top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Mixja ta' 125 sena f'San Ġiljan

Il-parroċċa mhix il-kappillan. Lanqas ma hi l-knisja tal-ġebel. Wisq inqas huma l-gandlieri jew l-istatwa artistika. Għalkemm huma sbieħ u tajbin imma neħtieġu mmorru lil hinn.



Matul din il-ġimgħa, il-lokalità ta’ San Ġiljan qed tiċċelebra l-festa. Din il-lokalità hi l-unika lokalità li tieħu l-isem propju mill-qaddis patrun tal-parroċċa. Fl-imgħoddi din il-lokalità kienet tissejjaħ Qaliet Ġnien il-Fieres. Kienet il-qima u d-devozzjoni lejn dan il-qaddis li wasslet biex din il-lokalità tieħu l-isem ta’ San Ġiljan.

F’din is-sena l-parroċċa ta’ San Ġiljan qed tagħmel ukoll ċelebrazzjoni ta’ 125 sena minn meta din saret parroċċa.


Għalkemm fis-sena 1854, madwar 600 residenti li kienu jgħixu hawn resqu t-talba tagħhom biex San Ġiljan issir parroċċa, kien propju fis-sena 1891 li din it-talba ġiet milqugħa. Dun Ġużepp Scerri kien l-ewwel kappillan. Preżentament, il-kappillan hu Dun Claude Portelli.

Matul dawn 125 sena, San Ġiljan ra bidla kbira. Ma għadux San Ġiljan kif kien fil-bidu. Minn villaġġ tas-sajjieda, San Ġiljan illum hu ċentru turistiku. Minn post kwiet, San Ġiljan illum hu ċentru kummerċjali. Minn residenti li ħafna minnhom kienu sajjieda, San Ġiljan illum hu ċentru kosmopolitan, fejn jgħixu nies minn kull razza, kultura, stili ta’ ħajja u twemmin. Minn komunità ta’ madwar 600 ruħ, San Ġiljan illum hawn aktar minn 10,000 residenti.

Minn kull rokna ta’ Malta u minn bosta pajjiżi

Wieħed irid iżid ukoll numru ta’ persuni membri fil-Komunità Ewropea u oħrajn. Minn Ġiljaniżi li twieldu, iżżewġu u mietu f’San Ġiljan, illum hawn residenti ġejjin minn kull rokna ta’ Malta u minn diversi pajjiżi oħrajn. Minn lokalità fejn il-bini kien wieħed modest, San Ġiljan illum sar mibni b’diversi appartmenti ta’ ċerta livell. Issa, qed jiġi propost ukoll li jkollna diversi bini għoli, saħansitra sa 40 sular! Jekk iseħħ dan, San Ġiljan se jkompli jinbidel!

Għalkemm matul din is-sena saru diversi ċelebrazzjonijiet biex titfakkar din id-data storika, fosthom esibizzjoni fuq l-istorja u l-ħwejjeġ sagri matul is-snin u pellegrinaġġ bl-istatwa artistika, tajjeb li nistaqsu liema huma l-valuri li nixtiequ li jmexxu għas-snin li ġejjin din il-parroċċa?

F’socjetà li aktar ma tmur qed titlef is-sens ta’ valuri u ma tafx fejn sejra, ma jistax ikun li jkollna parroċċa li titlef ukoll is-sens ta’ direzzjoni u l-valuri li jħaddnuha. Il-parroċċa mhix il-kappillan. Lanqas ma hi l-knisja tal-ġebel. Wisq inqas huma l-gandlieri jew l-istatwa artistika. Għalkemm huma sbieħ u tajbin imma neħtieġu mmorru lil hinn. Il-parroċċa hi magħmula minn dawk kollha li jħaddnu l-valuri ta’ Ġesù u jixtiequ jgħixu din l-esperjenza f’komunità ta’ fidi flimkien.

Sekulariżmu qawwi

Nistqarr li mhix faċli li tgħix bil-valuri ta’ Ġesù. Qatt ma kienet! Għall-Insara f’San Ġiljan din l-isfida mhux faċli għax diversi drabi l-valuri tal-fidi, tal-kummerċ u d-divertiment sfrenat mhux dejjem imorru id f’id ma’ xulxin. Filwaqt li l-komunità Nisranija kollha f’Malta llum għandha sfida kbira għax tgħix f’soċjetà sekulari, il-komunità Nisranija f’San Ġiljan tinsab tgħix mhux biss f’sekuraliżmu qawwi u li xi drabi anki hu wieħed aggressiv imma tinsab fil-minoranza! Għalkemm fuq ir-reġistru dan mhux il-każ, fir-realtà dan hu!

Għalkemm din hi sfida kbira, imma l-ħajja ta’ San Ġiljan stesstagħtina d-direzzjoni li għandna nieħdu. San Ġiljan kien ospitalier, jiġifieri raġel li ħadem biex jilqa’ u jdur b’dawk li kienu batuti u vulnerabbli. Matul il-ħajja tiegħu hu mhux biss tgħallem mill-iżbalji tiegħu imma ħadem qattigħ biex jgħix il-kliem ta’Ġesù: ‘kulma tagħmlu ma’ kull wieħed minn dawn iż-żgħar, tagħmluh miegħi’.

San Ġiljan għażel li jkun il-wiċċ uman tal-ħniena u l-karità ta’ Alla. Nemmen li din hi l-isfida tagħna f’San Ġiljan. Irridu naħdmu biex inkunu l-wiċċ ta’ ħniena u tal-karità ta’ Alla ma’ dawk kollha li jinsabu fostna. L-Insara Ġiljaniżi huma mistiedna jilqgħu lil kulħadd, b’mod partikulari lil dawk li huma vulnerabbli. Minn dan jagħrfuna li aħna dixxipli ta’ Ġesù. Din għandha tkun il-marka tagħna.

Għaldaqstant, għalkemm imdawrin minn sekulariżmu aggressiv, għandna nkomplu nkunu ‘melħ u d-dawl’ għall-oħrajn. Irridu naħdmu aktar biex nilqgħu fostna lil dawk li huma differenti minnha, mhux biss barranin imma anki Maltin li jħossuhom ’il bogħod mill-valuri tal-Vanġelu.

Għaldaqstant nemmen f’parroċċa li trid toffri l-id ta’ ħbiberija lil kulħadd. Parroċċa li tkun punt ta’ riferiment għal min hu batut, hu min hu u ġej minn fejn ġej. Il-parroċċa trid toħloq inizjattivi biex toħroġ mis-‘sigurtà tas-sagristrija’ u tfittex ‘innagħġa l-mitlufa’ aktar milli tinstenna li din tiġi lura!

Nemmen f’parroċċa ħajja li mhux biss taħdem ma’ dawk li huma viċin imma li tkun kuraġġuża u titkellem fuq temi attwali bħalma hu l-isfreġju ambjentali, in-nuqqas ta’ ordni pubblika, l-isfruttament tal-ħaddiema li jaħdmu fil-catering, il-privatizzazzjoni tal-ispazji pubbliċi, il-problema tad-droga u tal-alkoħol, il-prostutizzjoni, ħidma mal-komunità Musulumana, il-problema ta’ razziżmu, is-solitudni tal-anzjani u pastorali fost iż-żgħazagħ u l-barranin. Il-parroċċa jeħtieġ tkun oasi ta’ mħabba, integrazzjoni u karità.

Kienet deċiżjoni għaqlija li minflok issir xi lapida jew xi opra fil-knisja biex jitfakkar il- 125 sena, il-komunità Nisranija għażlet li toffri li tagħmel il-manutenzjoni ta’ waħda mid-djar fid-Dar tal-Providenza. Turi għaqal fit-tmexxija.

Bħala Vici Sindku ta’ San Ġiljan u bħala membru tal-komunità Nisranija, filwaqt li nirringrazzja lil ħafna tal-ħidma siekta imma ħabrieka tagħhom, se nkompli naħdem id f’id magħhom biex nagħmlu din il-lokalità li tagħmel ġieħ lil San Ġiljan.

Jalla lkoll kemm aħna nagħżlu li nkunu l-wiċċ tal-ħniena tal- Mulej fis-snin li ġejjin.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 24 ta' Awwissu, 2016)

3 views

Comments


BACK
bottom of page