top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Is Malta being governed by proxy?

Is Malta being governed by proxy?

Is Robert Abela truly in the driver’s seat? Is it he who calls the shots? PL resembles a massage parlour rubbing inflated egos. Robert...

04/11/24

Gvern Laburista seftur?

Gvern Laburista seftur?

Kull gvern demokratiku jiġi magħżul biex iservi l-ġid komuni. Il-ġid komuni jfisser li dak li jiġi deċiż huwa fl-interess tal-poplu...

27/10/24

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Politika tas-selfies?

Nemmen fil-politika mhux biss tad-dehra imma anke tas-sustanza.


Credit: Shutterstock.com

Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid li l-għajn l-ewwel ma tiekol.


Din l-espressjoni tfisser li l-ewwel impressjonijiet ta’ kif wieħed jidher jew kif jiġi preżentat xi oġġett għal bejgħ, jagħmel differenza kbira. Pereżempju, persuna liebsa pulit u b’xagħar tal-moda, żgur li tagħmel differenza. Għalhekk isiru r-riklami. Għalhekk jintefqu elfu ta’ ewro f’marketing, jiġifieri strateġiji jew pjani ta’ kif wieħed jista’ jbigħ. Fil-marketing jitwassal l-aspetti kollha pożittivi tal-persuna jew tal-oġġett, u kemm wieħed jaqbillu li jixtri jew jilqa’ dik il-persuna. Dan għaliex kif jgħid il-Malti wkoll, ‘l-għajta hija nofs il-bejgħ’. Aktar ma tgħajjat u tidher, aktar se tbigħ u tasal biex tikkonvinċi lin-nies jixtru dak il-prodott partikolari.


Dan kollu jgħodd għall-ħidma fil-politika.


Enfasi żejda fuq id-dehra u mhux fuq is-sustanza


Fil-politika hemm dan l-aspett ukoll ta’ bejgħ. Fil-politika hemm l-importanza ta’ dehra u tal-impressjoni. Fil-fatt, ilkoll nafu li l-marketing tal-partit u l-messaġġi li jrid iwassal huwa importanti. Jintefqu eluf ta’ ewro fi propoganda. Dan ma jiġrix biss barra minn Malta, fejn per eżempju l-partit politiċi Amerikani jonfqu miljuni sħaħ f’riklami. Dan jiġri wkoll f’Malta.


Għal min għandu ċerta età, jiftakar li qabel il-propoganda li kienet issir mill-kandidati u mill-partit kienu jkunu biex iwaħħlu posters bil-kolla ma’ kull ħajt vojt li jsibu! Xi drabi anke jiktbu slogans biż-żebgħa! Illum dan ma baqax għaliex il-media, jiġifieri l-leaflets, it-TV, Facebook, Instagram, TikTok u diversi media soċjali oħra ħadu posthom.


Dan kollu tajjeb u bżonjuż li jsir IMMA xi drabi huma diversi li jispiċċaw li jibbażaw il-fehma politika tagħhom biss fuq kif wieħed jidher jew kemm il-partit jimpressjona bi slogans, b’Facebook posts jew kemm wieħed ġab likes. Hemm ir-riskju allura li nagħmlu politika biss fuq kif wieħed jidher, jiġifieri fuq l-apparenza aktar milli fuq is-sustanza, fuq il-valuri jew il-proposti li l-partit jew il-kandidat ikun qiegħed jagħmel!


B’hekk nispiċċaw nagħmlu politika mibnija biss fuq id-dehra u l-faċċata! Dan diġa’ narawh li sar u jsir mill-Partit Laburista. Matul il-kampanja elettorali u matul dawn l-10 snin, il-Partit Laburista nefaq miljuni ta’ ewro f’propoganda, fl-leaflets mibgħuta fid-djar, media soċjali u fuq it-TV, anke dak tal-PBS!


Imma jista’ jiġri (u nemmen li hekk qiegħed jiġri) li bħal meta wieħed jixtri xi oġġett jew inkella xi ħwejjeġ ta’ ditta, jgħaddi ftit taż-żmien u dak li deher tajjeb u sabiħ ma jkunx fir-realtà! Dan iwassal mhux biss għal diżappunt imma wkoll rabja u żgur li ma terġax tixtri dak l-oġġett jew minn dik id-ditta! Dan għaliex tħossok li daħku bik!


Inħoss li dan li qiegħed jiġri wkoll fil-politika. Għaliex forsi qiegħed ikun hemm enfasi żejda fuq id-dehra u mhux fuq is-sustanza, diversi ċittadini jinsabu mhux biss diżappuntati bil-politiċi taż-żewġ partiti prinċipali imma jinsabu rrabjati. U qegħdin juru din ir-rabja billi ma jivvutawx jew ma jridux jisimgħu aktar dwar il-politika! Fil-fatt, fl-aħħar elezzjoni ġenerali madwar 80 elf għażlu li ma jivvutawx. Kollox jindika li fl-elezzjonijiet li ġejjin għal Kunsilli Lokali u għal MEP, dan l-ammont ser ikompli jikber!


Inkunu politiċi b’fehmiet u valuri ta’ sustanza


Dan huwa periklu kbir għad-demokrazija ta’ pajjiżna. Għaldaqstant ilkoll kemm aħna għandha r-responsabbiltà li nifhmu li filwaqt li d-dehra u l-marketing u selfies huma tajbin, imma s-sustanza, il-proposti u l-valuri huma ferm aktar importanti. Filwaqt li tajjeb li wieħed jieħu selfies quddiem xi statwa, quddiem xi murtal jew man-nies fil-marċ ta’ filgħodu, IMMA huwa ferm u ferm aktar importanti li nkunu kapaċi li nkunu politiċi li jkollna fehmiet u valuri ta’ sustanza! Nippreferi li jkolli kandidat/a jew partit politiku li ma jidhirx/jidhrux daqshekk tajjeb fid-dehra jew inkella li għandu/hom ċerta eta’ IMMA mbagħad kapaċi jieħdu stand u kapaċi joħorġu għonqhom għal verità u s-sewwa!


X’jiswa li wieħed jew partit jidher sabiħ biex wara dik is-sbuħija ma hemm xejn ħlief qoxra? X’jiswa li wieħed jkun fil-politika u kontinwament jieħu selfies ma’ dak u ma’ l-oħra IMMA mbagħad qatt ma jitkellem fuq numru ta’ issues li għandu l-pajjiż jew ma jgħid xejn biex jintgħoġob ma’ kulħadd. L-esperjenza tal-ħajja turina li meta wieħed jipprova jintgħoġob ma’ kulħadd jispiċċa ma jintgħoġob ma’ ħadd!


Nemmen fil-politka mhux biss tad-dehra imma anke tas-sustanza.


Nemmen f’politika li ma tibżax titkellem fejn hemm bżonn mingħajr biża’ jew kompromessi. Nemmen f’politika li twassal proposti konkreti ta’ kif nistgħu ngħixu aħjar milli politika ta’ tgħajjir u l-insulti. Nemmen f’politika li toħroġ għonqa għaċ-ċittadini. Nemmen f’politika li tħares u tippromovi l-ġid komuni.


Ma nemminx f’politika tas-selfies!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 3 ta' Settembru, 2023)

31 views
BACK
bottom of page