Hija ħasra li dan il-Gvern qed jagħti arja lil diversi cowboys! Hija ħasra li dan il-Gvern qed ikompli jagħti l-impressjoni ta' impunità.
Fl-imgħoddi ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika kien hemm post imsejjaħ il-Wild West. Dan kien il-post li mhux biss il-cowboys u l-Indjani kienu jiġġieldu flimkien, imma kien anke post u żmien fejn ċerta kriminali u gangsters kienu jagħmlu li jridu. Ħadd ma kien jista’ għalihom. Dak li jridu jagħmlu, kienu jagħmluh.
Sfortunatament, Paceville bħal donnu qed jinbidel fil-wild west ta’ Malta, fejn hemm min jagħmel li jrid u ħadd ma jkellmu! Ħa nkun onest, Paceville qatt ma kien post kwiet minn mindu nfetħu l-bars, clubs u r-ristoranti! Dan huwa post storbjuz fejn diversi żgħażagħ u oħrajn jiġu biex jiddevertu wara ġimgħa ta’ ħidma jew studju. Paceville huwa bħal New York – belt li qatt ma torqod!
Filwaqt li kulħadd, inkluż ir-residenti tagħna, naċċettaw li dan huwa post fejn hawn element qawwi ta’ kummerċ, ħajja mgħaġġla u allura żgur li mhux ser ikun hawn il-kwiet u l-ġabra li wieħed isib fil-kampanija jew inkella f’irħula oħrajn. IMMA dan ma jfissirx li dan huwa post fejn wieħed jagħmel li jrid u jġib ruħu kif irid fejn ħadd u ħadd ma jkellmu!! Ma jfissirx li dan il-post ma jkunx hawn liġijiet u li dawn jgħoddu għal kulħadd, huwa min huwa!
Dan l-aħħar xhur Paceville qed jisssemma’ ta’ spiss meta diversi persuni jispiċċaw jiġġieldu flimkien f’nofs it-toroq ta’ Paceville jew inkella ġewwa l-istabbilimenti! L-aħħar inċident proprju seħħ fl-Ewwel tas-Sena meta grupp ta’ madwar 50 persuna spiċċaw jagħmlu frakas sħiħ. Diversi minna stajna naraw ukoll vidjo ta’ dak li ġara, fejn il-pulizija kellha biċċa xogħol kbira biex iġġib l-ordni. Xi wħud kienu anke meħuda l-isptar. Diversi oħrajn kienu arrestati.
Quddiem dan il-frakas, bħala s-Sindku ta’ din il-lokalit. kien fid-dmir tiegħi li nikteb lill-Kummissarju tal-Pulizija u lis-CEO tal-Awtorità tat-Turizmu biex f’isem ir-residenti tagħna jkollna risposti għal diversi mistoqsijiet li qamu.
1. Għaliex dan l-istabbiliment tħalla jopera u jorganizza attivit. li tmur direttament kontra d-direttivi tal-Awtorità tas-Saħħa?
Huwa inġust li diversi stabbilimenti kienu magħluqa u oħrajn għamlu minn kollox biex isegwu dawn id-direttivi filwaqt li dan l-istabbiliment spiċċa waqa’ u jqum! Sfortunatament nistqarr li dan ma kienx l-unika stabbiliment lanqas! Kien daqsxejn beżżul fid-dawl li kien hemm u għad hemm numru ta’ bars, clubs u ristoranti li mhux biss qegħdin imorru kontra d-direttivi tal- Awtorità tas-Saħħa imma proprju jagħmlu dan bil-wiċċ tost quddiem kulħadd... u ħadd ma jkellimhom. Dawn huma cowboys!
2. Huwa sew li dan is-sid ġie mmultat sempliċiment multa ta’ madwar €2,000 u mitlub li jagħlaq għal ftit? X’messaġġ qed jitwassal?
Għaliex qed nibżgħu nagħtu eżempju lil oħrajn billi nwaqqfu l-liċenzja tal-operat? Dan l-inċident qed jitfa’ dell ikrah fuq sidien l-oħrajn, fuq il-lokalità u fuq pajjiżna? Meta qed isir tant sforzi kbar biex nieħdu ħsieb it-turiżmu tagħna – li huwa lgħajxien ta’ diversi – dan mhuwiex riklam ikrah li ser iħalli impatt? Liema turist wara din il-pandemija ser jagħżel lil Malta meta jisma’ jew jaqra li f’Paceville – mekka tad-divertiment – wieħed jissogra jaqla’ xi daqqa ta’ flixkun? X’tip ta’ turisti ser jiġu fostna? Ser nibqgħu jkollna turisti ta’ ħabba gozz jew inkella mmorru għat-turiżmu ta’ kwalità?
3. Huwa sew li l-Pulizija għamlet dmirha u arrestat xi wħud – li minn informazzjoni li għandi xi wħud diġ. ġew arressati drabi oħra għal ġlied simili li kellna fis-sajf – li s’issa għadu ma tressaq ħadd il-Qorti? Fejn hija l-ġustizzja? Fejn hija l-liġi?
Qegħdin nimxu l-istess ma’ kulħadd? Ara kieku dawn kienu immigranti, kieku konna nagħmlu show bihom u noħduhom il-Qorti bil-pulizija armata sa sniena kif għamilna ftit ilu meta ttellgħu xi immigranti, xi wħud bit-tfal magħhom u oħrajn ħafjin!
Jiena mhux qed nikteb fuq il-mertu tal-immigranti, imma li dawn irċevew trattament differenti! Il-liġi għandha tkun għal kulħadd listess!
S’issa għadni nistenna risposti għal dawn il-mistoqsijiet kollha. Nistqarr li dawn il-mistoqsijiet u oħrajn jitfgħu responsabbiltà mhux biss fuq il-pulizija jew inkella fuq l-infurzar tal-Awtorit. tat-Turiżmu, imma fuq il-Gvern tal-ġurnata!
Il-ħuta minn rasha tintenn!
Hija ħasra li dan il-Gvern qed jagħti l-arja lil diversi cowboys! Hija ħasra li dan il-Gvern qed ikompli jagħti l-impressjoni ta’ impunità, jiġifieri wieħed jista’ jagħmel li jrid u li jogħġbu! Din il-kultura ta’ impunità qiegħda tinfirex f’kull livell tas-soċjetà tagħna. Sejrin inħallsu prezz għoli ’l quddiem jekk ser nibqgħu f’din il-kultura ta’ impunità.
Nemmen li ma nistgħux nibżgħu nwasslu l-vuċi tagħna u bla biża’ nistqarru li mhux kollox jgħodd u mhux kollox jgħaddi! Hemm bżonn ikollna l-kuraġġ li l-abjad nibqgħu nsejħulu abjad u l-iswed jibqa’ jissejjaħ iswed! Hemm bżonn li naraw li jkollna lordni u r-rispett mhux biss f’Paceville imma f’Malta kollha.
Għaldaqsant ser inkompli naħdem qattigħ biex inkun il-vuċi tar-residenti onesti tagħna.
San Ġiljan mhux il-Wild West ta’ Malta. Jistħoqqilna aħjar.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 17 ta' Jannar, 2021)