Miljuni ta' nies inġibdu u għadhom jinġibdu mill-messaġġ ta' din it-tarbija.
![](https://static.wixstatic.com/media/3e745d_0d4ab1a99b7f4d58a6a4c0771d7b589b~mv2.jpg/v1/fill/w_980,h_544,al_c,q_85,usm_0.66_1.00_0.01,enc_avif,quality_auto/3e745d_0d4ab1a99b7f4d58a6a4c0771d7b589b~mv2.jpg)
Waħda mit-tradizzjonijiet sbieħ li għad għandha huwa l-presepju. Huma diversi li għandhom presepju sabiħ. Il-presepju jwassal storja sempliċi imma profonda.
Hija l-istorja tat-twelid ta’ tarbija li twieldet fl-aktar post li ħadd ma jistenna li jitwieled fih. Ftit huma dawk it-trabi li twieldu fejn twieldet din it-tarbija. Din it-tarbija twieldet f’għar bil-bhejjem tal-baqar u bl-irwejjaħ tal-annimali.
Min irabbi l-annimali jew joqgħod viċin ta’ xi razzett jaf x’riħa jagħmlu l-bhejjem. Din hija l-istorja ta’ tarbija li kellha tbiddel l-istorja kollha tal-umanità.
Ftit kienu jew huma dawk il-persuni li b’ħajjithom għamlu daqstant impatt fuq id-dinja kollha. Miljuni ta’ nies inġibdu u għadhom jinġibdu mill-messaġġ ta’ din it-tarbija. Hija tarbija li bit-twelid tagħha mmarkat għal dejjem il-mixja tal-istorja tal-umanità.
Din it-tarbija kellha tikber biex twassal messaġġ mibni fuq il-paċi, is-solidarjetà u l-imħabba. Fuq kollox din it-tarbija kellha twassal il-messaġġ tal-Missier Ħallieq. Din it-tarbija kellha tkun il-wiċċ uman ta’ dan il-Ħallieq. U proprju l-presepju li jwassal dan il-messaġġ, li Alla sar bniedem!
Din it-tarbija kellu jkollha l-isem ta’ Emmanuel, jiġifieri b’ilsienna tfisser Alla magħna. L-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna. San Ġorġ Preca kien uża din il-frażi li tinsab fil-Bibbja – Verbum Dei Caro Factum Est – propju biex hu wkoll iwassal dan il-messaġġ li Alla ġie fostna.
Il-fatt tat-twelid ta’ din it-tarbija huwa messaġġ fih innifsu, li Alla l-Ħallieq ried ikun viċin uliedu. Bħalma missier jogħxa joqgħod fil-kumpanija ta’ uliedu u kif għal kull missier uliedu huma l-mimmi ta’ għajnejh, hekk ukoll il-Missier Ħallieq ried iwassal dan il-messaġġ.
Il-Missier Ħallieq mhuwiex missier ’il bogħod imma hu Missier viċin, magħna, fostna. Dan hu messaġġ ċentrali tal-presepju.
Xi jfisser dan? Ifisser li matul il-mixja tal-ħajja tagħna meta nkunu għajjenin mit-toqol tal-ħajja u nħossuna weħidna u vojta, il-messaġġ tal-Milied għandu jfakkarna li dan mhux minnu. ‘Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, naf li l-ħatar u l-għasluġ tiegħek huma miegħi’, huwa l-vers li nsibu fis-Salmi.
Bil-ġrajja tal-Milied nistgħu lkoll ngħidu li meta nimxu f’wied mudlam tal-ħajja, mhux l-għasluġ tal-Mulej hu magħna imma Hu nnifsu. Dan huwa messaġġ ta’ tama u kuraġġ. Mhux hekk biss. Din it-tarbija meta kibret marret pass ieħor ’il quddiem! Jekk Alla l-Ħallieq irid ikun fostna u magħna, Ġesù permezz tal-Ewkaristija ried li mhux biss ikompli jkun magħna imma ried ikun ġo fina u permezz tal-ħobż u l-inbid imqaddes isir parti minn ġisimna!
Dan ifisser li hu jerġa’ jitwieled mill-ġdid fina! Dan ifisser li ġisimna jerġa’ jkun bħall-għar ta’ Betlem! U jekk l-għar ta’ Betlem kellu l-irwejjaħ tal-bhejjem u l-Iben ta’ Alla ma kellux problema li jitwieled hemm, lanqas issa m'għandu problema jekk jitwieled fina, lkoll midinbin.
Il-wiċċ uman ta' Alla
Fil-presepju hemm ir-rgħajja jirgħu n-ngħaġ tagħhom. Fiż-żmien ta’ din l-istorja, ir-rgħajja kienu dawk meqjusa l-inqas fis-soċjetà. Kienu nies maħmuġa u jintnu bl-irwejjaħ tal-mogħoż. Madankollu, Alla l-Ħallieq jistenna lilhom l-ewwel biex juri lilu nnifsu. Kienu l-ewwel nies li raw il-wiċċ uman ta’ Alla.
U xi jfisser dan jekk mhux juri x’inhuma l-valuri ta’ dan il-Missier? Dan il-Missier ma jimpressjonawhx is-sinjuri, il-lussu u dawk li għandhom l-awtorità. Dan il-Missier jogħxa joqgħod fil-kumpanija ta’ nies umli. Il-valur tal-umiltà huwa valur ta’ importanza kbira għalih dan il-Missier.
Tant huwa hekk li meta Ġesù tkellem u għallem, dejjem wassal dan il-messaġġ ta’ umilità. Dan huwa messaġġ għalina lkoll. Jekk irridu nkunu viċin ta’ dan il-Missier hemm bżonn li nkunu persuni umli. Dan ma jfissirx li ma jkollniex ġid jew li ma naħdmux biex nimxu ’l quddiem fil-karriera tagħna.
Dan ifisser li f’kull ma nagħmlu, nwettqu u ngħidu, dejjem għandha nibqgħu nżommu l-umiltà. Hija ħasra meta tara xi wħud li fil-mument li jilqgħu xi ħaġa jew inkella jimxu ’l quddiem, jispiċċaw jaraw lil oħrajn bħala dubbien! Ħenjin il-fqar fl-ispirtu għaliex tagħhom hija s-Saltna tas-Sema!
Hekk kif ir-rgħajja għalkemm kienu l-imwarrba tas-soċjetà kienu preferuti, jidher li l-Missier għandu ċertu preferenzi għal min hu batut u mwarrab fis-soċjetà. Dan huwa messaġġ ċar ieħor. Huwa fid-dmir tagħna li nagħtu l-importanza lil dawk li huma vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Dawn jistgħu jkunu anke nies li mhumiex tar-razza tagħna jew tal-istess reliġjon tagħna. Hu f’dan il-mument li joħroġ ċar jekk verament il-fidi tagħna hijiex vera jew inkella tal-logħob bil-kliem!
Aħbar ta' paċi u sliem
Min huma l-persuni vulnerabbli fis-soċjetà tiegħek? Il-Papa Franġisku qiegħed ikun mill-ġdid messaġġ ċar lilna lkoll. Bil-ħajja tiegħu u b’dak li qiegħed jagħmel, qiegħed iċanfar lil diversi persuni potenti, fosthom anke isqfijiet u saċerdoti li donnhom daħlu mhux daqstant biex jagħtu servizz imma biex jagħmlu karriera!
F’din l-istorja kien hemm ukoll il-ħabbara li wasslu l-aħbar ta’ paċi u sliem. Dan ukoll huwa sinjal tal-Missier Ħallieq li qiegħed jistenna minna li aħna wkoll inkunu ħabbara ta’ paċi u sliem. Kemm b’ħajjitna u b'ilsienna qegħdin inkunu hekk? Kemm qegħdin inwasslu messaġġi ta’ għaqda?
Sfortuntament qegħdin nużaw anke l-mezzi soċjali biex inwasslu messaġġ negattiv u ta’ ħsara lill-oħrajn. Qegħdin nużaw il-mezzi soċjali biex inkomplu niżirgħu żżerriegħa tal-firda u l-ġlied.
Nagħmlu tajjeb li naħdmu lkoll, skont ir-responsabbiltajiet diversi tagħna, biex inkunu strumenti ta’ paċi. Naħdmu lkoll biex infittxu dak li jgħaqqadna aktar milli dak li jista’ jifridna. Matul din is-sena li ġejja, għandha bżonn nagħmlu aktar ħilitna biex verament naħdmu għall-paċi u l-għaqda. Huwa fl-għaqda ta’ bejnietna fejn hemm is-saħħa ta’ nazzjon.
Barra minn hekk kien hemm ukoll l-istilla li mexxiet u wriet it-triq lit-tliet rejiet. Jalla aħna wkoll inkunu bħal stilla għall-oħrajn. Jalla aħna naħdmu biex indawlu u mhux indallmu l-passaġġi tal-ħajja ta’ ħutna li magħhom niltaqgħu matul il-ħajja. Jalla matul ħajjitna nwasslu dawk il-valuri li rawmuna u tawna l-identità tagħna bħala poplu Malti u nisrani. Jalla d-dawl tagħna jiddi quddiem il-bnedmin kollha.
Meta nħares lejn il-presepju, dan li nara.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 4 ta' Jannar, 2023)