top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Nota ta’ ġenitur: Riflessjonijiet fuq l-abbozz ta’ liġi dwar dipendenza fuq id-droga


Qiegħed nikteb dan l-artiklu mhux biss bħala persuna li ili naħdem fil-qasam soċjali għal dawn l-aħħar tletin sena f’karigi diversi imma qiegħed nikteb bħala ġenitur. Għalkemm f’dan l-istadju, il-liġi tinstab quddiem il-Parlament u allura hija issa r-responsabbilta’ tal-membri kollha tal-Parlament biex jagħtu l-opinjoni tagħhom, xorta waħda nixtieq nagħti s-sehem tiegħi bħala ċittadin attiv.

IL-PERSUNA FIĊ-ĊENTRU TAL-LIĠI


Hawn qbil bejn kull minn jaħdem fost dan il-qasam li l-persuna li tabbuza mid-droga hija persuna li għandha bżonn l-għajnuna u mhux il-kastig. Il-problema ta’ abbuz ta’ droga hija problema ta’ saħħa fis-sens wiesgha tal-kelma. Min jabbuza mid-droga jagħmel dan għaliex għandu problemi AKBAR fil-ħajja tiegħu fejn l-abbuz tad-droga hija biss l-effett ta’ ‘weġgħat’ oħra.

Hemm qbil li persuna li tabbuza mid-droga l-ewwel għandha titressaq għal għajnuna u għas-sapport minflok għal kastig. Għaldaqsant irridu nitkellmu fuq id-dekriminaliazzjoni tal-persuna li jabbuza mid-droga. Kull ġenitur jixtieq jara li ibnu jew bintu jieħdu l-għajnuna u mhux il-kastig li jista’ iwassal għal sitwazzjoni agħar.

Imma fl-istess waqt, bħala ġenitur ma nistax naqbel mad-dikriminalizażżjoni tad-droga fija nnifisha. Kull tip ta’ droga hija ħażina u għandha tibqa’ illegali. Kull droga twassal lil persuna fir-irdum tal-ħajja. Is-soċjetà għażlet li l-abbuż tad-droga jkun illegali għaliex dan l-abbuż jagħmel ħsara lill-persuna u lis-soċjetà kollha. L-abbuż tad-droga jwassal għal mind and mood altering states and negative lifestyles. Għaldaqstant il-messaġġ għandu jibqa’ wieħed ċar: l-abbuż ta’ kull droga, inkluz dak tal-kannabis, huwa ta’ ħsara u għandu jibqa’ att illegali. Jekk il-messaġġ ma jibqax wieħed ċar allura nistgħu nkunu qegħdin inwasslu messaġġ perikoluż: li wieħed jista’ jieħu d-droga, inkluz il-kannabis, u ma jkun qiegħed jagħmel xejn ħazin u ta’ ħsara.

GVERN LI MA SEMAX KOLLOX


Il-Gvern ħareġ White Paper fejn xtaq jisma’ l-pariri tas-soċjeta’ ċivili u ta’ dawk l-entitajiet li ilhom jaħdmu f’dan il-qasam għal diversi snin. Il-Gvern għamel diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni. Il-messaġġ kien wieħed li l-Gvern jixtieq jisma’. Għalkemm f’ċertu punti l-Gvern sema’ u ħa nota tagħhom b’mod partikolari fil-kwistjoni tal-Qorti tad-droga, il-kazijiet pendenti li jinġabru flimkien u l-għajnuna lil min qiegħed jgħin lil persuna waqt overdose, IMMA f’ċertu punti oħrajn donnu l-Gvern kien diga’ deċiz! Is-soċjeta’ civili u b’mod partikolari dawk l-entitajiet li għandhom esperjenzi twila f’dan il-qasam offrew feedback fuq punti fundamentali li ma dehrux fl-abbozz tal-liġi kif ġie presentat. Bħala ġenituri, nixtieq insemmi xi whud minnhom.

L-abbozz tal-liġi jgħid li : “fejn l-akkuza ta’ ksur tal-liġijijiet dwar id-droga tikkonsisti f’akkuza ta’ pussess ta’ droga projibita fi kwantita’ ta’ anqas minn zewġ grammi jew zewġ pilloli tal-ecstacy jew pilloli simili, irrispettivament mill-purita’, f’cirkostanzi li ma jwasslux li wieħed raġonevolment jemmen li d-droga projbita mhijiex għall uzu personali tal-persuna li għandha l-pussess tagħha, dik il-persuna għanha tkun soġġetta għal proċess skont l-att dwar il-kummissarji għall Gustizza, u meta tinstab ħatja mill-kummissarju għall Gustizzja assenjat mill-Ministru sabiex jisma’ kazijiet dwar reati ta’ droga teħel penali bejn € 75 u € 125… fid-droga kannabis jew rezina tal-kannabis, il-penali applikakabbli għandha tkun bejn € 50 - €100’.

Meta wieħed jaqra dan il-paragrafu, jiġuli diversi mistoqsijiet, fosthom: ‘Meta wieħed isemmi żewġ grammi, fuq liema sustanza qegħdin nitkellmu? L-esperjenza turina li altru żewġ grammi eroina u altru żewġ grammi kannabis? Mistoqsija oħra li tiġili hija: Persuna ser titressaq biss quddiem il-Kummissjaru għall-Gustizzja jekk il-persuna tkun f’cirkostanzi li ma jwasslux li wieħed raġonevolment jemmen li d-droga mhijiex għall uzu personali ? Dan ser ifisser li jekk wieħed ikun qiegħed jagħmel uzu personali, dan mhux ser jitressaq? Allura dan ifisser li l-uzu personali tad-droga ser isir aċċettabli? It-testimonjanzi ta’ dawk li għaddew mill-esperjenza tal-abbuz tad-droga juri biċ-ċar li min jagħmel użu personali jew soċjali jkun qiegħed biss jipposponi problemi futuri ta’ saħħa fis-sens wiesgħa tal-kelma għal aktar tard. Wieħed ma jistax jieħu r-riskju li jilgħab mas-saħħa.

MISTOQSIJIET OĦRAJN


Bħala ġenitur l-akbar tliet mistoqsijiet li għandhi huma dawn:

X’inhi r-raġuni li min ‘jinqabad’ l-ewwel darba minflok ser jingħata l-għajnuna u jsirlu assessment mal-ewwel ser jingħata biss multa? Il-multa ser tkun bizzejjed biex wieħed jieqaf f’dan l-istadju? L-ewwelnett tajjeb li wieħed jiġbet l-attenzjoni li mhux bilfors persuna li tinqabad l-ewwel darba (first time offender) huwa fir-rejalta’ first time user. Wieħed li jista’ ikun ilu 10 snin jabbuza mid-droga imma jinqabad l-ewwel darba, dan allura ser jieħu multa biss? U jekk wieħed huwa fil-bidu tal-vizzju, b’multa biss ser jieqaf?

Min jaħdem fost iż-żgħażagħ jaf li dan mhux rejali! Nemmen li min jinqabad l-ewwel darba mhux biss għandu jkollu twissija jew multa imma jkun hemm assessment fuq il-htiġijiet tiegħu. X’inhuma l-ħtiġijiet tal-persuna? Kif nistgħu noffru l-għajnuna ? X’wasslu biex abbuza mid-droga? Dan kien il-feedback ukoll tal-entitajiet soċjali li jaħdmu f’dan il-qasam. Għalkemm fil-proposta tal-liġi hemm li min jinqabad għat-tieni darba għandu jitressaq għal Bord ta’ Rijabiltazzjoni, dan jista’ ikun tard wisq! L-assessment għandu jingħata mal-ewwel biex b’hekk l-għajnuna tista’ verament tagħmel differenza. Ma għandux ikun hemm distinzjoni u eċċezzjoni bejn l-ebda droga ta’ kull tip. Kull min jinqabad jagħmel uzu mill-kannabis għandu wkoll jidher quddiem il-Kummissarju tal-Gustizzja u l-Bord kif inhu propost għal kull abbuż tad-drogi oħrajn.

B’dan kollu l-messaġġ ikun wieħed ċar: filwaqt li first time offender ikun għamel att ħazin u illegali, is-soċjeta tagħzel li minflok tagħtih kastig, tibgħat din il-persuna mal-ewwel għal għajuna meħtieġa qabel ma forsi jkun tard wisq!

It-tieni mistoqsija tiegħi hija: “Għalfejn il-proposta tal-liġi qegħdha tagħmel distinzjoni bejn id-drogi, fejn persuna li tinqabad bil-abbuz tal-kannabis jew reżina tal-kannabis, il-persuna teħel biss multa inqas jiġifieri bejn € 50 u € 100?

It-tielet mistoqsija hija mibnija fuq it-tieni waħda. “Għaliex persuna li tinqabad għat-tieni darba qed jiġi propost li din titressaq quddiem il-Bord ta’ Rijabiltazzjoni u trid isegwi l-programm ta’ għajnuna IMMA min jinqabad li qiegħed jabbuza biss mill-kannabis dan ma jintbagħat imkien sakemm ma jkunx hemmx drogi oħra involuti ?

Dan ifisser li wieħed li jabbuza mill-kannabis, anke jekk jinqabad 100 darba, mhux ser jinbagħat għal l-ebda għajnuna imma sempliċiment multa’ bejn € 50 u € 100! Għaliex qegħdha ssir din id-distinzjoni? U għal fini tal-argument, għaliex id-distinzjoni qegħdha ssir biss għal kannabis u mhux għal drogi oħra? Kien hemm u hemm xi ‘pressure group’ biex wassal għal din id-distinzjoni?

Għalkemm mhux kull abbuż tad-droga jħalli l-istess effetti u konsegwenzi fuq il-persuna u s-soċjetà, tajjeb li wiehed jifhem li dawk id-drogi hekk msejħa ‘soft drugs’ jistgħu jkunu meqjusa bħala gate way drugs li jwasslu għal drogi aktar qawwija, nuqqas ta’ saħħa mentali u stil ta’ ħajja negattiva għall-persuna u għas-soċjetà kollha.

Diversi operaturi oħra fil-qasam soċjali jsostnu li hemmx abbuż ta’ drogi msejħa ‘soft’ u ‘hard’, imma hemm biss abbuż tad-drogi. Dan il-messaġġ jingħata b’mod l-aktar ċar lil Gvern mhux biss min dawk li jaħdmu f’dan il-qasam imma anke minn persuni li għaddew jew għaddejin minn din l-esperjenza! Nerġa nistaqsi: Għalfejn il-Gvern ma semax dan il-messaġġ tant fundamentali u jagħmel differenza kollha f’din id-diskussjoni? Nemmen li mhux biss l-kannabis tista’ tkun ‘gate away drug’ imma nagħmel referenza għall-istudju xjentifiku tal-Kap tal-Psikjatrija f’Malta, Dr. Anton Grech. Dr. Grech wera biċ-ċar li hemm rabta sħiħa u serja bejn uzu tal-kannabis - anke dak soċjali – u l-mard mentali.

Dan l-istudju juri li l-uzu tal-kannabis jagħmel ħsara lil persuna issa jew aktar tard ‘il quddiem. Mhux hekk biss, skont ir-rapport tal-National Focal point, l-eta’ medja ta’ zgħazagħ li jibdew jabbuzaw mill-Kannabis hija dik ta’ 15 ‘il sena. Min huwa ġenituri bħali, dan għandu jhassibna lkoll. Min huwa ġenitur jaf il-vulnerabbilta’ ta’ żgħażagħ ta’ 15 ‘il sena u kemm dan huwa messaġġ perikluz!

Il-messaġġ li qed joħroġ minn din il-proposta tal-liġi hija li l-kannabis mhiex xi haġa kbira (no big deal) u għaldaqsant mhemmx għalfejn nagħmlu storja! Dan ser iwassal biex tissaħħah il-mentalita’ li l-kannabis mhiex ta’ ħsara u jista’ iwassal għal pass aktar ‘il quddiem li din tkun legalizzata f’isem il-kultura ta’ xejn mhu xejn u ‘jiena ħadd ma jindaħali’.

Għalkemm naqbel li l-abbuz tal-alkoħol huwa l-akbar problema fil-pajjiz imma bħala ġenituri nistaqsi : “Meta diġa fil-pajjiz għandha sustanza li hija ta’ ħsara (għalkemm legali għal min huwa ‘il fuq minn 17 ‘il sena), ikun għaqli li l-pajjiż jkollu problema oħra? Il-fehma ta’ dawk li jgħidu li tajjeb li legalizzaw din is-sustanza biex b’hekk inkunu nistgħu nikkontrolow is-suq, hija ‘l bogħod mir-realta’.

Min jaħdem f’dan il-qasam u min għadda minn din l-esperjenza jaf sew li dejjem ser jibqa’ is-suq iswed – anke jekk ikun hemm enforcement qawwi. Sfortunatament, dan naraw jiġri fil-qasam tal-alkoħol u anke tas-sigaretti. Għalkemm huwa suq regolizzat imma s-suq iswed huwa fostna u wieħed kbir u qawwi.

ĦTIEĠA TA' PREVENZJONI


Lil hinn minn din il-proposta tal-liġi, l-esperjenza twassalni biex nemmen li għandu jkun hemm impenn akbar mill-Istat u minn kull entita’ soċjali oħra fil-pajjiż fuq il-ħtieġa tal-edukazzjoni ħolisitka u l-importanza tal-prevenzjoni mill-abbuz tad-droga fost it-tfal u żgħażagħ. Għaldaqstant, l-Istat u s-soċjeta’ ċivili jridu jkomplu joħolqu aktar inizjattivi edukattivi u jieħdu ħsieb lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qegħdin jieqfu kmieni mill-edukazzjoni tagħhom.

L-inizjattiva tal-Youth Garuentee hija inizjattiva fid-direzzjoni t-tajba. Nemmen li mingħajr prevenzjoni u tagħlim, il-problema tal-abbuz tad-droga se tkompli tikber u toħloq aktar soċjali u ekonomiċi. It-tfal u ż-żgħażagħ għandu jkollhom edukazzjoni sħiħa tal-valuri umani, jitgħallmu jemmnu fil-kapaċitajiet tagħhom u jingħataw opportunitajiet li jgħinuhom jikbru bħala persuni sħaħ.

It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jkollhom aktar opportunijiet sportivi, edukattivi u soċjali. L-edukazzjoni formali u nformali huma l-aħjar għodda ta’ prevenzjoni kontra l-abbuz tad-droga.

Għalkemm in-nefqa fuq il-kura u riabilitazzjoni tal-abbuz tad-droga tista’ tkun ta’ piż fuq il-pajjiż, madankollu l-abbuz tad-droga għandu prezz uman u soċjali wisq akbar għall-pajjiz. Is-saħħa fiżika, mentali u soċjali ta’ kull ċittadin hija akbar ġid li jista’ ikollu l-pajjiż.


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta In-Nazzjon – 5 ta' Diċembru, 2014)

1 view

Comments


BACK
bottom of page