top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Malta misruqa ħajja?

Niftakru li l-Partit Nazzjonalista bena ’l-Malta moderna wara l-Indipedenza, reġa’ bena d-demokrazija wara l-istraġi li ħalla s-soċjaliżmu ta’ Mintoff u bena l-Malta Ewropea bid-dħul tagħna fl-Ewropa. Ejjew għalhekk mill-ġdid biex flimkien naħdmu biex neħilsu lil Malta mill-briganti li serquha ħajja!


Credit: Shutterstock.com

Kien l-24 ta’ Awwissu 410 AD. Data storika għal belt ta’ Ruma li sfat misruqa u mfarrka kollha mill-Visigoti. Dawn il-barbari serqu u farku kulma sabu quddiem għajnejhom. Il-Belt eterna spiċċat fir-rovina totali.


Għalkemm din hija storja li seħħet sekli ilu, l-istorja għandha ħabta li tirripeti lilha nnifisha taħt diversi forom. Din id-darba mhux Ruma li ġiet misruqa. Din id-darba hija Malta li tinsab misruqa ħajja. U din id-darba ma kinux il-Visigoti li għamlu ħerba!


It-triq biex Malta tinsteraq ħajja!


Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed joħroġ ċar li l-famuża ‘roadmap’ li Joseph Muscat u l-klikka tiegħu kellhom ma kienet xejn ħlief triq biex Malta tinsteraq ħajja!


Is-sentenza li ħarġet mill-Qorti Maltija mill-kawża minn Adrian Delia fuq it-tliet sptarijiet hija biss waħda mill-katina ta’ eżempji li jikkonferma dan. L-Imħallef kien ċar daqs il-kristal. Kemm qabel ma ngħataw dawn l-istparijiet, kemm matul il-proċess tal-għażla, kif ukoll matul iż-żmien tal-konċessjoni kien hemm atti frawdolenti, jiġifieri ta’ qerq u serq.


U f’dan is-serq kollu ma kienx hemm biss Stewards jew il-Vitals fin-nofs. Warajhom kien hemm Keith Schembri, Chris Cardona, Konrard Mizzi, Joseph Muscat u Robert Abela. Barra dawn l-infami, il-membri kollha tal-kabinett Laburista huma wkoll kompliċi għaliex matul is-snin komplew mhux biss jaqbżu għalihom u jgħattulhom, imma komplew jagħtuhom il-miljuni. Bl-appoġġ tagħhom komplew jinsterqu il-miljuni minn ħalq il-poplu Malti. Kemm affarijiet setgħu jsiru b’dawn il-flus misrqua. Kemm anzjani u familji fil-bżonn setgħu jkunu megħjuna? Kemm persuni morda bil-kanċer setgħu jirċievu t-trattatment mingħajr ma joqgħodu jittalbu?


Filwaqt li ma għandi l-ebda problema nistqarr li l-Gvern Laburista matul dawn 10 snin wettaq ħwejjeġ tajbin, IMMA din is-serqa tkompli tikxef li l-Partit Laburista sar magħmul u mmexxi minn briganti li daħlu fil-politika mhux biex iservu l-ġid komuni imma biex jisservew bil-poter ħalli jitħanżru u jiffangaw huma u dawk ta’ madwarhom! Kemm ħsara saret mhux biss lil Malta onesta, imma lill-klassi politika kollha! Komplew ħamġu l-isem tal-politika.


Matul dawn l-10 snin ma smajniex każ wieħed jew tnejn ta’ korruzzjoni u abbuzi mill-fondi pubbliċi. Dan huwa każ wieħed minn fost sensiela sħiħa. Li kieku dan kien każ wieħed, wieħed seta’ jgħid li dan kien l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Għaliex nemmen fl-onestà, nistqarr li kien hemm ġrajjiet ta’ abbużi anke f’amministrazzjoni Nazzjonalista IMMA qatt daqs illum m’għandha dawn l-istejjer. Ma tgħaddix ġimgħa li ma nisimgħux b’korruzzjoni. Ironikament, każ wieħed, inessi każ ieħor. Nistgħu nagħmlu lista sħiħa mill-każ ta’ Cafè Premier sal-famuż vapur tal-power station tal-gass li jaħdem biss fil-bnazzi!


Mhux hekk biss. Dawn l-istejjer ta’ korruzzjoni mhumiex biss ġejjin minn xi individwi li jabbużaw mis-sistema imma dan is-serq sar u qed issir b’mod sistematiku u maħdum bizzilla mill-Ministri stess! Dan ifisser li l-korruzzjoni/serq sar istituzzjonali. Verament, li l-ħuta minn rasha tintenn! Dan ifisser li dawk li ġew fdati b’tant appoġġ, spiċċaw jaħdmu mhux biss minn wara dar il-poplu imma saħansitra f’wiċċu stess biex jisirquh ħaj! U xi wħud għadhom iċapċpulu!


Imma biex waslu għal dan is-serq kollu, l-ewwel żarmaw jew ħatfu l-istituzzjonijiet li suppost jaraw li dan ma jseħħx. Il-pulizija, l-Avukat Ġenerali, l-Ombudsman, ix-xandir pubbliku, l-entitajiet governattivi bħal l-Awtorità tal-Ipjannar u oħrajn, ilkoll spiċċaw bħal kelb jimbaħ imma ma jigdimx!


Imma l-akbar serqa li saret f’Malta hija li serqu l-ġewwieni tal-Partit Laburista stess! Għalkemm ma nħaddanx l-istess twemmin, napprezza l-valuri tal-Partit Laburista. Il-valuri tiegħu suppost huma li jkun vuċi tal-lemin, tal-ħaddiema u tal-persuni vulnerabbli. Fil-verità, fil-kilba għal poter wara 23 sena fl-oppożizzjoni, il-PL spiċċa maħtuf minn numru ta’ persuni. Minn partit tal-ħaddiem spiċċa partit kapitalista li jħares l-interessi ta’ nies kriminali u negozjanti sangwisugi. Numru ta’ Laburisti ġenwini stess qed jistqaru li l-Partit Laburista spiċċa club ta’ ‘champagne socialists’.


Il-PN dejjem daħal wara l-istraġi ta’ ħaddieħor


Għalkemm il-Partit Nazzjonalista għadda jew għaddej minn żminijiet diffiċili, nistieden lil KULĦADD jifhem li dak li jgħaqqadna huwa ferm akbar minn dak li jista’ jifridna. Flimkien aħna aktar b’saħħitna. Bħala Partit Nazzjonlista dejjem konna kburin bil-valuri tagħna, bħalma huma l-valuri tas-solidajretà, l-onestà, l-ġustizzja, il-bżulija tax-xogħol, l-importanza tal-edukazzjoni, l-investiment fis-saħħa, fl-ekonomija u l-governanza tajba.


L-istorja tgħallimna li meta r-Rumani nsterqu, poġġew moħħhom hemm u reġgħu bnew lil Ruma mill-ġdid.


Aħna hekk iridu nagħmlu. L-esperjenza turina li l-PN dejjem daħa wara l-straġi ta’ ħaddieħor. Niftakru li l-Partit Nazzjonalista bena ’l-Malta moderna wara l-Indipendenza, reġa’ bena d-demokrazija wara l-istraġi li ħalla s-soċjaliżmu ta’ Mintoff u bena l-Malta Ewropea bid-dħul tagħna fl-Ewropa.


Ejjew għalhekk mill-ġdid biex flimkien naħdmu biex neħilsu lil Malta mill-briganti li serquha ħajja!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 5 ta' Marzu, 2023)

58 views

Comentarios


BACK
bottom of page