu jagħmel il-kuraġġ u jfittex l-għajnuna meħtieġa.

Fuq livell ta’ Partit


Matul is-sena 2015, il-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, reġa’ sab saqajh. Matul din is-sena l-PN kellu għażliet u sfidi diffiċli. Kritika li nisma’ matul iż-żjarat fil-familji hija li l-PN qabel l-elezzjoni ma kienx aktar viċin l-aspirazzjonijiet, id-diffikultajiet u l-polz tal-familji. Għaldaqstant, għandna bżonn li nkomplu nagħmlu l-ħila kollha tagħna biex inkunu aktar viċin iċ-ċittadini tagħna. Matul l-2015, il-PN kien ukoll partit proattiv. Partit lest li jerġa’ jieħu lura r-responsabbiltà tat-tmexxija. Matul l-2015, il- PN ħareġ tliet dokumenti li jagħtu identit. u viżjoni ċara fejn jixtieq imur. L-ewwel dokument kien ġabra ta’ proposti għall- Baġit 2015-16. Dan huwa dokument storiku. Għall-ewwel darba partit fl-Oppożizzjoni li ppublika lista ta’ proposti. It-tieni dokument huwa ‘Ekonomija għan-Nies’. F’dan id-dokument hemm ċar il-viżjoni u l-għanijiet ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista. F’dan id-dokument, il-Partit jerġa’ jpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru ta’ kull ħidma politika u ekonomika. It-tielet dokument huwa ‘Nibnu Fiduċja fil-Politika.’ Il-PN, waqt li jgħarraf u jitgħallem mill-passat, irridu jkun partit li jmexxi verament bl-onestà, b’kontabbiltà u b’meritokrazija. Mhux bil-kliem imma bil-fatti. F’dan id-dokument, il-Partit jagħmel lista ta’ suġġerimenti kif jista’ jkun hemm verament governanza tajba.

Matul 2015, il-PN ħa pożizzjoni ċara fuq diversi temi, bħalma huma t-trasport pubbliku, iż-żieda fil-fjuwil u t-traffiku, l-ambjent u l-iżvilupp fiż-Żonqor, il-kmamar illegali, kwistjonijiet etiċi u dwar it-tmexxija pubblika u l-governanza tajba. Kif stqarr Simon Busuttil, il-Partit matul l-2015 kien mill-ġdid għal diversi drabi l-vuċi tal-poplu.

Min jgħajjar lill-PN bħala partit negattiv, ikun biss negattiv huwa stess!

Jekk fl-ewwel jiem tal-iskola tat-tfal konna nibżgħu għallpitazz, l-esperjenza turina li ta’ tfal li konna wara l-ewwel xhur, il-pitazz ma tantx kien jibqa’ pulit daqskemm meta bdejna. Wara ftit xhur, il-kitba ma tibqax ċara, il-linji jibdew isiru mgħawġa u xi tebgha taż-żejt jew butir jibdew jidhru! Jalla f’dan il-pitazz tal-ħajja ma nagħmlux l-istess. Hija t-tama li matul din is-sena nkomplu bl-istess ħeġġa, impenn u entużjażmu fix-xhur kollha li ġejjin.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 3 ta' Jannar, 2016)

3 views

Comments


BACK
bottom of page