top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Ilkoll fl-istess kaxxa

Hija t-tama li bħala poplu Malti nimmaturaw politikament u ma nibqgħux inqisu l-politika u l-partiti politiċi bħal donnhom klabb tal-futbol li jirbaħ jew le, nibqgħu nżommu miegħu sal-aħħar. Wasal iż-żmien li nagħżlu bejn politiku u ieħor!



F’dawn l-aħħar ġranet, miet il-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh. Il-mewta tal-Prinċep Philip hija opportunità li tfakkarna li l-mewt tasal fuq kulħadd.


Wieħed jista’ jgħid li l-mewt hija l-aktar ħaġa demokratika li hawn. Ma tara wiċċ ħadd. Ma tagħmel preferenza ma’ ħadd, lanqas ma’ min huwa sinjur jew potenti. Il-mewt hija verament soċjalista! Tqis lil kulħadd l-istess u Ħadd wara Ħadd ser tasal għand kulħadd.


Għalfejn qed ngħid dan? Qiegħed ngħid dan għaliex għalkemm il-kultura tagħna tbeżżagħna mill-mewt u tipprova tagħmel minn kollox biex tnessina minn din ir-realtà, propju l-mewt turina biċ-ċar li qabel ma din tasal, aħna għandha ħajja x’ngħixu! Il-mewt tiġi biss wara l-ħajja li nkunu għixna! Għaldaqstant, il-mewt tfakkarna li qabel ma tħabbat fuq il-bieb tagħna, aħna ġejna mogħtija l-opportunità li ngħixu! Din hija opporunità ta’ darba. Ma terġax tiġi. Huwa fatt xjentifiku li l-mewt ma ġġibx il-ħajja umana imma hija l-ħajja umana li twassal għall-mewt.


Fi kliem sempliċi, wieħed għandu ħajja x’jgħix qabel ma jmut!


Żewġ għażliet fundamentali


Quddiem dan id-don tal-ħajja wieħed għandu żewġ għażliet fundamentali x’jagħmel.


L-ewwel għażla hija li wieħed jaħli ħajtu fix-xejn u jirraġuna, kif jgħid il-qawl Malti: “kul u tpaxxa għaliex minn hawn għal ġol-kaxxa’! Min jirraġuna b’dan il-mod, ikun mhux biss jara sal-ponta ta’ mnieħru imma ħafna drabi jispiċċa jkun persuna egoista, ma jimpurtah minn xejn u minn ħadd. Persuna bħal dan jaħseb li huwa ċ-ċentru tal-univers u li kollox qiegħed għalih u għall-interessi tiegħu. Dan iwasslu biex jaqa’ u jqum minn loħrajn u jaħseb għalih u għall-interessi tiegħu biss. Dan juri mhux biss bil-kliem imma anke f’għemilu u fid-deċiżjonijiet li huwa jwettaq. Sfortunatament, anke għalih il-politika hija biss mezz biex jara kif ser jakkwista u jieħu minn fuq ħaddieħor! L-esperjenza wrietni li min huwa b’din il-mentalità huwa l-aktar persuna li jibża’ mill-mewt. Jafu li bil-mewt, l-arja u l-arroganza tagħhom ser tispiċċa fix-xejn!


It-tieni għażla hija li quddiem ir-realtà tal-mewt, wieħed jaf li jiemu huma magħduda. Jaf li huwa jinsab ħawn b’ċens temporanju. U għaliex jaf li jiemu huwa sa massimu ta’ 99 sena jew inqas, jagħmel ħiltu biex kuljum jaħdem biex ħajtu tkun opporunità ta’ ġid għalih u għal ħaddieħor. Din il-mentalità twassal biex persuna, filwaqt li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, fl-istess ħin iħoss li huwa parti minn komunità. Flimkien jaħdmu għal soċjetà aktar ħanina, ġusta u b’inqas tbatija. Fil-qosor, jipprova jagħmel ħiltu biex is-soċjetà ta’ madwaru tkun ferm aħjar milli hija.


Ir-rwol tal-politiku


U hawn jidħol ir-rwol tal-politiku. Il-politiku li jagħżel l-ewwel għażla, huwa politiku li jaħtaf il-poter għalih innifsu. Għalih il-poter isir il-mezz kif jista’ jsir sinjur minn fuq id-dahar il-poplu. Għalih, il-politika hija biss opportunità biex jinqeda aktar milli biex jaqdi. Dan it-tip ta’ politiku jemmen fil-politika bl-ittra ‘p’ żgħira, jiġifieri politika partiġjana li tkeskes u xxewwex għaliex fil-firda tinsab ir-rebħa.


Min-naħa l-oħra, il-politiku li jagħżel it-tieni għażla, huwa politiku tal-valuri. U politiku bil-valuri jfisser li huwa persuna fejn il-prinċipji jiġu l-ewwel qabel il-voti u l-popolarità. Ifisser li bħala politiku ser jaħdem mhux għall-interessi tal-ftit imma tal-ġid komuni. Dan it-tip ta’ politiku huwa persuna ta’ integrità kbira u juża l-ħin politiku tiegħu/tagħha biex ikunu megħjuna ta’ madwaru, biex jimxu ’l quddiem.


Għaldaqsant, huwa politiku li jaħdem qattigħ għal soċjetà aktar ħanina, umana u ġusta. Dan it-tip ta’ politiku huwa persuna li ma jistax jissaporti li jara l-inġustizzja jew il-korruzzjoni quddiem għajnejh, għaliex jaf li dawn huma s-susa tas-soċjetà b’saħħitha. Dan iwassal biex isemma’ leħnu mingħajr biża’. Jaf li jiemu huma magħduda u allura m’għandux ħin x’jaħli fil-vojt. Il-ħidma tiegħu hija missjoni li jkun forza għat-tajjeb u għall-ġid.


Nistieden lil qarrejja mhux biss jidħlu daħla fihom infushom u jaraw x’għażla personali għamlu huma quddiem il-valur tal-ħajja, IMMA u hawn hija l-imma kollha, min huma l-poltiċi li għandna u liema għażla tal-ħajja huma għamlu. L-ewwel jew it-tieni għażla?


Nimmaturaw politikament


Hija t-tama li bħala poplu Malti nimmaturaw politikament u ma nibqgħux inqisu l-politika u l-partiti politiċi bħal donnhom klabb tal-futbol li jirbaħ jew le, nibqgħu nżommu miegħu sal-aħħar. Wasal iż-żmien li nagħżlu bejn politiku u ieħor!


Fl-istess waqt, il-mewt turina biċ-ċar il-bżonn li nkunu umli fil-ħidma politika tagħna.


Tajjeb li niftakru f’dak li jgħid qawl Taljan: Quando finisce la partita, i pedoni, le torri, i cavalli, i vescovi, i due re e le due regine tutti vanno nello stesso scatolo. Bil-Malti: Meta l-logħba ta’ chess tispiċċa, it-torri, iż-żwiemel, l-isqfijiet, ir-rejiet u r-reġini jispiċċaw ilkoll fl-istess kaxxa!!


Hekk hu!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 25 t'April, 2021)

50 views

Comments


BACK
bottom of page