top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Platti jċekċku

Hemm bżonn pjan fit-tul dwar l-immigrazzjoni irregorali kif hemm bżonn f'oqsma oħra bħalma huma l-iżvilupp u l-ambjent.



L-Italja tela’ gvern ġdid. Xejn ġdid. Mill-ewwel ġranet jidher ċar li dan se jkun gvern populist. Dan wassal biex mill-ġdid waslu fostna diversi persuni, fosthom tfal u trabi, li ppruvaw jaqsmu l-baħar mil-Libja għall-Ewropa. Xi wħud kienu anqas ixxurtjati u spiċċaw f’qiegħ il-baħar!

Il-Baħar Mediterran spiċċa ċimiterju


Sfortunatament, għal xi wħud minna dawn huma immigranti illegali li ma kellhomx jiġu fostna. Xi wħud minna ħassew ukoll il-bżonn li jmorru fuq is-swar jgħajtu. Xi wħud ħadu saħansitra lil uliedhom għas-sapport u qalulhom biex jgħajru lil dawn il-persuni.

Oħrajn ma nqdewx bis-swar imma nħbew wara argumenti legali u diplomatiċi biex iwasslu l-istess messaġġ. ‘Go home’, kienet l-għajta tagħhom. Forsi dan huwa eku minn slogan ta’ Mintoff meta fl-imgħoddi kien jgħajjar lill-Ingliżi biex imorru lura f’pajjiżhom?!

Min-naħa l-oħra, għalija dan kien mument meta wrejna tassew il-wiċċ uman tagħna l-Maltin u s-solidarjetà li niftaħru tant biha. Għalija, id-dinjità umana u t-traġedja li din issitwazzjoni twassal, tiġi qabel kull politika, partit u d-diplomazija. Nemmen li l-valur tad-dinjita umana jiġi qabel kollox u kulħadd!

Nistqarr li l-problema ta’ moviment ta’ persuni li jaqsmu minn pajjiż għal ieħor ma għandhiex soluzzjoni faċli. Inkunu qegħdin inqarqu jew inkella nħaddnu politika populista jekk nistqarru li hemm soluzzjoni faċli. Hija sitwazzjoni sensittiva li tolqot fil-laħam il-ħaj u toffri sfidi kbar.

Din mhix ‘problema’ tal-pajjiżi Mediterranji biss. Din hija sfida umana u Ewropea. Il-moviment ta’ persuni fih ħafna wċuħ. Għandu ħafna ‘missirijiet’. U għaliex hemm diversi ‘missirijiet’, hemm ukoll diversi ‘ltiema’. Ir-realta turina li bħal dejjem huma l-persuni foqra u vulnerabbli li jispiċċaw imorru minn taħt. Is-sinjur u l-potenti għandu ‘soluzzjoni’ biex jaħrab minn pajjiżu u jfittex ħajja aħjar. Għall-vulnerabbli hemm ċatra titliegħeb mal-mewġ f’ħalq il-mewt. Għas-sinjur u l-potenti hemm passaport mogħti minn Joseph Muscat! X’ipokresija!

Sfidi kbar


Filwaqt li nistqarr li l-moviment tal-persuni joffri sfidi kbar u hemm ukoll ċerti problemi marbuta miegħu, ninsab konvint li d-diskorsi populisti, it-tixwix tal-massa, l-aħbarijiet selettivi tal-PBS u oħrajn u l-kummenti mibnija fuq il-biża’ ma jgħinu xejn biex ikun hemm ambjent seren biex wieħed jiddiskuti dan il-fenomenu uman. Biżżejjed wieħed jaqra ċerti kummenti minn min suppost mhux biss jagħti l-eżempju imma ġie magħżul biex ikun ta’ ispirazzjoni.

Għaldaqstant naqsam magħkom ċerti punti li tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu qabel ma jinfexx jgħajjar lil dawn il-persuni u lil min qiegħed jipprova jsib soluzzjoni umana.

1. Il-moviment ta’ persuni minn pajjiż għal ieħor mhux fenomenu ġdid. Il-moviment tal-persuni kien mill-bidu tal-istorja umana. Diversi persuni u familji ħarbu jew imxew minn pajjiż għal ieħor bit-tama ta’ ħajja aħjar jew inkella minħabba biża’ ta’ gwerer u persekuzzjoni. Il-familja ta’ Nazaret kienet hija stess familja refuġjata ġewwa l-Eġittu minħabba l-biża’ ta’ Erodi. Fl-imgħoddi mhux daqshekk ’il bogħod, diversi Maltin marru u mxew ġewwa l-Awstralja, il-Kanada u l-Ingilterra fost oħrajn. Għalkemm dawn ‘daħlu’ f’dawn il-pajjiżi b’mod ‘legali’, dan xorta juri moviment ta’ mixja għal ħajja aħjar. Forsi wasal iż-żmien li jkun hemm ċentri fil-Libja u fil-madwar biex jilqgħu l-applikazzjonijiet u jevitaw il-qsim tal-baħar?

2. Il-biża’ ta’ invażjoni. Din hija f’subkonxju tagħna. Dan ġej mill-fatt li matul is-sekli pajjiżna kien dejjem maħkum minn oħrajn. Dan huwa argument li diversi ‘politiċi’ jħobbu jużaw biex jakkwistaw il-poter. Anke Hitler uża dan l-argument biex jaħtaf il-poter billi ‘kkonvinċa’ lill-Ġermaniżi li l-Lhud kienu ħakmu l-Ġermanja! Il-fatti juru mod ieħor. Ilfatti juru li dawn in-nies mhumiex l-eluf ta’ eluf li wieħed jipprova jagħti l-impressjoni li huma. Hemm diversi popli oħra li ġejjin, b’mod partikolari mill-Ewropa tal-Lvant u mill-Asja. Tajjeb li ngħidu li l-ironija hija li fir-realta huma diversi dawk li jagħmlu użu minn servizzi ta’ dawn il-persuni. Min qiegħed jiġbrilna ż-żibel minn wara l-bieb? Min qiegħed jaħdem l-għelieqi tagħna? Min qiegħed jieħu ħsieb l-anzjani tagħna? Jekk ‘il-barranin’ mhumiex milqugħin fostna, allura jew kulħadd jew ħadd?

3. L-argument li pajjiż għandu limiti ta’ kemm jiflaħ jieħu huwa argument ġust. Pajjiżna huwa dak li huwa. Imma jekk wieħed se juża dan l-argument ta’ limitu, wieħed irid juża dan l-istess argument għat-turiżmu u l-bini żejjed! Nifilħu aktar turisti? Hemm bżonn ikun hemm limitu kemm jistgħu jiġu fostna, kif ċerti operaturi fit-turiżmu qegħdin isostnu? Ċerti żoni bħalma huma San Ġiljan u San Pawl il-Baħar jifilħu aktar turisti? L-infrastruttura tiflaħ għal dan l-ammont ta’ nies? Hemm bżonn ukoll li nieqfu nibnu minħabba nnuqqas ta’ spazju? Nistgħu nkomplu nibnu u nkabbru?

4. Kontroll fuq pajjiżna. Xi wħud isostnu li se nitilfu lkontroll fuq pajjiżna. Għalkemm nistqarr li dawn il-persuni għandhom jintegraw mal-kultura tagħna, nistqarr ukoll li mhumiex dawn il-persuni li qegħdin/sejrin jaħtfu lil pajjiżna. Inħoss li huma aktar ċerti fat cats Maltin – negozjanti u żviluppaturi kbar – li qegħdin jaħkmu d-demokrazija u l-art Maltija! Huma dawn li saru l-‘ħbieb’ ta’ Joseph li qegħdin imexxu l-aġenda tal-pajjiż. Ejjew inkunu onesti.

Hemm diversi punti oħra x’wieħed jista’ jgħid imma wieħed jagħmel tajjeb li jiftakar li din hija sfida li mhix se tmur bl-għajjat, insulti u tixwix. Għaldaqstant, kien korrett il-Partit Nazzjonalista meta staqsa lil Joseph Muscat x’inhu l-pjan fit-tul f’dan ir-rigward? Hemm bżonn li jkun hemm pjan fit-tul kif hemm bżonn pjan fit-tul f’oqsma oħra bħalma huma l-iżvilupp u l-ambjent.

Fl-aħħar nett nagħmlu tajjeb li niftakru f’dak li qal San Pawl, li kien huwa wkoll refuġjat ‘politiku’ f’pajjiżna, meta dan kiteb u qal: “Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tarram iżarżar jew platti jċekċku”.

Meta nitkellmu mingħajr imħabba f’fommna u ngħajru lil dawn il-persuni, inkunu qed nagħżlu li nkunu ‘platti jċekċku’.

Valuri qabel kollox!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 8 ta' Lulju, 2018)

1 view

Comments


BACK
bottom of page