top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Kapitlu Ġdid

Nixtieq insarraf il-fiduċja murija f'ħidma siewja lill-komunità.



Lulju huwa xahar li ħalla diversi marki f’ħajti. Matul dan ix-xahar seħħew diversi ġrajjiet importanti f’ħajti. Kien l-10 ta’ Lulju meta kont mort il-Kenja. Kienet esperjenza li laqqgħetni ma’ realtajiet li qatt ma ħlomt bihom. Kien l-14 ta’ Lulju tal-1989 meta kont ġejt ordnat saċerdot Kapuċċin, esperjenza li żgur ħalliet marka kbira f’ħajti u tatni opportunità tad-deheb biex inkun ta’ servizz. U kien proprju fit-28 ta’ Lulju wkoll li żżewwiġt lil marti wara li kont ħadt id-deċiżjoni li naqleb paġna ġdida u nibda kapitlu ġdid. Għaliex qiegħed ngħid dan? Proprju fil-5 ta’ Lulju li għadda ġejt maħtur uffiċjalment bħala l-ħames sindku f’San Ġiljan wara li fl-aħħar leġiżlatura kont viċi sindku.

Nemmen li dan huwa kapitlu ġdid f’ħajti. Nixtieq insarraf ilfiduċja murija f’ħidma siewja lill-komunità.

San Ġiljan joffri diversi opportunitajiet sbieħ u huwa lokalità mfittxija ħafna. Fl-istess waqt nistqarr li din lokalità li toffri sfidi kbar li mhux faċli li wieħed isib tarf tagħhom. Dan ġej mill-fatt li hawn diversi fatturi f’kompetizzjoni diretta ma’ xulxin. Kulħadd jara l-kantuniera tiegħu u kulħadd irid iħarisha bis-sħiħ.


Minn naħa waħda hawn ir-residenti li jridu jgħixu ħajjithom filġabra ta’ darhom, il-komunità kummerċjali li trid taħdem biex taqla’ l-għajxien tagħha u l-iżviluppaturi li jridu jkomplu jibnu biex isostnu n-negozju tagħhom. Min-naħa l-oħra, hawn it-turist (kemm Malti, kif ukoll dak barrani) li jiġi fostna biex jiddeverti. Sfortunatament, diversi drabi ma jinstabx il-bilanċ meħtieġ bejn dawn l-interessi varji. Għaldaqstant dan qed iwassal għal diversi problemi kbar u serji.

Kostruzzjoni bla rażan


Nistqarr li l-ikbar żewġ sfidi huma l-kostruzzjoni bla rażan u nnuqqas ta’ ndafa.

Ħadd mhu kontra l-iżvilupp. Dan iġib ċertu progress u diversi familji Maltin jiddependu minnu għall-għajxien tagħhom. Ħafna huma biss kontra l-iżvilupp bla rażan li qed iwassal biex kull kantuniera tispiċċa tkun mibnija u kull spazju meħud! Wara li Paceville ttieħed kollu għall-bini minn żvilupp enormi, issa l-iżviluppaturi dawru ħarsithom lejn parti qadima f’San Ġiljan. Min huwa midħla ta’ din il-lokalitá jaf sew x’qed ngħid. Dan qed iwassal għal diversi lmenti ta’ residenti li ma jistgħux jgħixu filkwiet u ħielsa minn inġenji u trakkijiet, u qed iwassal ukoll biex San Ġiljan jispiċċa zona waħda ta’ bini li se titlef kull identità li kellha. Il-parti antiki qiegħda fir-riskju li ssir bħal Paceville! L-ironija hija li l-Awtorità tal-Ippjanar, minflok qiegħda tipproteġi lil din il-parti antika ta’ San Ġiljan, qed tkun kompliċi f’dan it-tħassir ta’ dan il-patrimonju Ġiljaniż! Dan jista’ jħalli impatt ukoll fuq itturiżmu tagħna. Mhux l-ewwel darba l-istess turisti jilmentaw li huma ġew fostna biex igawdu btala u mhux biex joqogħdu qalb krejnijiet, storbju u bini!

Nuqqas ta’ ndafa


Sfida oħra hija n-nuqqas ta’ ndafa. Għalkemm il-Kunsill Lokali u anke l-Gvern Ċentrali qegħdin nagħmlu ħilitna, xorta jibqa’ lfatt li diversi persuni joħorġu ż-żibel tagħhom mhux fil-ħinijiet stabbiliti. Dan qed jiġri mhux daqstant mir-residenti permanenti imma minn dawk il-barranin li jikru appartamenti għal ftit jiem. Sfortunatament, għalkemm ikunu avżati, dawn xorta jagħmlu ta’ rashom.

Il-Prim Ministru stqarr li waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern Lokali għandha tkun l-indafa. Filwaqt li naqbel perfettament miegħu, għandu bżonn iżomm kelmtu rigward il-GreenWardens. Proposta li kont għamilt hija li persentaġġ mill-bed tax li kull turist iħallas għal kull lejl li jgħaddi fostna tingħata lill-Kunsilli Lokali biex ikun hemm aktar fondi għal ġbir ta’ żibel u infurzar tal-liġi.

Barra minn hekk, hemm bżonn li tinbidel il-liġi tal-kera ta’ dawn l-appartamenti b’mod li s-sidien isiru responsabbli miżżamma tal-indafa. Hekk jiġri f’pajjiżi oħra.

Nixtieq fl-aħħar insellem mhux biss lill-ħames sindki li ġew magħżula qabli imma b’mod partikulari nirringrazzja lis-Sur Guido Dalli tal-ħidma siewja li wettaq matul iż-żmien li dam sindku. Ċert li d-dedikazzjoni tiegħu lejn San Ġiljan se tkompli flimkien mal-kunsilliera l-oħra.

Flimkien ma’ sħabi l-kunsilliera l-oħra qed inħares bl-umiltà imma b’determinazzjoni sħiħa għal dan il-kapitlu ġdid f’ħajti.

Flimkien naslu.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 21 ta' Lulju, 2019)

0 views

Comentarios


BACK
bottom of page