Id-distakk bejn il-fqir u s-sinjur qiegħed jikber. Issa hemm distakk ieħor, bejn is-sinjur u ta' dawk tal-qalba fil-Partit Laburista.
Għalkemm fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kont ġejt magħżul bħala Sindku ta’ San Ġiljan, fejn flimkien ma’ sħabi kollha qegħdin naħdmu qatigħ biex inkunu vuċi tar-residenti tagħna, qiegħed mill-ġdid nilqa’ l-istedina li saritli biex għal darb’oħra nikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista fid-9 u fl-10 distrett.
Għalija din hija opportunit. oħra biex inkun ta’ servizz mhux biss għall-komunit. Ġiljaniza imma opportunit. fejn nista’ nagħti s-servizz tiegħi lil komunit. aktar wiesgħa. Hija opportunità li nkun għas-servizz tal-ġid komuni! Nemmen bis-sħiħ li l-politika vera hija dik li hija għas-servizz tal-ġid komuni! Kull persuna li tidħol għal politika tagħmel dan biex toffri servizz u mhux biex tinqeda u tisserva bil-politika!
Aħna ninsabu f’din il-mixja politika proprju għal dan il-għan: li nkunu ta’ ġid għal pajjiżna. Il-politika mhix dwari.
Lanqas mhi dwarek. Il-politika hija dwarna. Pajjiżna jieħu rruħ meta nagħmlu l-politika ta’ flimkien, jiġifieri politika fejn il-kelma ‘aħna’ tiġi qabel il-kelma ‘jiena’. Għaldaqstant, għalija l-kelma ‘flimkien’ turi l-ħidma għall-ġid komuni. Għal xi wħud, il-ġid komuni ma baqax ġid komuni. Il-ġid komuni huwa dak il-ġid li jmur lil hinn mill-intersssi tal-ftit waqt li tħares l-interessi tal-ħafna.
Għaldaqstant, nixtieq nagħmel politika li tħares l-interessi tal-ħafna u mhux tal-ftit.
Nemmen bis-sħiħ li dan huwa proprju l-valur fundamentali li dejjem dawwal u għaġen lill-Partit Nazzjonalista matul iżżminijiet. Il-Partit Nazzjonalista gawda l-fiduċja tal-poplu u għamel riformi u inizjattivi kbar proprju meta ġab l-ewwel mhux l-interessi tal-ftit jew tal-Partit, imma tal-ġid komuni.
Sfortuatament, din hija b’kuntrast qawwi mal-Partit Laburista li kważi dejjem fittex l-interessi tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru l-ewwel qabel kollox.
Għaldaqstant, filwaqt li qiegħed nilqa’ din l-istedina li saritli, nixtieq qatigħ li nkun il-vuċi tal-valuri li ngħożż. Dawn huma:
1. Il-ħarsien tal-ambjent tagħna. Ilkoll naqblu l-ambjent jinsab taħt assedju ta’ dawk li m’għandhomx xabgħa. L-ebda lokalità mhi ħielsa minn dan il-bini sfrenat kollu. L-ambjent huwa d-dar komuni tagħna. Jekk mhux ser nieħdu ħsieb lambjent u nkomplu nagħmlu freġju minnu, allura mhux biss ser nagħmlu pajjjizna belt waħda imma ser ikollna diversi problemi ta’ saħħa mentali. L-istudju juri biċ-ċar li hemm rabta sħiħa bejn is-saħħa mentali u bini żejjed li ma jħallix spazji miftuħa! Għalhekk bħala Partit irridu neżaminaw sew il-policies eżistenti tal-kostruzzjoni u nieħdu bla biża’ dawk ilpassi meħtieġa. Personalment nemmen li dawn il-policies għandhom bżonn li jiġu reveduti u jsir masterplan nazzjonali fejn l-ambjent jingħata aktar importanza u ħarsien.
2. Il-ħtieġa tal-inklużjoni. B’hekk ħadd ma jibqa’ lura, b’mod partikolari l-anzjani tagħna. Bħalissa l-anzjani tagħna għaddejin minn mumenti iebsa minħabba l-Covid-19. Imma mhux biss. Wara li jgħaddi dan il-maltemp, l-anzjani tagħna għandhom bżonn aktar attenzjoni u politika li tħares l-interssi tagħhom. Hemm bżonn aktar kura u servizz għalihom fil-komunitajiet tagħna. Hemm bżonn li jingħataw aktar serħan il-moħħ. Huwa d-dover tagħna lkoll li l-anzjani wara snin ta’ servizz u ħidma, iħossuhom b’rashom mistrieħa u siguri.
3. Il-bżonn tal-ġustizzja soċjali. Nemmen f’politika għalħafna u mhux għal ftit. Il-Gvern Labursita għamel lil ftit meqjusa tal-qalba sinjuri, u lil ħafna ta biss il-loqom! Il-Gvern Laburista lil ta’ madwaru tahom ħafna imma l-oħrajn tahom bil-karità! L-istudju juri biċ-ċar li d-distakk bejn il-fqir u ssinjur qiegħed jikber. Issa hemm distakk ieħor, bejn is-sinjur u ta’ dawk tal-qalba fil-Partit Laburista! Il-Gvern Laburista rnexxielu joħloq klassi soċjali ġdida! Il-politika vera hija dik li tqassam il-ġid ugwali lil kulhadd mingħajr ma tara wiċċ ta’ ħadd!
Fil-qosor għalhekk nixtieq inkun vuċi mhux biss taċċittadini tagħna imma vuċi għall-ambjent, għall-ġustizzja soċjali u għall-inklużjoni. Dan huwa l-ispirtu li bih dieħel għal din il-kandidatura.
Din hija l-vizjoni u l-ħidma tiegħi bħala kandidat. Jekk taħseb li nista’ nagħmel differenza u nista’ nkun ukoll nifs ġdid fil-partit u fil-pajjiż, bl-umiltà se nkun qed nitolbok il-fiduċja tiegħek.
F’dawn l-aħħar 35 sena okkupajt diversi rwoli u responsabbiltajiet fis-setturi soċjali, reliġjużi, edukattivi u maniġerjali, fosthom: għalliem, patri Franġiskan Kapuċċin, manager fis- Sedqa, Kap Eżekuttiv tal-Awtorit. tad-Djar, Amministratur fil-Caritas, Direttur fl-Equal Partners li taħdem fost it-tfal b’diżabbiltà, ħidma fil-UĦM, Viċi Sindku u issa Sindku f’San Ġiljan. F’kull rwol u responsabblità li kelli dejjem għamilt ħilti b’onestà u b’integrit. sħiħa biex naqdi dmiri kif kien mitlub minni.
Għal darb’oħra, nixtieq inkun il-vuċi tiegħek.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 13 ta' Diċembru, 2020)