top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Nejja jew maħruqa?

Id-diffikultà tiegħi u ta' diversi residenti oħra mhux daqstant bl-iżvilupp fih innifsu, imma li hawn u se jkun hawn żvilupp aktar milli nifilħu.



Bil-Malti għandna l-espressjoni ‘nejja jew maħruqa’. Din l-espressjoni tfisser li wieħed imur fl-estrem. Jew xejn jew kollox. Ma hemmx bilanċ. Din l-espressjoni tista’ tingħad għal dak li qiegħed jiġri f’San Ġiljan.

Preżentement, f’San Ġiljan, fl-inħawi tal-Bajja ta’ San Ġorġ u l-madwar, ħarġu diversi proposti u talbiet biex jinbnew torrijiet b’diversi sulari. Fost il-proposti nsibu: torri b’36 sular fejn Villa Rosa, żewġ torrijiet b’29 u 23 sular minflok l-iskola ITS, torri ta’ 44 sular f’St George’s Park, lukanda u appartamenti b’29 sular ħdejn l-InterContinental, bini ta’ żewġ torrijiet ta’ 25 u 40 sular imsejħa Mercury Towers u żewġ torrijiet oħra b’diversi sulari minflok il-lukanda Corinthia. Barra dawn il-proposti hemm diversi binjiet oħra li diġà telgħu u hemm ukoll l-iżvilupp ta’ Pender Gardens li se jkompli jkabbar u jibni torri ta’ 18 u 26 sular.

Personalment, ma għandi l-ebda diffikultà fuq l-iżvilupp tal-bini. Ilkoll naqblu li l-iżvilupp tal-bini jdawwar l-ekonomija Maltija. Diversi familji jiddependu minn dan id-dħul. Hemm ċertu qbil ukoll li l-bini ta’ appartamenti fil-għoli huwa waħda mis-soluzzjonijiet għan-nuqqas ta’ art li għandna bħala pajjiż. Ilkoll naqblu wkoll li San Ġiljan, b’mod partikulari Paceville, minn post trankwill u post tal-villeġġjatura nbidel għal ċentru prinċipali ta’ divertiment għal diversi Maltin u turisti li jiġu f’pajjiżna. Fuq dan hemm qbil minn kulħadd. Filwaqt li naqbel ma’ dan kollu, id-diffikultà tiegħi u ta’ diversi residenti oħra li jgħixu f’dawn l-inħawi hija mhux daqstant bl-iżvilupp fih innifsu, imma li hawn u se jkun hawn, u nħoss li se jkun hawn, żvilupp aktar milli nifilħu. Inħoss li qegħdin f’sitwazzjoni li ngħixu din l-espressjoni ta’ ‘nejja jew maħruqa’. Nistqarr li dawn il-proposti kollha ta’ żvilupp huma żżejjed għal din il-lokalità.

Din mhix ħasra għal din il-lokalità biss, imma għall-pajjiż b’mod inġenerali wkoll. Dan jista’ jwassal għal dak li l-Ministru tal-Finanzi stess stqarr li dan jista’ ma jkunx żvilupp sostenibbli għall-pajjiż. Barra minn hekk, hemm ukoll diffikultà fuq livell ta’ ambjent. Dan l-iżvilupp ta’ diversi torrijiet f’daqqa jista’ jwassal biex ikun hemm dehra kerha u wkoll biex diversi residenti li jgħixu fil-madwar jispiċċaw kontinwament jgħixu fid-dell li jħallu dawn it-torrijiet. Fil-fatt, diversi NGOs ambjentali qegħdin isemmgħu leħinhom dwar dan. Bħala Viċi Sindku ta’ San Ġiljan, l-akbar problema li nħoss li wieħed għandu jagħtiha importanza hija li mhux biss wieħed jibni dan l-iżvilupp kollu, imma jrid jieħu ħsieb l-infrastruttura fiżika u soċjali biex tilqa’ għal dan l-impatt. Preżentement, l-infrastruttura fiżika u soċjali diġà tinsab taħt pressjoni kbira. Mingħajr ippjanar u ħsieb, din se tkun ferm aktar diffiċli.

Bl-infrastruttura fiżika qiegħed nifhem il-ħtieġa li jkollna toroq aħjar u aktar wesgħin minħabba l-ammont ta’ traffiku (dan ifisser li jkollhom jispiċċaw diversi spazji għall-parkeġġ fit-toroq prinċipali, b’mod partikulari Triq Sant’Andrija u Triq San Ġorġ), sistema ta’ drenaġġ aħjar, bankini aktar wesgħin minħabba l-ammont ta’ nies, ġbir ta’ skart (din hija l-ikbar problema li l-Kunsill għandu minħabba n-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ xi wħud), aktar spazju ta’ parkeġġ għall-karozzi, u postijiet miftuħa biex jilqgħu lil dawk li jiġu fostna.

Min-naħa l-oħra, b’infrastruttura soċjali qiegħed nifhem il-ħtieġa li jkollna aktar preżenza ta’ pulizija fit-toroq prinċipali (ilkoll nisimgħu b’diversi stejjer ta’ serq, ġlied u anke qtil f’din il-lokalità), tniġġis ikkawżat mill-istorbju, ħtieġa ta’ għassa tal-pulizija u klinika f’Paceville, vandaliżmu u aktar sigurtà għall-anzjani tagħna.

Jekk dawn il-proposti ta’ żvilupp mhumiex se jagħtu attenzjoni lil dawn l-elementi, allura se jkun hawn babiljona sħiħa.

Barra minn hekk, tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni li dawn il-proġetti jieħdu diversi snin biex jinbnew. Fil-fatt, Pender Gardens diġà ilu madwar seba’ snin tiela’ u għadu mhux lest. Allura dawn l-iżviluppi kollha kemm se jieħdu żmien biex jinbnew kollha? Dan mhuwiex se jwassal biex din il-lokalità tkun donnha zona ta’ bini għal diversi snin? Dan ifisser li se nagħmlu snin ngħixu fi sħaba ta’ trab li kull żvilupp iġib miegħu? Dan se jwassal biex il-proprjetajiet tagħna li għamilna sforz u investiment kbir biex ikollna se jispiċċaw jitilfu s-saħħa tagħhom? Dan ma jfissirx inkonvenjent kbir għar-residenti? Huwa veru li l-ekonomija hija importanti imma l-ħarsien tad-drittijiet tar-residenti, b’mod partikulari ta’ diversi anzjani tagħna, hija importanti wkoll.

Għaldaqstant, qiegħed ningħaqad ma’ diversi oħrajn biex nitlob li qabel ma jkun hemm deċiżjoni fuq dawn il-proġetti, ikun hemm masterplan ħolistiku. B’masterplan qiegħed nifhem li jkun hemm pjan wiesa’ li jqis kollox – żvilupp, il-madwar, l-infrastruttura, ir-residenti u l-lokalitajiet l-oħra li jmissu magħna.

Dan l-iżvilupp se jħalli wkoll impatt kbir mhux biss fuqna li ngħixu f’din il-lokalità imma wkoll fuq ir-residenti ta’ lokalitajiet viċin bħalma huma s-Swieqi, Tas-Sliema, Pembroke, il-Gżira u San Ġwann. Huwa importanti li dan il-masterplan ikun mibni fuq dak li huwa msejjaħ impact assessment.

S’issa, il-Gvern Laburista l-unika vuċi li qiegħed jisma’ hija dik tal-iżviluppaturi u ta’ dawk li kien miftiehem magħhom fil-raba’ sular qabel l-elezzjoni li għaddiet! Dan ma għandux ikun. Dan mhuwiex fl-interess nazzjonali.

Għaldaqstant, inħoss li jekk verament il-Gvern irid jitwemmen meta jisħaq li huwa Gvern li jisma’, iwaqqaf temporanjament kull talba li preżentement qiegħda ssir u jagħmel l-istudji meħtieġa.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 19 ta' Ġunju, 2016)

2 views

Comments


BACK
bottom of page