top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Il-qarnita

Wara erba' snin biss fit-tmexxija, il-Gvern Laburista jinsab taħt dell kbir u tqil ta' korruzzjoni sistematika.



Il-qarnita għandha ħafna swaba’. Il-qarnita għandha swaba’ twal li jistgħu jinfirxu ħafna. Il-korruzzjoni hija bħal qarnita. Twassal f’diversi postijiet. Il-korruzzjoni kbira tibda mill-korruzzjoni żgħira. L-ewwel pass ikun meta wieħed jispiċċa jirraġuna u jgħid: ‘U iva. Mhux xorta? Mhux kulħadd jagħmel dan?’

Sakemm il-bniedem huwa bniedem, il-korruzzjoni hija parti mill-ħajja. F’ċerti pajjiżi, is-swaba’ twal tal-korruzzjoni huma mifruxin sew f’kull livell tas-soċjetà. F’ċerti pajjiżi, il-korruzzjoni tant hija kbira li tissejjaħ korruzzjoni istituzzjonalizzata, jiġifieri s-swaba’ tal-korruzzjoni huma fl-istrutturi kollha tat-tmexxija governattiva. Għaliex il-poter u l-flus huma cocktail perikoluż ħafna, f’ċerti pajjiżi wieħed isib partiti politiċi u politiċi li jbillu subgħajhom sew fil-borma tal-pajjiż.

Ilkoll nafu wkoll li hawn pajjjiżi mgħarrqa fil-korruzzjoni. Oħrajn jagħtu kenn lil dawk li jixtiequ jżommu jew ‘jaħslu’ flushom f’segretezzi bankarji. Il-Panama jew il-Virgin Islands huma żewġ pajjjiżi minn diversi oħrajn! Quddiem każi ta’ korruzzjoni, x’tagħmel jew x’ma tagħmilx ifisser ħafna.

Huwa f’dan il-mument li wieħed juri xi stoffa għandu. Politiku jew mexxej li ma jiħux azzjoni juri x’tip ta’ mexxej hu. Jekk wieħed jagħżel is-skiet, din tissejjaħ kompliċità. Wara erba’ snin biss fit-tmexxija, il-Gvern Laburista jinsab taħt dell kbir u tqil ta’ korruzzjoni sistematika. Matul dawn l-erba’ snin ma kienx hemm xahar wieħed biss li fih ma ħariġx skandlu ta’ korruzzjoni, żgħir jew kbir.

Imma quddiem dawn il-każi serji ta’ korruzzjoni sistematika ta’ issa, x’attitudni ħa l-Partit Laburista? X’qiegħed jagħmel il-Prim Ministru quddiem dawn l-akkużi serji? Ħafna drabi nsibu li l-Prim Ministru fommu sieket. Insibu l-magna tal-Partit Laburista tipprova titfa’ l-attenzjoni fuq ‘skandli’ oħra biex b’hekk wieħed jitfa’ l-attenzjoni fuqhom.

Jidher ċar li fil-jiem u x-xhur li ġejjin, il-Partit Laburista se jkun qed jagħmel kampanja sħiħa biex jipprova jiġġustifika u jnaqqas il-ħtija ta’ dawn l-iskandli billi jitfa’ stejjer oħra ta’ korruzzjoni. Dan rajnieh iseħħ kull meta l-Partit Laburista jispiċċa dahru mal-ħajt.

Joseph Muscat irid jifhem li meta jieħu din l-attitudni, mhux biss jista’ jintefa’ dell ikrah fuqu personali imma fuq l-Uffiċċju tiegħu, dak ta’ Prim Ministru ta’Malta. Dan iwassal biex il-pajjiż kollu jieħu l-fama li f’pajjiżna l-korruzzjoni tirrenja. L-aħħar stħarriġ internazzjonali wassal biex pajjiżna spiċċa għaxar postijiet ’l isfel fl-iskala tal-korruzzjoni internazzjonali. Mhux hekk biss. L-aħħar stħarriġ tal-Maltatoday wera biċ-ċar li l-maġġoranza tal-Maltin qegħdin iħossu li l-pajjiż huwa mifni bil-korruzzjoni. Dan joħroġ ċar kull meta wieħed jagħmel żjarat fil-familji jew jitkellem ma’ xi nies fit-triq, hekk kif id-diskors jispiċċa fuq il-korruzzjoni.

Simon Busuttil kien ċar. Għalkemm stqarr li livell ta’ korruzzjoni dejjem se jibqa’ għax sfortunatament fejn hemm il-bniedem hemm il-korruzzjoni, sakemm huwa Mexxej tal-Partit u jekk ’il quddiem ikun magħżul bħala l-Prim Ministru ta’ Malta, huwa se jkun persuna assertiva quddiem il-każi ta’ korruzzjoni. Matul is-snin li ilu Kap ta’ dan il-Partit, Simon Busuttil dejjem wera li meta kien iffaċċjat b’każi żgħar jew kbar ta’ korruzzjoni fil-Partit jew minn xi membri jew deputati/kandidati tal-Partit, huwa ħa l-passi kollha. Min għandu moħħ biex jifhem jaf sew li Simon Busuttil ma jinxtarax u mhux se jibqa’ fommu sieket. Meta dan l-aħħar negozjant prinċipali (li għal diversi snin kien ukoll Nazzjonalist) ipprova jsikket lil Simon Busuttil billi jirrikattah biex ma jiħux passi quddiem każ ċar ta’ korruzzjoni, Simon Busuttil ma beżax jibqa’ kritiku quddiem dan kollu. Il-messaġġ kien ċar: il-PN mhu se jkun fil-‘but’ ta’ ħadd. U jekk fil-passat huwa kien, dan kien żball li forsi kien waħda mir-raġunijiet li għalihom il-poplu tilef il-fiduċja fih.

Din hija s-serjetà. Din hija l-kwalità li għandna bżonn. Din hija l-attitudni ta’ persuna li kapaċi tibqa’ ssejjaħ l-abjad abjad u l-iswed iswed. Dan huwa politiku ta’ prinċipju sod li pajjiżna tant għandu bżonn. Ma nistgħux nibqgħu ngħixu f’pajjiż li fih kollox jgħaddi u kollox jgħodd. Ma jistax ikollna soċjetà mibnija fuq il-korruzzjoni u l-inganni ta’ min għandu subgħajh twal. Ma nistgħux ngħixu f’soċjetà fejn dak li jħossu li huwa potenti jagħmel li jrid u jġib ruħu kif irid.

Il-Maltin kollha ta’ rieda tajba ma jistax ikollhom Prim Ministru li għandu s-swaba’ tal-korruzzjoni mdawrin miegħu. Il-Maltin ta’ rieda tajba ma jridux jgħixu f’pajjiż mifni bil-korruzzjoni. Il-Maltin ma jridux li pajjiżna jkun maqbud mis-swaba’ tal-qarnit.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 9 ta' April, 2017)

4 views

Comments


BACK
bottom of page