top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Is Malta being governed by proxy?

Is Malta being governed by proxy?

Is Robert Abela truly in the driver’s seat? Is it he who calls the shots? PL resembles a massage parlour rubbing inflated egos. Robert...

04/11/24

Gvern Laburista seftur?

Gvern Laburista seftur?

Kull gvern demokratiku jiġi magħżul biex iservi l-ġid komuni. Il-ġid komuni jfisser li dak li jiġi deċiż huwa fl-interess tal-poplu...

27/10/24

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

It-triq tagħna ’l quddiem

Nemmen bis-sħiħ li meta nagħżlu l-politika tal-valuri, il-partit tagħna jkompli jgawdi l-fiduċja li tista’ twassalna biex ingawdu l-fiduċja tat-tmexxija ta’ pajjiżna!


Credit: Shutterstock.com

Fl-aħħar Kunsill Ġenerali li nżamm il-Ħadd li għadda [12 ta’ Frar] kelli l-opporunità li nindirizza l-istess Kunsill. It-tema tal-Kunsill kienet: Politika ta’ Fiduċja.


Dan huwa l-isem ukoll tad-dokument li ħareġ il-Parit Nazzjonalista għal dan il-Kunsill Ġenerali. F’dan id-dokument hemm espressjoni profonda u li fuqha ħassejt li għandi nagħmel ir-riflessjoni tiegħi: ‘Il-kwalità tal-ħajja hu l-qalb dejjem tħabbat tal-PN’.


Nemmen bis-sħiħ li dan huwa l-għan aħħari tal-politika: il-kwalità tal-ħajja. Imma meta wieħed jitkellem fuq il-kwalità tal-ħajja, dan qiegħed jitkellem fuq il-kwalità tal-ħajja personali tiegħu jew inkella fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll?


Qiegħed nistaqsi għaliex jekk nagħmlu politika marbuta mal-interessi tal-‘ftit’, allura l-kwalità tal-ħajja titjib biss għal dawk il-ftit. Issa, ilna naraw dawn il-‘ftit’ jittejbu l-kwalità ta’ ħajjithom bl-għajnuna tal-Gvern Laburista filwaqt li oħrajn baqgħu lura. Tajjeb li niġbet l-attenzjoni li huwa l-istess Ministru Clyde Carauna li ammentta li hawn 134,662 ħaddiem full-time u 16,155 persuna part-time jew full-time reduced li jaqilgħu anqas mill-paga medja ta’ €20,099 u dan qabel it-taxxa, jiġifieri wieħed irid iħallas €2,564 f’taxxi (rata ta’ persuna weħidha) u madwar €2,100 f’bollol. Dan ifisser li filwaqt hemm min qiegħed jiffanga €13,000 fix-xahar (kif ħabbar dan l-aħħar l-Ministru Caruana għal ‘kunsulent’ fl-AirMalta), dawn il-ħaddiema jieħdu d-dar €15,435 fis-sena! X’inġustizzja soċjali!


Politika tal-ġid komuni


Għalkemm il-kwalità ta’ ħajti/ħajtek huma mportanti, il-politika vera hija ‘DWARNA’, fejn il-kliem ‘int’ u ‘jien’ jinbidlu f’kultura ta’ ‘AĦNA’. Dan jissejjaħ il-ġid komuni.


Meta nagħmlu politika favur il-ġid komuni nkunu verament qed intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.


Imma l-ġid komuni għandu bżonn numru ta’ valuri li jwieżnuh u jsostnuh. Kif xkora vojta ma żżommx weħidha, hekk ukoll il-ġid komuni. Dan ifisser li rridu nagħmlu pass ieħor u nitkellmu fuq politka tal-VALURI.


Għalkemm hemm numru ta’ valuri li nixtieq insemmi, ser nitkellem fuq żewġ valuri li nemmen li huma l-aktar fundamentali.


Il-valur tal-ambjent


L-ambjent huwa d-dar komuni tagħna. L-ambjent huwa l-futur tagħna. Hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li l-ambjent ngħożżuh u nibżgħu għalih. Il-Profs Herbert Ganado kien kiteb ‘Rajt Malta tinbidel’. Mill-ġdid, Malta, l-irħula u l-ibliet tagħna qegħdin jinbidlu u jitilfu l-identità storika tagħhom. L-ambjent jinsab taħt assedju ieħor.


Din id-darba dan l-assedju mhux mit-Torok IMMA minn numru żgħir ta’ dawk li waqt li qegħdin itejbu sew il-kwalità ta’ ħajjithom, qed jagħmlu dan għas-spejjeż tagħna lkoll. Għaldaqstant, huwa fl-interess tagħna li naraw li dan ma jibqax iseħħ!


L-ambjent huwa wkoll it-tibdil tal-klima, is-sbuħija tal-kampanja, tinġis tal-baħar u l-imħabba lejn l-annimali KOLLHA, inkluż l-għasafar ukoll!


Min huwa favur l-ambjent ma jistax ikun selettiv u jagħżel x’jaqbillu, donnu qiegħed f’xi supermarket, pick and choose!


L-ambjent huwa pakkett wieħed.


Il-valur tal-inklużjoni u ġustizzja soċjali


Ħadd ma għandu jibqa’ lura. Għaldaqstant, għandha nħaddnu politika li tinkludi u mhux teskludi. Id-dinjità umana ma għandhiex kulur tal-ġilda, status soċjali, twemmin jew orjentazzjoni sesswali. Ilkoll bnedmin b’dinjità umana.


Il-ħajja hija sagra mhux biss f’ġuf il-mara imma dejjem u kullimkien, anke meta tkun qed titqalleb fil-mewġ tal-Mediterran!


In-nuqqas ta’ inklużjoni jfisser meta wieħed ipaxxi lil ħafna u jwarrab lil ftit. Dan iġib l-inġustizzja soċjali. U l-inġustizzja hija oħt il-korruzzjoni. Ma tgħaddix ġurnata li mhux qed nisimgħu bi stejjer ta’ korruzzjoni.


It-triq ’il quddiem


Jekk Il-PN irid jgħix rebbiegħa oħra, allura jrid ikollu l-kuraġġ u determinazzjoni li jkun il-vuċi assertiva u xhud onest ta’ dawn iz-zewġ valuri li semmejt.


Aktar u aktar meta ironikament dawn iż-zewg valuri huma valuri li jemmnu fihom 23% tal-Maltin li qalu li ma jridux s’issa jipparteċipaw aktar fil-ħajja politika ta’ pajjiżna.


Nemmen bis-sħiħ li meta aħna nagħżlu l-politika tal-valuri jista’ ikollna mhux biss ‘politika ta’ fiduċja’, imma li l-partit tagħna jkompli jgawdi l-fiduċja li tista’ twassalna biex ingawdu l-fiduċja tat-tmexxija ta’ pajjiżna!


Din hija t-triq tagħna ’l quddiem.


Kuraġġ!



(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 19 ta' Frar, 2023)

9 views
BACK
bottom of page