top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2025 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Mhux kull ma jleqq

Mhux kull ma jleqq

Ir-realtà turi li f’pajjiżna ma hawnx transparenza, meritokrazija, akkontabbiltà u mgħarrqa fil-korruzzjoni! L-aħħar rapport tal-World...

14/04/25

Paul Cremona: humble servant

Paul Cremona: humble servant

Although chosen to be an archbishop, he remained a humble and faithful servant of the Gospel. Are there two sets of clergy: the...

28/03/25

Ministru, kif torqod billejl?

Ministru, kif torqod billejl?

“Qed nagħmel din il-mistoqsija f’kuntest mhux biss ta’ diskussjoni politika imma anke għax dan l-aħħar il-Ministru ġie kkritikat ħafna.”...

19/03/25

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

L-għożża tad-dar komuni

  • manuelschembri
  • Jun 30, 2016
  • 3 min read

Updated: Jul 1, 2021



Aħna l-Maltin kburin bid-djar tagħna. Ninvestu ħafna ħin, enerġija u flus fihom. Dejjem tarana nirranġaw. Daqqa ħaġa. Daqqa oħra. Għalina d-dar hija l­għożża tagħna. Imma mill-bieb 'il barra?


L-ittra tal-Papa Franġisku bit­titlu 'Laudato Sì', tistedinna biex nittawlu 'l barra mill-bieb tad­dar tagħna. Titlobna biex inħarsu lejn l-ambjent kollu ta' madwarna bħala d-dar komuni tagħna lkoll. Mhux biss. Tħeġġiġna biex inħarsu lil hinn mill-konfini ta' xtutna. Tistedinna biex inħarsu lejn id-dinja kollha bħala d-dar komuni. Waqt li d-dinja saret villaġġ wieħed, il-Papa jiġbed l­attenzjoni li dan il-villaġġ huwa fil-fatt id-dar tiegħek u tiegħi. Id­dinja kollha hija dar tagħna lkoll. Dak li jiġri 'l bogħod minn xtutna, iħalli effett fostna. Dak li jiġri fostna, jinħass 'il bogħod minn xtutna. U bħalma ngħożżu u nżommu d-dar tal-ġebel tagħna b'tant imħabba, entużjażmu u kura, hekk ukoll mitluba biex inħarsu b'għozza l-erba' kontinenti minn tarf għal ieħor bħala d-dar komuni tagħna. Id-dinja hija l-wirt komuni. Aħna nagħmlu parti minn realtà aktar wiesgħa u akbar. Aħna, flimkien mal-ħlejjaq kollha, aħna ġebel ħaj Ii niffurmaw din id-dar.


Il-Papa Franġisku jimxi fuq il-passi ta' Franġisku minn Assisi. Jagħmel tiegħu l-għanja tal­ħolqien, "Mulejja, tkun imfaħħar f'oħtna u ommna l-Art, għax minnha l-għajxien u hi tmexxina u tagħti l-frott ta' kull bixra, ward bi lwien u ħxejjex".


Franġisku minn Assisi, il-qaddis tal-erba' staġuni li tkellem fuq is-sbuħija tal-ambjent kollu. Il-qaddis li saħaq li n-natura, fid­diversità kollha tagħha, hija ommna u parti integrali minna – aħna fiha u hija fina. Il-fqajjar ta' Assisi li sostna li l-ambjent huwa l-espressjoni ta' Alla fostna. Jisħaq li l-mod kif inġibu ruħna mal-ambjent huwa l-espressjoni tagħna mal-Ħallieq! Franġisku b'għemilu u kliemu juri li huwa ekoloġista u ambjentalista. Tassew, il-Papa Franġisku ma jġibx l-isem biss tal-fqajjar imma jimxi fuq il-passi tal-ħsieb Franġiskan.


Għaldaqstant, il-Papa Franġisku jisħaq li l-bniedem mhux biss għandu joħloq u jżomm relazzjoni tajba miegħu nnifsu, mal-proxxmu u ma' Alla, imma għandu joħloq u jżomm relazzjoni tajba mal-ekoloġija kollha u n-natura fid-diversità kollha. Jistieden lill-bniedem biex jidħol daħla fih innifsu u jistaqsi jekk ir-relazzjoni man-natura u l-ambjent hix relazzjoni tajba.


Bħala Ġiżwita fidil lejn it­tradizzjoni Ġiżwitika, il-Papa Franġisku jħares lejn ix-xjenza bħala l-aħjar strument li bih nistgħu nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza biex nisimgħu l-għajta tal-art. Jekk fl-imgħoddi, il-Knisja warrbet jew ħaditha kontra x-xjenza, il-Papa jitlob issa lix-xjenza tgħinna biex nisimgħu l-karba ta' ommna l-art.


Fil-fatt, ix-xjenza qed turina li aħna l-bnedmin qegħdin nonqsu lil din ommna. Flok qegħdin inkunu koperaturi mal-ħolqien, spiċċajna kompetituri. Aħna stess qegħdin inwaqqgħu l-ġebla fuq saqajna.


F'dan il-kuntest, il-Papa Franġisku jsemmi dawn in­nuqqasijiet ambjentali:


• Tniġġis u tibdil fil-klima. lt­tniġġis jolqot ta' kuljum il-ħajja tal-bnedmin tant li jwassal għall­imwiet bikrija ta' diversi, filwaqt li "d-dinja, id-dar tagħna, donnha qed tinbidel dejjem iżjed f'depożitu kbir ta' skart". Dan kollu ġej, isostni l-Papa, minn 'kultura ta' skart'.


• lt-tibdil fil-klima. Din hija 'problema globali b'implikazzjonijiet ambjentali, soċjali, ekonomiċi, distributtivi u politiċi'. lt-tibdil fil-klima qed iwassal għal tbatija ta' popli sħaħ.


• Il-kwistjoni tal-ilma. Popolazzjonijiet sħaħ qegħdin jimirdu u jmutu minħabba li jixorbu ilma li mhux tajjeb għax­xorb, filwaqt li għadu għaddej it­tniġġis tal-ilma tal-pjan minħabba l-ħmieġ mitfugħ fih mill-fabbriki u l-bliet.


• Il-ħarsien tal-bijodiversità. Il-Papa jsemmi li 'kull sena qed jgħibu eluf ta' speċi ta' pjanti u annimali li qatt m'aħna sa nsibuhom iżjed, li wliedna mhu se jkunu jistgħu jarawhom qatt, mitlufin għal dejjem'.


• Il-konsumiżmu estrem. Il-ħajja donnha saret ġirja ta' konsum. Is­sistemi politiċi saru mibnija biss fuq il-progress ekonomiku mingħajr każ tal-progress soċjali. Importanti li nibnu. Importanti li nkabbru. Kull art saret tajba għall­bini u l-qligħ tal-flus.


• Ingustizzja soċjali. Il-Papa jfakkar li 't-tifrik tal-ambjent u tas-soċjetà jolqot b'mod speċjali lid-dgħajfa ta' din il-pjaneta’. Huwa dejjem il-fqir u l­batut li jbati. Għalkemm ngħixu f'dar waħda, il-frott tal-art mhux qiegħed jitgawda minn kulħadd. Il-'ftit' huma paxxuti. Il-'ħafna' huma mwarrba.


Quddiem dawn l-isfidi, il­Papa jitkellem fuq il-bżonn urġenti li jkollna stil ta' ħajja differenti. Jitlobna li jkollna r­rażan fil-konsum u l-għaqal fit­tmexxija. Isostni li l-ferħ tagħna ma jiġix minn kemm nakkwistaw jew kemm nikkunsmaw. Jitlobna li jkollna konverzjoni ekoloġika. Jitlobna nagħmlu 'ħbieb' ma' oħtna u ommna l-art.


L-aktar punt li laqatni huwa meta jistaqsi x'tip ta' dinja u soċjetà rridu nħallu lit-tfal tagħna. Hija mistoqsija provokattiva għall-aħħar. Mistoqsija li tajjeb li nweġbuha... anki fil-kuntest Malti.


X'tip ta' Malta rrid li nħalli lin-neputi jew lin-neputija tiegħi?


Hekk kif ngħożżu d-djar tal­ġebel, ejjew ngħożżu din id-dar komuni tagħna… u ejjew nibdew billi ngħożżu lil din l-art ħelwa li tatna isimha.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 30 ta' Ġunju, 2015)

BACK
bottom of page