top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Mintoff mill-ġdid f'Kastilja

Il-monument inkixef minn gvern Laburista li tbiegħed kompletament mill-għeruq tal-istess ħsieb Soċjalista li Mintoff kien tant akkanit għalih.



F’dawn l-aħħar ġranet inkixef monument f’ġieħ il-Perit Duminku Mintoff. It-tifel tiegħi staqsieni min kien Mintoff! Nistqarr li bqajt mingħajr kliem.

“Possibbli ma tafx min kien Mintoff? Mintoff kien PrimMinistru ta’ Malta għal diversi snin,” weġibt. Il-mistoqsija tat-tifel u r-risposta tiegħi juru ċar li ż-żmien ma jistenna lil ħadd.

Għalmin għandu l-età tiegħi, Mintoff kien figura politika ewlenija fil-mixja demokratika ta’ pajjiżna. Hemm min kien iqisu s-‘salvatur’ u min kien jarah bħala x-xitan. Għall-età ta’ ibni, Mintoff huwa biss monument ġdid fil-pjazza f’Kastilja!

Bil-kxif ta’ dan il-monument, Mintoff daħal jagħmel parti mill-istorja politika ta’ pajjiżna. L-istorja li tissupera lil kull bniedem u tpoġġih fuq il-paġni tagħha. Lil hinn mill-emozzjonijiet partiġjani, jagħmlu tajjeb li ngħarblu sew il-kontribut, fit-tajjeb u fil-ħażin, ta’ Mintoff.

Ħalla impatt fuq il-politika, il-kultura u l-mentalità Maltija

Naħseb li llum hemm qbil bejn kulħadd li għalkemm Mintoff kien persuna li wieħed seta’ jħobbha jew jobgħodha, żgur li kien persunaġġ li ħalla impatt kbir mhux biss fuq il-politika Maltija imma fuq il-kultura u l-mentalità Maltija. Mintoff kien wieħed mill-ġganti tal-politika Maltija. Malta mingħajr Mintoff mhix Malta tal-lum.

Mintoff kien ispirat mill-ħsieb Soċjalista. Il-ħsieb Soċjalista huwa ħsieb li jpoġġi lill-istat fiċ-ċentru ta’ kollox. Kollox jiddependi mill-istat. Huwa l-bidu u t-tmien. Skont is-Soċjaliżmu, l-istat għandu jkollu subgħajh f’kull borma tal-pajjiż. Il-ħsieb Soċjalista jibni l-ħsieb tiegħu fuq il-ġustizzja soċjali fejn kulħadd għandu jkun meqjus bl-istess drittijiet u dmirijiet. Is-Soċjaliżmu jispira ruħu wkoll mit-tagħlim Nisrani u minn tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika. Ironikament, l-Arċisqof Gonzi (ġgant ieħor fil-politika Maltija) kien wieħed mill-fundaturi tal-istess Partit Laburista. Mintoff kien iħobb lill-batut u lil dawk l-imwarrbin tas-soċjetà. Dan forsi minħabba li għex it-traġedja tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-ħerba li din ħalliet warajha. Kien ukoll iħobb lil Malta u l-għajta tiegħu kienet dejjem “Malta l-ewwel u qabel kollox”. Għalkemm kien hemm żmien meta kien jaqbel li nsiru parti mill-Ingilterra. Huwa f’dan il-kuntest li Mintoff wettaq riformi u servizzi soċjali waqt li ħadem qatigħ biex jara li Malta tkun pajjiż newtrali. Jum il-Ħelsien huwa l-akbar ġrajja għalih bħalma d-dħul tagħna fl-Ewropa huwa l-akbar ġrajja għal Eddie Fenech Adami.

Il-metodu kif jagħmel il-politika ma kienx tajjeb

Imma għalkemm il-ħsieb u forsi anke l-intenzjoni ta’ Mintoff kienu tajbin, żgur li l-metodu kif jagħmel il-politika ma kienx tajjeb. Spiċċa biex weġġa’ lil ħafna nies. Ħafna nies għexu mumenti ta’ inkubu. Dan għaliex Mintoff kien persuna aggressiva għall-aħħar u kien dawwar lilu nnifsu b’persuni aggressivi bħalu. Mintoff kien jemmen li jekk wieħed ikun aggressiv u ġellied, jieħu dak li jrid. Hekk ipprova jagħmel mal-Ingliżi, mat-tobba, ma’ negozjanti, mal-għalliema, mal-banek privati, mal-Knisja Kattolika, mal-Partit Nazzjonalista u ma’ diversi oħrajn li ma qablux miegħu. Kellu l-mentalità

ta’ ‘might is right ’ – jekk għandi s-saħħa, għandi raġun.

Dan wassal għal diversi atti ta’ aggressività u vjolenza. Is-snin tmenin ma kinux ta’ ġieħ għalih u għall-Partit Laburista. Min għandu l-età tiegħi (53 sena) jiftakar sew dawn il-ġrajjiet ta’ vjolenza, tgħajjir, ġlied u tensjoni fil-pajjiż. Wieħed jiftakar il-biża’ u t-theddid li kienu ħaġa ta’ kuljum. Wieħed jiftakar ukoll kemm l-ekonomija kienet waħda magħluqa.

Għaldaqstant nemmen li filwaqt li nagħmlu tajjeb li nfakkru lil Mintoff għal diversi ħidmiet siewja li wettaq, nemmen li jkun żball jekk nippruvaw niktbu l-istorja bħalma forsi qiegħed jipprova jagħmel il-Partit Laburista.

Il-verità hija li Mintoff ma għandux jibqa’ jiġi mfakkar biss għas-servizzi soċjali jew għall-Air Malta imma anke għal mijiet ta’ requisition orders fuq propretajiet privati, għall-iskandlu tal-Bical, ilvjolenza fiżika u psikoloġika fuq diversi ħaddiema u professjonisti, ekonomija magħluqa, vendikazzjonijiet, transfers, u nuqqas ta’ demokrazija u libertà ħielsa.

Malta kienet tassew viċin l-irdum tad-dittatura.

Malta kienet tassew viċin l-irdum tad-dittatura. Għalkemm ma nistgħux nibqgħu ngħixu fil-passat, min jinsa l-passat għandu rriskju li jirrepetih!

L-ironija tal-ħajja hija li dan il-monument inkixef minn gvern Laburista li tbiegħed kompletament mill-għeruq tal-istess ħsieb Soċjalista l Mintoff kien tant akkanit għalih!

Illum il-ġurnata, il-Partit Laburista ma baqax il-vuċi politika ta’ ħsieb Xellugi. Il-Partit Laburista tneżża’ għal kollox minn dan il-ħsieb u sar partit neoliberali u kapitalista fejn kollox huwa bbażat fuq il-kummerċ ħieles u mingħajr etika. Il-Partit Laburista Malti taħt ittmexxija ta’ Joseph Muscat sar partit fejn il-flus huma l-valur aħħari.

L-unika ħaġa li għad hemm xebh mal-Partit Laburista ta’ żmien Mintoff hija l-fatt li l-Gvern ta’ Malta sar donnu każin Laburista!

Filwaqt li nispera li Mintoff ħa gost li l-Partit Laburista, li kien għajru traditur, issa għamillu monument, żgur li Mintoff ma jaqbel xejn ma’ diversi deċiżjonijiet li wettaq Joseph Muscat.

Kif jista’ Mintoff jaqbel mal-bejgħ taċ-ċittadinanza meta kien tant iħambaq fuq Malta l-ewwel u qabel kollox? Kif jista’Mintoff jaqbel mal-bejgħ ta’ entitajiet pubbliċi lill-privat meta kien huwa li ħadem biex l-istat ikun kollox f’kollox? Kif jista’ Mintoff jaqbel ma’ Joseph meta l-‘barunijiet’ li tant Mintoff kien jiġġieled magħhom spiċċaw issa ‘l-ħbieb tal-qalb’ ta’ Joseph? Kif jista’ Mintoff jaqbel ma’ Joseph meta lill-batut u l-fqir il-Gvern Laburista preżenti jagħtihom biss il-loqom waqt li ċerti negozjanti qegħdin jiffangaw?

Mintoff ma jistax jaqbel.

Anke mal-istess monument Mintoff kieku ma jaqbilx! Dan mhux għaliex Mintoff fin-natura tiegħu li ma jaqbel ma’ xejn, imma għaliex Mintoff rari ħafna kien ikun liebes il-glekk u l-ingravata!

Għall-kuntrarju, huwa kien jagħmilha ċara lima jilbisx il-glekk u l-ingravata għax irid ikun bħall-ħaddiema u l-batut. Mintoff kien dejjem bil-qmis miftuħa u b’bokkla kbira maċ-ċintorin tiegħu.

Żball storiku jekk nippruvaw ngħawġu l-ġrajjiet storiċi

Filwaqt li nagħmlu tajjeb li bħala pajjiż infakkru l-politiċi tagħna għall-kontribut tagħhom, ikun żball storiku jekk nippruvaw ngħawġu l-ġrajjiet storiċi biex jaqblu magħna.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 10 ta' Ġunju, 2018)

4 views

Comments


BACK
bottom of page