top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Miskin min ikażbarni

Il-kotra miġbura kellha wkoll għajta waħda: irridu ngħixu f'pajjiż nadif. Irridu ngħixu f'pajjiż normali.



“Miskin min ikażbarni. Miskin min jidħaq bija.” Hekk kiteb Rużar Briffa fil-poeżija tiegħu meta l-Maltin qamu kontra l-ħakkiem barrani. Hekk stqarr ukoll Simon Busuttil nhar il-Ħadd meta l-poplu mill-ġdid semma’ leħnu b’eluf miġbura fil-Belt Valletta.

Wara kważi erba’ snin biss ta’ Gvern Laburista, li tela’ bil-wegħda ta’ politika nadifa u ġdida, il-poplu kellu jerġa’ joħroġ isemma’ leħnu. Il-poplu jinsab diżappuntat li ġie mqarraq. Il-poplu jħoss li Joseph Muscat daħaq bih. Għalhekk il-poplu huwa rrabjat. Deher ċar li l-poplu miġbur huwa mdejjaq bis-sensiela sħiħa ta’ skandli. Il-poplu qiegħed jifhemli jekk dawn l-iskandli jispiċċaw isiru qishom mhuma xejn, allura ‘ruħ’ pajjiżna se tispiċċa. Għaldaqstant, il-poplu mhuwiex kuntent bil-mod li bih qiegħed imexxi dan il-Gvern. Il-kotra miġbura kellha wkoll għajta waħda: irridu ngħixu f’pajjiż nadif. Irridu ngħixu f’pajjiż normali.

Il-maġġoranza taċ-ċittadini huma onesti. Jaqilgħu l-ħobża tagħhom bl-għaraq ta’ ġbinhom, iħallsu t-taxxi, iħobbu lil pajjiżhom u jixtiequ l-ġid lil din “l-art li tatna isimha”. Il-kotra fehmet li l-korruzzjoni hija theddida għall-istess demokrazija tagħna. Jekk xi ħadd m’għandu ebda skruplu li jwettaq korruzzjoni, mhu se jkollu ebda skruplu biex jibqa’ jiffanga u jiggranfa mas-siġġu tal-poter. Min għandu d-dell tal-korruzzjoni fuqu, ma jistax imexxi bis-serenità meħtieġa.

Wara kważi erba’ snin ta’ tmexxija Laburista u wara sensiela sħiħa ta’ stejjer ta’ korruzzjoni u skandli li ma jispiċċawx, il-kotra Maltija ma tridx tgħix f’soċjetà diżonesta u maħmuġa. Ma tixtieqx li wliedha jikbru f’soċjetà fejn xejn mhu xejn, u li kollox jgħaddi. Ma riditx li hi u wliedha jgħixu f’soċjetà fejn il-korruzzjoni hija n-norma tal-ħajja u mhux l-eċċezzjoni.

Il-kotra miġbura wasslet messaġġ ċar li mhix se tittollera aktar lil min jinqeda biha biex jiffanga u jsir sinjur minn fuq daharha. Hija tal-mistħija li jkollok persuna bħala Ministru (mingħajr portafoll) u dak li jmexxi l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li jkollhom kumpaniji u kontijiet fil-Panama, magħrufa aħjar bħala l-ġenna ta’ min irid jevita t-taxxa u jaħsel flusu li ġew minn attività kriminali jew illegali. Mhux hekk biss, hija insult kbir lejn l-intelliġenza ta’ kull min juża moħħu li tisma’ lil Konrad Mizzi jgħid li din l-istorja kollha dwaru hija biss ‘fake news ’. Hija diżonestà kbira li tisma’ lil Konrad jgħid li wara sena li faqqgħet din l-istorja, issa donnu jiddispjaċih li fetaħ dawn il-kontijiet! B’min irid jgħaddi ż-żmien? Ilkoll ċerti li kieku ma nqabadx fil-beraħ b’dak li għamel, kieku llum għadu għaddej b’dawn il-kontijiet!

Hija tal-mistħija li, filwaqt li seħibhom, il-Ministru tal-Finanzi qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jara li ebda Malti ma jevita t-taxxi u, saħansitra, iħarrek lil min evita t-taxxi, dawn is-sinjuri jippjanaw li, fis-sigriet u fil-ħemda, jiftħu kontijiet u kumpaniji, wara ftit ġranet biss li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Hija tal-mistħija li filwaqt li l-Gvern jiġri wara dawk li jabbużaw mis-servizzi soċjali, mingħajr lanqas jagħti kas, forsi tal-vulnerabbiltà tagħhom; li waqt li l-pensjonanti jippruvaw jaraw kif se jwasslu sal-aħħar tax-xahar; jew li waqt li persuni morda bil-kanċer jittallbu għand il-President biex tgħinhom biex ikollhom il-kura meħtieġa, il-Ministru u martu jkomplu jiffangaw mingħajr mistħija ta’ xejn.

Qabel l-elezzjoni Konrad kellu ħabta jesprimi l-espressjoni “shame on you”. Issa, din l-espressjoni toqgħod perfettament għalih. Ħasra lima għandux żejt f’wiċċu biex jistħi. Ma jridx ikollok żejt f’wiċċek biex tibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħek qisuma ġara xejn. Irid verament ikollu wiċċu maħmuġ biex jiftaħar li huwa l-asset għall-Gvern Laburista u li anke se jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni ġenerali li jmiss! Kieku dan jiġri f’pajjiż normali, kieku wieħed lanqas joħroġ mill-bieb ’il barra bil-mistħija!

Dan il-Gvern Laburista ma baqagħlu l-ebda mistħija ta’ xejn.

Id-diskors ta’ Simon jikxef persuna determinata, li qed tikber f’mexxej onest li jista’ jagħtina verament il-bidla li wiegħed il-Partit Laburista imma li m’għamilhiex. Simon Busuttil tkellem ċar li huwa jemmen fl-onestà politika. Tkellem ċar li ma jistax ikun li ngħixu f’soċjetà fejn il-ħażin qiegħed jissejjaħ tajjeb, u l-kontra. Simon Busuttil tkellem bil-qalb u b’passjoni ta’ persuna li tista’ terġa’ trodd l-unur lil dan il-pajjiż.

Kif Simon Busuttil ħadem qatigħ biex Malta tingħaqad mal-UE, issa huwa l-mexxej li jrid jgħolli l-livell tad-demokrazija f’pajjiżna. Bħala mexxej ta’ partit u ta’ gvern futur, mhu se jittollera ebda korruzzjoni, u dan diġà wrieh bil-fatt, fi ħdan il-partit tiegħu stess. L-iżbalji tal-passat għandhom ikunu tagħlima għalina lkoll. Rebħa tal-PN mhix daqstant rebħa ta’ partit imma rebħa għal Malta onestà.

Għaldaqstant, ejjew naħdmu lkoll flimkien. Ejjew ninsew dawk id-differenzi li forsi jista’ jkollna bejnietna. Ejjew ma narawx sal-ponta ta’ mneħirna. Ejjew infittxu l-għaqda ta’ bejnietna u nibqgħu ffukati fuq il-kwistjonijiet veri f’dan il-pajjiż. Hija fl-għaqda ta’ bejnietna li nistgħu nroddu l-onestà lil Malta tagħna.

Nhar il-Ħadd, il-kotra qamet u għajtet: “Miskin min ikażbarni, miskin min jidħaq bija!”


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 26 ta' Frar, 2017)

13 views

Comments


BACK
bottom of page