top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Nagħżel il-valur tal-għaqda

Pajjiżna għandu bżonn Oppożizzjoni b'saħħitha. Pajjiżna jistħoqqlu Partit Nazzjonalista li għalkemm għandu ħsibijiet differenti, huwa partit b'saħħtu u magħqud! Għalhekk jien nagħżel il-valur tal-għaqda!



Bħalissa l-Partit Nazzjonalista għaddej minn mumenti diffiċli, u dan minħabba diversi raġunijiet.

1. Ġarrab it-tieni telfa tiegħu. F’kull elezzjoni wieħed jaħdem qatigħ biex il-poplu jafdah bit-tmexxija. Imma d-deċiżjoni tal-poplu hija waħda sovrana! Il-PN ma kienx qiegħed jistenna dan ir-riżultat u jinsab maħsud. L-istorja tfakkarna li l-PN tilef l-elezzjoni mhux biss tal-1971 imma anke dik ta’ wara, fl-1976.

Teknikament, il-Partit tilef anke l-elezzjoni tal-1981! Jekk irriżultat ta’ issa huwa diżappuntanti, kien ukoll fl-1971 meta l-Partit Laburista kien rebaħ biss b’4,695 vot aktar! Dan li għaddejjin minnu bħalissa għadda wkoll minnu l-Partit Laburista meta fl-2008 tilef l-elezzjoni bi żbrixx u ġab 1,580 inqas!

2. Elezzjoni ta’ mexxej ġdid. Wara d-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil li ma jibqax mexxej tal-Partit issa ninsabu fi proċess li jintgħażel mexxej ġdid. Diġà hemm minn wera l-intenzjoni tiegħu li jidħol għal din il-kariga u hemm oħrajn li għadhom jaħsbuha. Matul il-ġimgħa li ġejja jkollna l-lista sħiħa ta’ kandidati. Huwa mument diffiċli fil-ħajja tal-Partit mhux biss għaliex bħalissa l-Partit għandu ‘caretaker leader’ imma għaliex kull kandidat ikollu n-nies tiegħu. Faċli ħafna li bħal f’kull għażla jkun hemm differenzi ta’ ħsibijiet u opinjonijiet differenti. Dan fih innifsu huwa ta’ ġid għaliex ifisser mhux biss li hemm id-diffikultà tal-għażla imma li hemm minn fejn wieħed jagħżel! Huwa importanti li ngħaddu minn dan il-proċess b’mod l-aktar seren, nisimgħu lil kull kandidat u ngħarblu l-viżjoni u l-proposti tiegħu. Il-ħsara tkun meta nagħżlu mhux fl-interess tal-Partit imma nagħżlu għaliex jaqbel għalina nfusna! Tkun ħasra li l-għażla tagħna ma tkunx matura imma skont il-grupp li nkunu miegħu! Huwa importanti li wara li jkun hemm l-għażla, min jirbaħ jipprova jinvolvi lil min tilef. Min-naħa l-oħra, min tilef jaċċetta r-rieda tal-maġġoranza! Huwa importanti li wara li ssir l-għażla, ikun hemm l-għaqda u niġbdu l-istess ħabel. Jidher li dan mhux dejjem kien! Forsi r-riżultat li kellna flaħħar żewġ elezzjonijiet huwa wkoll frott ta’ dan. Żgur li l-mexxej il-ġdid għandu għadma iebsa u jrid jaħdem qatigħ biex iġib l-għaqda meħtieġa.

3. Għaliex Joseph Muscat jaf li bħalissa l-PN huwa fl-akbar mument debboli tiegħu, huwa ressaq mozzjoni bil-ħeffa kollha fuq l-ugwaljanza fiż-żwieġ. Hija mossa oħra biex ikompli jdgħajjef lill-PN. Ma kienx u ma jidhirx li kien hemm xi għaġla partikulari għal din il-mozzjoni. Għalkemm il-PN qabel ma’ din il-proposta fi prinċipju, xi wħud fil-Partit kellhom ukoll xi riżervi fuq kif ġiet miktuba din il-proposta.

Ma nixtieqx nidħol fl-argument mhux biss għaliex din issa għaddiet imma sinċerament inħoss li kull naħa tal-argument hija valida. Anzi, jekk wieħed jara l-argument – ta’ naħa jew oħra – barra mill-kuntest tal-argument oppost, wieħed jispiċċa jaqbel mal-istess argument! Dan huwa s-sabiħ tal-PN. Fl-istorja tal-Partit dejjem kien hemm persuni bi ħsibijiet differenti li flimkien ħadmu fl-istess partit. Xi wħud iħobbu jsejħulhom ‘liberali’ u ‘konservattivi’. Personalment, ittikketti ma tantx jogħġbuni. Nippreferi li ngħid li hemm ħsibijiet differenti.

Huwa tajjeb li fil-Partit jibqa’ jkun hemm spazju biex kull min għandu ħsibijiet differenti jibqa’ jsemma’ leħnu. Għaldaqstant, l-opinjoni ta’ Edwin Vassallo u Tonio Fenech hija l-leħen ta’ diversi fil-Partit li tajjeb li jibqa’ jinstema’ jekk il-Partit jixtieq jibqa’ jgħodd għal dawn innies. Min-naħa l-oħra, il-leħen ta’ min huwa favur għandu jibqa’ wkoll biex jippreżenta lil dawk li jaqblu ma’ din il-proposta.

Għalkemm forsi hemm nuqqas ta’ qbil fuq dan is-suġġett, hemm qbil fuq ħwejjeġ oħra. Għaldaqstant, tajjeb li niftakru li hemm ħafna fuqiex naqblu, aktar milli fuq dak li ma naqblux!

Ilkoll naqblu pereżempju fuq:

  • Id-dritt tal-ħajja mill-bidu nett tal-konċepiment sal-aħħar mument;

  • Għajnuna lil dawk li huma vulnerabbli u għandhom ċerti vizzji;

  • Il-ġlieda fuq l-illitteriżmu u n-nuqqas ta’ attendenza fl-iskola;

  • Li d-dinjità tal-persuna tiġi qabel il-profitt tal-ekonomija;

  • Il-prekarjat u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna;

  • Nagħtu l-aħjar opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna biex jimxu ’l quddiem fil-ħajja;

  • Noffru ‘start-ups’ u boroż ta’ studju liż-żgħażagħ tagħna;

  • Għajnuna lil persuni b’diżabbiltà u sapport lill-familji tagħhom;

  • Nagħtu s-sapport meħtieġ lill-anzjani biex dawn jibqgħu jgħixu fil-komunità;

  • Il-Kunsilli Lokali jkunu verament gvern lokali;

  • Ġlieda kontra l-korruzzjoni, inqas burokrazija u bżonn ta’ akkontabbiltà;

  • Ħatrijet li jkun hemm qbil fuqhom bejn kulħadd, fosthom il-President tar-Repubblika u l-Kummissjarju tal- Pulizija;

  • Ir-rwol ta’Malta fl-Komunità Ewropea;

  • Għajnuna lis-self employed u lil negozjanti oħrajn;

  • Bżonn li nieħdu ħsieb l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.

Nista’ nkompli bil-lista sħiħa ta’ fejn hemm qbil. Għalhekk nagħmlu tajjeb li nitkellmu fuq dak li jgħaqqadna u mhux fuq dak li jifridna.

Pajjiżna għandu bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha. Pajjiżna jistħoqqlu Partit Nazzjonalista li għalkemm għandu ħsibijiet differenti, huwa partit b’saħħtu u magħqud!

Għalhekk jien nagħżel il-valur tal-għaqda!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 16 ta' Lulju, 2017)

1 view

Comments


BACK
bottom of page