top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Mhux kull ma jleqq

Mhux kull ma jleqq

Ir-realtà turi li f’pajjiżna ma hawnx transparenza, meritokrazija, akkontabbiltà u mgħarrqa fil-korruzzjoni! L-aħħar rapport tal-World...

14/04/25

Paul Cremona: humble servant

Paul Cremona: humble servant

Although chosen to be an archbishop, he remained a humble and faithful servant of the Gospel. Are there two sets of clergy: the...

28/03/25

Ministru, kif torqod billejl?

Ministru, kif torqod billejl?

“Qed nagħmel din il-mistoqsija f’kuntest mhux biss ta’ diskussjoni politika imma anke għax dan l-aħħar il-Ministru ġie kkritikat ħafna.”...

19/03/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-poplu tkellem

  • manuelschembri
  • Jun 17, 2024
  • 4 min read

Il-poplu tkellem. Bagħat messaġġ ċar daqs il-kristall, s’intendi għal min irid jisma’.


Credit: Shutterstock

Matul il-kampanija elettorali, il-Partit Laburista għamel minn kollox biex jikkonvinċi liċ-ċittadini Maltin. Dan huwa d-dover ta’ kull partit. Imma l-Partit Laburista ma waqafx hemm. Uża s-saħħa u r-riżorsi kollha tal-Gvern biex jirbaħ il-vot tagħhom. Qassam ċekkijiet tal-flus, ħareġ skemi ta’ għajnuna, ta promotions lill-ħaddiema tal-Gvern, irranġa bankini u toroq, iffirma ftehim ma’ dak jew ma l-ieħor, u saħansitra wasal biex qassam appartamenti tal-Gvern fl-aħħar ġimgħat!


Imma kienu diversi u diversi dawk iċ-ċittadini li filwaqt li ħadu dak li bagħatilhom il-Gvern spiċċaw beżqulu fis-sunnara!


Nemmen li dan huwa l-ewwel messaġġ li ħareġ ċar. Diversi ċittadini huma ntelliġenti biżżejjed biex jintebħu li l-Gvern kien qiegħed biss jipprova jroxx il-bżar fl-għajnejn. Ħareġ ċar li diversi u diversi ċittadini mhumiex aktar lesti li jkunu għal bejgħ u li ma jinxtarawx!


Għalkemm il-Partit Laburista teknikament rebaħ dawn l-elezzjonijiet, u dan kien previst li jseħħ, IMMA politikament il-Partit Laburista ‘tilef’ din l-elezzjoni. Li jipprova Robert Abela jbenġila bħala rebħa ‘soda’, ikompli jikkonferma li l-Partit Laburista jibni kollox fuq lis-spin, jiġifieri fuq tawwiġ tal-verità! Mhux kulħadd huwa ‘ġaħan’ biex nuża l-espresssjoni li uża Zammit Lewis stess!


Għaliex qiegħed ngħid li l-Partit Laburista tilef politikament din l-elezzjoni?


Tajjeb li ngħid li fl-aħħar elezzjoni li kellna fl-2019, il-PL rebaħ b’distakk ta’ 42,600 vot. Din kienet rebħa soda tassew. Imma f’din l-elezzjoni, il-Partit Laburista rebaħ b’distakk ta’ 8,454 vot. Dan ifisser li naqqas il-voti mhux b’wieħed jew tnejn IMMA bi 34,141 vot!


Il-messaġġ kien wieħed ċar.


Jidher ċar li diversi huma dawk li mhux biss it-tlellix u l-propoganda tal-Gvern mhux qed timpresjonhom aktar, imma huma rrabjati u diżappuntati li l-Partit Laburista tbgħied mill-valuri Laburisti u sar donnu refuġju u dar tal-ħallellin u l-frodisti. Huma diversi li qegħdin jaraw lil donnu l-PL sar it-tarka u vuċi mhux tal-ħaddiema imma tal-korrotti u ta’ min irid jitħanżer!


Matul dawn il-11 ‘il sena, kellna skandlu wieħed akbar minn ieħor. Bdejna bl-iskandlu tal-Cafè Premier, imbagħad kellna l-kontijiet sigriet fil-Panama, imbagħad ħarġet l-istorja tal-wind farms ġewwa Montenegro, l-istejjer ta’ 17 Black, il-qtil makabru ta’ Daphne u t-tkaxxir tas-saqajn tal-Gvern biex toħroġ il-verità, l-iskandlu tal-flyover tal-Marsa, skandlu tal-liċenżji tas-sewqan u l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali. Dan biex ma nsemmiex numru ta’ oxxenitajiet ta’ promotions u direct orders lil tal-qalba.


Imma l-akbar żewġ skandli li għezzew lil poplu, ċertament kienu l-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia u l-inkjesta tal-isptarjiet tal-Vitals/Stewards, li waslu biex għall-ewwel darba fl-istorja politika ta’ pajjiżna, ex prim ministru, deputat prim ministru, ministri u segretarji parlamentarji jkunu akkuzati quddiem il-Qorti b’akkużi serji ta’ frodi u korruzjoni!


Quddiem dawn il-grajjiet, Robert Abela flok qata’ l-id il-qarnita (metaforikament), spiċċa biex tgħannaq magħha. Flok ġab ruħu ta’ Prim Minitru ta’ pajjiż membru tal-komunità Ewropea, spiċċa jagħmilha ta’ avukat difensur. Flok ġab l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel, għażel li jpoġġi l-interessi tal-partit u tiegħu l-ewwel. Spiċċa jgħajjar lil min qed jaħdem għas-sewwa u l-verità bħala tradituri, minflok ċanfar lil min kien il-protagonist f’din il-ħadma!


Dan urta lil ħafna. Diversi kienu/huma urtati li numru ta’esponenti fil-Partit Laburista qegħdin jużaw lil partit biex jitħanżru u jiffangaw huma għas-skapitu tal-ġid komuni.


Jidher ċar li diversi Laburisti semgħu minn Desmond Zammit Marmarà li kiteb biex il-Laburista jagħmlu favur lil Malta u ma jivvutawx lil Labour. Oħrajn għalkemm marru jivvutaw (biex ma jkunux ittimbrati li ma ħarġux) ħassru l-vot tagħhom jew inkella taw l-ewwel preferenza lil Roberta Metsola. Fil-fatt, diversi voti kellhom preferenza għal Roberta biss! Nemmen li dawn kienu fil-maġġoranza tagħhom Laburisiti.


Minn naħa l-oħra, nemmen li għalkemm il-Partit Nazzjonalista teknikament tilef din l-elezzjoni imma politikament rebaħ. U ngħid għaliex.


Mhux biss il-PN reġa’ rebaħ t-tielet siġġu u żied il-voti tiegħu. Fil-fatt, din l-elezzjoni Ewropea kienet l-aktar riżultat pożittiv li kellu l-partit minn kemm ilu li dħalna bħala membri fil-komunità.


Nemmen bis-sħiħ li rbaħna politikament għaliex il-PN kellu kollox kontrih.


Konna tassew l-underdogs, kif tal-Labour kienu jħobbu jgħidu fuqhom nnfushom! Il-PN kellu mhux biss l-istazzjoni TVM kontrih, li kien magna ta’ propoganda kontinwa favur il-Gvern, imma saħansitra s-surveys wieħed wara l-ieħor li kienu qed ibassru li d-distakk kien ser ikun madwar 27 jew 30 elf! Dan żgur ħalla mpatt psikoloġiku mhux biss fuq il-votanti Nazzjonalisti imma anke fuqna! Xi drabi, s-surveys huma għodda biex taqta’ qalb dak li jkun. Diversi wkoll kienu jgħajruna jew inkella jgħidulna li kollox għal xejn għaliex spiċċajna erbgħa qtattes f’kantuniera!


IMMA, u hawn qegħdha l-imma kollha, bħal ma David ma beżax mill-ġgant Gulija, hekk ukoll aħna lkoll ma qtajniex qalbna. Ilkoll kemm aħna ħdimna fuq li ħdimna. Żorna familji u tkellimna magħħhom. Għalkemm kulħadd għamel il-parti tiegħu, żgur li ma nistax ma nsellimx l-impenn tal-Kap Bernard Grech, tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u tal-campaign manager, Karl Gouder li verament emmnu u ħadmu għal dan ir-riżultat.


Għalina, dan ir-riżultat huwa l-bidu u mhux it-tmiem.


Huwa l-bidu ta’ mixja oħra u itwal li għandha twassalna għal rebħa oħra. Bl-umiltà u b’saqajna ma’ l-art ser inkomplu nwasslu l-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista huwa l-aħjar għażla u għalkemm fil-passat saru żbalji, Malta, b’gvernijiet Nazzjonalisti dejjem imxiet ‘il quddiem. Il-lista tas-suċċessi huma hemm għal min irid jara. Bejn 1987 u 2013, Malta għamlet qabza ta’ kwalità fuq kull livell. Ħafna mis-suċċessi li llum il-Gvern Laburista jiftaħar bihom huma grazzi tal-ħidma tal-gvernijiet Nazzjonalisti. Biżżejjed insemmi s-setturi ta’ kwalità bħal ma huma l-igaming, l-avjazzjoni, s-servizzi finanzarji, il-ħidma marittima, l-investiment fl-edukazzjoni, it-turiżmu/lukandi ta’ kwalità, id-dħul ta’ Malta fl-Ewropa u fiż-Żona Euro, fost oħrajn!


Fl-istess waqt tajjeb ukoll li l-partit jisma’ ukoll il-messaġġ li bagħtu diversi li għażlu li ma jmorrux jivvutaw, iħassru l-vot tagħhom jew inkella jivvutaw kandidati independenti. Hemmhekk hemm messaġġ li hemm bżonn li nisimgħu wkoll.


Nifraħ minn qalbi mhux biss lil Roberta, David u lil Peter għas-suċċess tagħhom imma anke lil Alex, Daniel u lil Thomas.


Ninsab ċert li għalkemm hemm differenzi ta’ ħsieb, żgur hemm rieda u mpenn komuni għal ġid ta’ Malta.


Awguri!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Illum – 16 ta' Ġunju, 2024)

BACK
bottom of page