L-aħħar kelma
- manuelschembri
- Mar 29, 2016
- 3 min read
Quddiem il-ħażin u t-tbatija li hemm fina u madwarna hemm messaġġ wieħed: wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Dan hu messaġġ sempliċi imma profond.

Kollox hu mitmum. Din kienet waħda mill-aħħar karbiet li ħarġet minn fommu. Kien raġel kwiet. Kien raġel li kliemu kien kollu ħlewwa u mogħdrija. Kien raġel li fejjaq lil diversi u saħansitra tema’ lil min kien bil-ġuħ. Għalkemm kien raġel min-Nażaret imma kien l-Iben t’Alla li sar bniedem u għammar fostna.
Dawk li kienu jinqarsu minn kliemu raw kif għamlu biex jeħilsu minnu. Kelmtu kienet qarsithom fil-laħam il-ħaj. Bil-ġisem mitluq mejjet fuq l-għuda, dawk li salbuh ħadu nifs ’il ġewwa. Straħu. Fl-aħħar ħelsu minnu, ħasbu huma. Tbissmu għaliex ħasbu li kellhom l-aħħar kelma.
Imma l-kelma kienet ta’ dak li wara tlett ijiem ħalla l-qabar. L-aħħar kelma kienet ta’ dak li qam minn l-imwiet u reġa’ deher lill-ħbieb tiegħu. Għalfejn qegħdin tfittxuh fost il-mejtin? Dak li kien mejjet reġa’ qam. Dak li kien mitluf f’ħalq il-mewt sar sid talistess ħajja. B’mewtu fuq is-salib, Ġesù għalaq kapitlu. Bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, Ġesù fetaħ kaptilu ġdid. Fil-qosor, dan kien il-bidu ta’ mixja oħra.
Il-messaġġ kien wieħed car: l-aħħar kelma hi tal-verità. L-aħħar kelma hi tas-sewwa. Il-ħażin qatt mhu se jirbaħ. Il-ħażin jista’ jirbaħ battalja imma ma jistax jirbaħ il-gwerra. Illum jew għada, hu t-tajjeb li għandu l-aħħar kelma. Wara l-bżieq mitfugħ, wara d-daqqiet li ngħataw, wara l-għajjat li sar, wara t-tbatija u ħruxija kollha, is-sewwa ħareġ rebbieħ. Tassew dak li jingħad, li s-sewwa jirbaħ żgur!
Dan hu messaġġ li jgħodd għalina lkoll.
Ilkoll għaddejna jew għaddejjin minn tbatijiet tal-ħajja. Ilkoll kemm aħna kellna jew għandna l-mumenti diffiċli tagħna. Min għandu l-piż tal-mard xi jġorr. Min għandu ċerti diżappunti minn uliedu, li xi drabi jafu joffru. Min għandu ċerta rabja lejn il-ġenituri tiegħu jew lejn persuni li kien iħobb għaliex iħoss li naqsuh. Min għadu kemm spiċċa minn relazzjoni ta’ mħabba u jħossu tradut jew użat. Min għadu kemm tilef xi ħadd għażiż li miegħu/magħha kellu storja sabiħa. Min iħossu waħdu donnu f’deżert. Min iħossu skjav tal-vizzju li ħakmu. Min jaf kemm hawn min għaddej minn tbatija u qtigħ il-qalb! Min jaf kemm hawn min iħoss it-toqol tas-salib jagħfas fuq spallejh!
Għalkemm il-piż ta’ kull tip tas-salib iħalli l-marka tiegħu imma tajjeb li nemmnu li għada jew pitgħada se jisbaħ ukoll! Għada se jkun aħjar mil-lum. Għada se jerġa’ jisbaħ għal jum aħjar. Għada t-tajjeb se joħroġ rebbieħ. Għaldaqstant, wieħed għandu jkollu l-kuraġġ u d-determinazzjoni li jkompli miexi u jħares ’il quddiem.
Dan ma jgħoddx biss għal ġrajjiet personali. Dan jgħodd ukoll għal ġrajjiet nazzjonali u anki dawk internazzjonali. Ilkoll nafu li donnu dan f’pajjiżna m’għadux dak li nafuh aħna. Ilkoll naraw li donnu l-ħażin qiegħed kulma jmur isir meqjus bħala tajjeb. Dak li hu iswed qed jiġi meqjus bħal donnu li sar abjad. Ilkoll naraw li donnu kulħadd jista’ jgħid u jagħmel li jrid. Li kollox jgħodd u jgħaddi. Ilkoll nafu li anke min suppost li jagħti l-eżempju ta’ serjetà u onestà qiegħed jonqos bil-kbir.
Biżżejjed wieħed isemmi l-iskandli kollha li qegħdin jinħarġu. Mhux biss. Tajjeb li nsemmu wkoll dawk il-ġrajjiet internazzjonali bħal dawk fejn eluf ta’ persuni jispiċċaw jaħarbu minn djarhom, l-abbuż fuq ittfal, il-gwerer bla sens u l-attakki terroristiċi fuq persuni innoċenti bħalma kellna dan l-aħħar fi Brussell u fil-Pakistan. Quddiem dan kollu, ir-raġel li qam mill-imwiet u ħalla l-qabar vojt qiegħed iwassal messaġġ ta’ kuraġġ u tama.
Quddiem il-ħażin u t-tbatija li hemm fina u madwarna hemm messaġġ wieħed: wara l-maltemp jiġi l-bnazzi.
Dan hu messaġġ sempliċi imma profond. Dan hu messaġġ ċar li llum jew għada l-aħħar kelma mhix tal-ħażin jew ta’ dawk li jżommu miegħu. L-aħħar kelma hi dejjem tat-tajjeb u tas-sewwa.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 29 ta' Marzu, 2016)