L-għażla tinsab f’idejna. Bil-vot tagħna nistgħu nġibu l-bidla.
Is-slogan li ġie magħżul għall-Baġit ta’ din is-sena huwa ‘Malta li rridu għal uliedna’. Filwaqt li l-baġit fih numru ta’ miżuri tajbin, imma żgur li dan il-baġit iħares lejn l-elezzjoni ġenerali. Fil-fatt, dan huwa l-aħħar baġit tal-Gvern għal din il-leġiżlatura. U proprju għaliex huwa l-aħħar baġit, dan ma jħarisx fit-tul imma jħares sad-data tal-elezzjoni ġenerali! Għaldaqsant, il-kumment tal-Partit Nazzjonalista li dan kien baġit għal lum biss huwa kumment ġust.
Imma żgur li l-akbar krititka hija li dan il-baġit huwa baġit mingħajr viżjoni u direzzjoni fit-tul. L-għan ta’ kull baġit mhuwiex biss li jagħti ċ-ċejċa u handouts biex jintogħġob, imma suppost li jagħti viżjoni ta’ kif ser jindirrizza numru ta’ problemi.
U hawn il-Gvern naqas bil-kbir. Naqas li jagħti direzzjoni fuq temi li huma ta’ importanza nazzjonali. Ħa nsemmi tliet eżempji, fost diversi, li ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ viżjoni u direzzjoni dwarhom.
L-akbar rata fl-Ewropa ta’ studenti li jispiċċaw l-iskola qabel iż-żmien
Malta għandha l-akbar rata fl-Ewropa ta’ studenti li jispiċċaw l-iskola qabel iż-żmien u illitterati, jiġifieri ma jafux jaqraw u jikbtu bil-lingwa Maltija! Ilkoll nafu, li mingħajr edukazzjoni soda, il-futur ta’ dawn l-istudenti huwa wieħed dubjuż għaliex il-prospettivi ta’ xogħol u xogħol ta’ kwalità ma jkunx jista’ jintlaħaq. Barra minn hekk, fl-aħħar stħarriġ li sar fost l-investituri, ħareġ ċar li hemm nuqqas kbir ta’ skills meħtieġa biex ċertu xogħlijiet isiru mill-Maltin!
L-esperjenza turina wkoll li studenti mingħajr edukazzjoni huma l-aktar f’riskju li jkollhom problemi soċjali. Dan ifisser aktar problemi soċjali fil-pajjiż. X’inhi l-viżjoni/direzzjoni tal-Gvern biex iwieġeb għal din l-isfida kbira? Kif ser jipprepara l-istudenti biex ikollhom skills/kapaċitajiet meħtieġa biex jaħdmu ċertu xogħlijiet ta’ ċertu kwalità? Kif ser jgħin li dawn iż-żgħażagħ? Kien ikun ferm aħjar li minflok li l-Gvern jitkellem fuq il-kannabis, jara li jkollna skejjel ta’ snajja li jiġbor lil dawn iż-żgħażagħ li forsi jkunu aktar komdi jsegwu dawn il-korsijiet! Barra minn hekk, din il-ħimgħa ħareġ stħarriġ ieħor li juri li ż-żgħażagħ li jiggradwaw qed jippreferu li jitilqu minn Malta għaliex ma jarawx li hawn futur! Dan ser iwassal għal defiċit akbar ta’ riżorsi umani! X’ser jagħmel il-Gvern biex iħeġġeġ lil dawn iż-żgħażagħ jibqgħu hawn? X’ser jagħmel biex dawn iż-żgħażagħ iħossuhom li għandhom futur f’Malta?
Problema ta’ obeżità
Il-problema ta’ obeżità mhux biss fl-adulti imma anke fit-tfal/żgħażagħ. Hawn ukoll Malta għandha l-akbar rata għolja fl-Ewropa. Ilkoll nafu li piż żejjed qed iwassal għal diversi mard u mwiet. Dan ifisser li mhux biss qed ikollna telf ta’ persuni imma l-Gvern irid iħallas għal diversi talbiet għal interventi mediċi! Il-problema ta’ obeżità ma ġġibx biss problemi ta’ saħħa imma anke problemi oħra soċjali. Wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti inċentivi biex tfal u zgħażagħ jixtru prodotti li huma aktar healthy milli fast food?
Ebda ħjiel kif il-Gvern ser iżomm l-investituri fostna Matul il-baġit ma kien hemm l-ebda ħjiel kif il-Gvern ser iżomm l-investituri fostna u kif ser jġib oħrajn biex jagħmlu tajjeb għal dawk li sejrin. Ilkoll nafu li minħabba l-greylisting – grazzi għall-Gvern ta’ Joseph Muscat, li Robert kien kunsulent prinċipali tiegħu – Malta ser tgħaddi minn problemi kbar ta’ nuqqas ta’ reputazzjoni tajba. Ilkoll nafu li għall-investituri, ir-reputazzjoni hija ċ-ċavetta biex jiġu f’pajjiżna. Kif sejjer il-Gvern iserraħilhom rashom li pajjiżna mhuwiex pajjiż tal-mafja? Kif sejjer jiġġieled il-korruzzjoni li bħal qarnita ħatfet lill-gvern u l-entitajiet kollha tiegħu? Billi jagħmel elezzjoni bikrija? Kif il-Gvern ser joħloq niċeċ ġodda ta’ investiment biex Malta ma tibqax tiddependi fuq setturi wieħed, fosthom dak tal-kostruzzjoni bla rażan? Fil-baġit ma kien hemm l-ebda road map li tant il-Gvern Laburista kien jiftaħar bihom!
Aktar problemi serji
Il-lista hija twila. Nista’ nsemmi li l-baġit naqas ukoll li jitkellem fuq il-problema serja tal-prekarjat, tal-klima, ir-reviżjoni ta’ pjani lokali, l-anzjani fil-komunità, iż-żieda tal-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni, ir-riforma tal-Qrati, il-bżonn li jkun hawn turiżmu ta’ kwalità, l-infurzar tal-liġijiet, in-nuqqas ta’ indafa fit-toroq u r-rwol tal-kunsilli lokali bħala ‘gvernijiet’ lokali!
Fl-aħħar nett, is-slogan tal-bagit nixtieq indawru f’mistoqsija: ‘Liema Malta rridu għal uliedna?’
Irridu Malta diżonesta, fejn kollox jgħaddi u kollox aċċettabbli?Irridu Malta korrotta, fejn bil-flus tagħmel triq fil-baħar?Irridu Malta ċappa konkos għaliex kull toqba li hawn spiċċat mibnija?
Irridu Malta għal uliedna lil hija egoista fejn il-liġi tal-ġungla tiġi l-ewwel?
Irridu Malta fejn numru ta’ bażużli u ħbieb tal-ħbieb jagħmlu li jridu u jieħdu li jridu minn fuq darna?
Jew inkella rridu Malta onesta, bieżla u ħawtiela, fejn uliedna jikbru fil-valuri li dejjem għamlulna ġieħ?
L-għażla tinsab f’idejna. Bil-vot tagħna nistgħu nġibu l-bidla.
NB: Għalina hemm biss €1.75 (0.25ċ kuljum) u għall-anzjani hemm €5 (li minnhom hemm €1.75 li ħa kulħadd, jiġifieri ħadu €3.25 aktar! Għalkemm aħjar mix-xejn, żgur li dan jis-tona mal-pagi ta’ ċertu ‘konsulenti’ u ‘ħbieb tal-ħbieb’!!
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 24 ta' Ottubru, 2021)