top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

L-għoli tal-kera

Il-Gvern għandu obbligu li jara li kull kirja jkollha kuntratt. Allura hemm obbligi u dmirijiet fuq iż-żewġ naħat!



Skont l-aħħar stħarriġ, 80% tal-Maltin huma sidien ta’ darhom. Matul is-snin, il-politika ta’ kull gvern kienet li jħeġġeġ lin-nies biex ikunu sidien ta’ darhom. Li wieħed huwa sid ta’ daru huwa meqjus bħala investiment fis-sod. Għaldaqstant, il-gvernijiet matul is-snin raw biex joħorġu skemi biex in-nies, b’mod partikulari l-koppji żgħażagħ, setgħu jkollhom għajnuna biex jagħmlu dan.

Tajjeb li wieħed isemmi skemi bħalma huma għotja ta’ art bi prezz sussidjat, skemi ta’ xiri ta’ djar jew appartamenti tal-gvern bi prezz sussidjat, skemi ta’ ħlas mill-gvern fuq il-VAT (il-Gvern iħallas lura l-VAT fuq xogħol strutturali li jkun sar), skemi ta’ interess fuq l-imgħax fuq self mill-banek, skemi ta’ għajnuna biex djar ikunu rranġati u eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa fuq l-ewwel proprjetà.

Iżda huwa fatt ukoll li 20% tal-Maltin mhumiex sidien ta’ darhom. Għaldaqstant, dawn jinsabu fi djar mikrija. Xi wħud minn dawn jikru appartamenti soċjali mingħand il-Gvern b’rata ta’ sussidju qawwija, waqt li oħrajn qed jikru mingħand il-privat. Hija f’din l-aħħar kategorija li qiegħed jinħass li hemm żieda qawwija ta’ kera mitluba. Tajjeb li wieħed jgħid li ċerti kirjiet antiki kienu/huma baxxi. Hawn kirjiet ta’ 200 ewro fis-sena! Din lanqas mhi ġustizzja soċjali mas-sidien! Għalkemm personalment nemmen li s-suq tal-kiri mill-privat għandu jkun liberu u ħieles minn indħil żejjed tal-Gvern, huwa tajjeb li wieħed jifhem għaliex ninsabu f’din is-sitwazzjoni.

Wieħed mill-fatturi li wasslu għal żieda fil-kirja żgur li hija ddomanda qawwija minn ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-I-gaming u tal-finanzi. Fil-maġġoranza tagħhom dawn għalkemm membri tal-Komunità Ewropea mhumiex ċittadini Maltin. Dawn il-ħaddiema mhux biss igawdu salarji u benefiċċji għolja imma anke l-istil tal-ħajja tagħhom huwa differenti. Minħabba dan, il-kera mitluba mis-sidien hija waħda għolja. Dan wassal għal effett fuq il-kirjiet kollha.

Fattur ieħor huwa li appartamenti oħrajn qegħdin jinkrew lil dawk li huma ħaddiema li jaħdmu fil-catering, fil-kostruzzjoni jew inkella li jaħdmu fil-kura tal-anzjani. Diversi minn dawn il-ħaddiema jispiċċaw jikru appartamenti ta’ tliet kmamar tas-sodda imma jgħixu sitta minflok tlieta! Dan ifisser li jekk kull persuna tħallas mill-inqas €120 fix-xahar iżda l-kirja kollha għas-sid tkun ta’ €720 fix-xahar!

Fattur ieħor huwa li f’ċerti zoni fejn qabel ma kienx hemm żvilupp jew ġenerazzjoni tal-madwar, issa qiegħed iseħħ dan. Pereżempju, fil-Kottonera, diversi sidien iridu lura l-appartamenti tagħhom biex ikunu jistgħu jikruhom iktar ’il quddiem lill-barranin li se jkunu qed jistudjaw fl-‘Università’ f’Bormla!

Huwa d-dover ta’ kull gvern li jara li dan l-effett ma jagħmilx ħsara liċ-ċittadini tiegħu, l-aktar lil dawk vulnerabbli. Il-Gvern għandu obbligu li jara li kull kirja jkollha kuntratt. Allura hemm obbligi u dmirijiet fuq iż-żewġ naħat! Fil-kuntratt għandu jkun hemm il-perjodu u kemm wieħed qiegħed jikri għal perjodu miftiehem fil-kuntratt. Jekk il-kuntratt ma jiġix imġedded, allura s-sid għandu obbligu li javża minn qabel (mill-inqas tliet xhur qabel) li l-kirja mhix se terġa’ tkun imġedda. B’hekk wieħed ikun jaf kemm għandu żmien u kemm għandu ħlas għal matul dak iż-żmien.

Miżura oħra li l-Gvern jista’ jagħmel hija li mhux biss jagħti sussidju fuq il-kera imma jagħti benefiċċji fiskali lis-sidien ukoll. Fis-snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista, din kienet għal 5% fuq id-dħul. Il-proposta tal-Manifest Elettorali tal-PN kienet li din tinżel aktar jekk is-sid jikri b’mod fis fit-tul għal 5, 10 jew aktar.

Il-Gvern Laburista ħadem fuq din il-proposta. Il-Gvern Laburista reġa’wkoll ħareġ skema Kiri (il-Gvern jikri mingħand il-privat biex imbagħad jikri lil min huwa fuq il-lista tal-housing) li kienet ħarġet fiż-żmien meta kont Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.

Huwa fl-interess tal-Gvern li jara li hemm bilanċ bejn iddrittijiet/dmirijiet tas-sidien u ta’ min huwa fil-kiri.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 8 ta' Ottubru, 2017)

16 views

Comments


BACK
bottom of page