Mhux kull ma jleqq
- manuelschembri
- 3 days ago
- 3 min read
Ir-realtà turi li f’pajjiżna ma hawnx transparenza, meritokrazija, akkontabbiltà u mgħarrqa fil-korruzzjoni! L-aħħar rapport tal-World Corruption Index ipoġġina kwazi fl-aħħar post!

Mhux kull ma jleqq huwa deheb. Din hija espressjoni Maltija.
Din l-espressjoni tfisser li mhux dak kollu li jidher sabiħ u jleqq minn barra, huwa hekk fir-realtà. L-esperjenza mhux l-ewwel darba turina li hemm differenza bejn dak li jidher u bejn dak li huwa reali.
Dan jista’ jgħodd ħafna għall-Gvern Laburista.
Għalkemm jidher li huwa Gvern li jispira ruħu minn valuri u politika soċjalista/lemin, fir-realtà l-Partit Laburista sar aktar partit kapitalist u xellugi f’diversi temi, bħal pereżempju fuq it-temi tal-kostruzzjoni, negozju, immigrazzjoni, governanza, faqar u temi oħrajn. Illum il-Partit Laburista sar kollox għajr Partit Laburista! Fir-realtà juża lil ħaddiem u lill-persuni vulnerabbli biex tal-qalba jkomplu jitħanżru u jiffangaw. Il-lista hija twila li tikkonferma dan.
Ilkoll niftakru wkoll diversi slogans u kliem sabiħ bħalma huwa: trasparenza, meritokrazija, akkontabbiltà u tolleranza zero għall-korruzzjoni. Kull min juża moħħu u ma jitmexxiex minn imnieħru jaf sew li dawn kienu/huma kliem fieragħ u bogħod mill-verità. Ir-realtà turi li f’pajjiżna ma hawnx transparenza, meritokrazija, akkontabbiltà u mgħarrqa fil-korruzzjoni! L-aħħar rapport tal-World Corruption Index ipoġġina kwazi fl-aħħar post!
Diversi drabi, il-Gvern Laburista jagħti l-impressjoni li Malta miexja fuq ir-rubini, li kollox huwa sejjer tajjeb u kulħadd huwa sinjur żgħir. Għalkemm ma għandi l-ebda problema nistqarr li hemm numru ta’ persuni u anke setturi li sejrin tajbin (ironikament, setturi li ġew imdaħħla mill-PN fil-Gvern bħalma huma igaming u servizzi finanzjarji), IMMA ir-realtà hija xi ftit differenti.
Irridu nkunu onesti biżżejjed li filwaqt li nagħrfu li l-ekonomija u xi ċertu setturi sejrin tajbin, hemm ukoll persuni li ‘l hinn minn dan qegħdin ibatu u għandu nuqqas ta’ kwalità ta’ ħajja.
Dan ħareġ ċar minn studju riċenti, ‘Beyond Measurement: Insights for Wellbeing Policy in Malta’. Dan id-dokument kien maħruġ mill-Fondazzjoni Well-being bl-għajnuna ta’ NSO u l-Università ta’ Malta. F’dan ir-rapport filwaqt li jinnota li hemm ekonomija jew aħjar GDP li huwa b’saħħtu, jsib li:
Hawn 8,079 minn ċittadini tagħna li jaqilgħu inqas minn 10,000 euro fis-sena;
Hawn 40,900 li jinsabu fil-faqar materjali;
19,015 ċittadin Malti li jinsab marid jew inkella ma jħossux tajjeb;
42,069 ċittadini li jgħixu fid-djar mudlama, bl-umdu jew b’saqaf iqattar;
143,784 ċittadin Malti li qegħdin jgħixu fi storbju kontinwu; u
8,323 persuni li jħossuhom fi stat ta’ miżerja b’mod emozzjonali.
Bħala politiku huwa fir-responsabbiltà tiegħi li nitkellem fuq din Malta u fuq dawn il-Maltin!
Bħala politiku wkoll irid ikolli l-kuraġġ li filwaqt li ngħid ‘prosit’ lill-Gvern tal-ħidma tiegħu imma ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal din ir-realtà! Wara kull ċifra, m’hemmx biss numru imma persuna/familji tad-demm u l-laħam li qegħdin ibatu.
Dan ifisser li rridu nsibu riga aktar wiesgħa biex inkejlu l-ġid u l-progress tal-pajjiż biex verament tkun stampa vera u ġusta!
Għal diversi snin, ir-riga li ntużat biex tkejjel il-progress nazzjonali kienet riga ta’ GDP – GROSS DOMESTIC PRODUCT. Il-ħsieb huwa li aktar ma l-pajjiż ikollu ġid, aktar ikun hemm flus fil-but taċ-ċittadini.
Filwaqt li l-GDP hija riga li għandha tibqa’ tintuża, nemmen li rridu nagħmlu pass ieħor u nintebħu li hemm rigi oħra ta’ kif wieħed ikejjel il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini. Nieħu gost ninnota li dan l-aħħar il-Gvern se jkun qiegħed juża rigi oħrajn biex ikejjel il-ġid fil-pajjiż.
Għalkemm il-flus huma importanti u neċessarji biex joffru livell aħjar ta’ għajxien IMMA mhumiex kollox. Forsi għal soċjetà materjalista, li aktar ma għandha aktar trid, din forsi tinstema’ stramba.
Imma x’jiswa li jkolli l-ġid kollu tad-dinja mbagħad imdejjaq bija nnifsi? X’jiswa li għandi l-flus imma ma għandix min iħobbni u jaċċettani kif jien? X’jiswa li għandi karozza lussuża imma mwaħħal siegħa fit-traffiku? X’jiswa li għandi l-liġijiet kollha imma xorta hawn min qed jissawwat jew jiġi diskriminat? X’jiswa li għandi xogħol imma ma għandix job satisfaction? Fil-qosor: X’jiswa li l-pajjiż għandu GDP tajjeb imma mbagħad huwa mifrud, nervuż u mingħajr valuri?
Għalhekk irridu mmoru ‘l hinn mir-riga ta’ GDP u naraw fatturi/indikaturi oħra bħalma huma SDGs – SUSTAINABLE DEVELOPMENT GOALS. X’inhuma dawn?
Dawn huma indikaturi li juru l-well being tal-persuna, jiġifieri mhux biss jittieħed l-aspett finanzjarju imma anke l-fattur tas-saħħa tal-persuna, il-kuntentizza, l-edukazzjoni r-relazzjonijiet mal-familja/ħbieb, il-work life balance u l-ambjent fost oħrajn.
Fil-qosor: naraw il-ġid tal-persuna/well being tal-persuna b’mod olistiku.
Konklużjoni
Filwaqt li l-GDP huwa riga tajba u li għandha tibqa’ tintuża imma nkunu diżonesti li nużaw biss din ir-riga biex naraw il-progress ta’ nazzjon. Il-GDP waħdu jagħtina stampa li kollox ileqq imma fir-realtà din mhix l-istorja għal diversi persuni!
Hija r-responsabbiltà tal-klassi politika li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura!
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq newsbook.com.mt – 14 t' April, 2025)