top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Kumitat ħabbrieki ta’ San Ġwann

Il-membri kollha ta’ dan il-kumitat ħadmu qattiegħ biex jaraw li l-kandidati kollha li kellna għal din l-elezzjoni mhux biss jiltaqgħu...

09/10/24

Irridu l-għasses miftuħa

Irridu l-għasses miftuħa

X’hemm komuni bejn San Ġwann, Swieqi, Gzira u l-Imsida? Għalkemm dawn il-lokalitajiet għandhom rejaltajiet differenti minn xulxin IMMA...

09/10/24

Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Preżenza

Jekk ilkoll kemm aħna naħdmu flimkien biex noħolqu aktar preżenza fost iċ-ċittadini tagħna, it-triq tar-rebħa hija ferm iqsar milli naħsbu!



Nemmen li biex il-politika tagħmel sens trid tkun politika li trid issib il-ħin u tieħu l-attitudni li tisma’ s-suġġerimenti, id-diffikultajiet, l-opinjonijiet, l-istejjer u l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd.

Meta l-politika tieqaf tisma’, tispiċċa tingħalaq fiha nnifisha u tispiċċa politika rettorika tal-ftit. Tispiċċa politika tal-ftit li timponi ruħha fuq il-politika tal-ħafna. Meta jiġri dan, allura l-politika tispiċċa tingħalaq f’torri tal-avorju. Dan iwassal biex bejn il-politika u ċ-ċittadin ikun hemm baħar jaqsam. Din hija l-agħar ħaġa li tista’ tiġri fil-politika.

Biex ma jseħħx dan, hemm bżonn li l-politika u l-politiċi jkunu preżenti fost iċ-ċittadini. Dan ifisser li l-politika tkun ispirata mill-ħajja, l-ispirazzjonijiet u l-ġrajjiet ta’ kuljum. Il-politika li ssib ħin biex tkun preżenti tfisser li hija politika li tifhem aħjar lill-persuni u dak li jgħaddu minnu ta’ kuljum. B’hekk tassew il-persuna umana tkun fiċ-ċentru tal-ħidma politika u dan ma jkunx biss slogan irħis. Meta nagħmlu dan, allura l-politika tkun politika tan-nies għan-nies.

Dan huwa l-messaġġ ċentrali li kontinwament Simon Busuttil qiegħed jinsisti fuqu. Simon Busuttil jinsisti li jekk il-PN irid jiskopri l-għeruq tiegħu li jkun partit tan-nies għan-nies, allura hemm il-ħtieġa li noħorġu miz-zona li fiha nħossuna l-aktar komdi u mmorru fejn ikun hemm in-nies. Il-messaġġ u d-direzzjoni huma ċari għal kulħadd.

L-aktar mod dirett, effikaċi u tajjeb biex wieħed ikun preżenti huwa permezz taż-żjarat fil-familji. Għalkemm dan huwa l-mod tradizzjoniali kif wieħed jista’ ikun preżenti fost iċ-ċittadini, inħoss li dawn iż-żjarat għadhom l-aktar mod dirett kif wieħed ikun preżenti.

Nistqarr li għalkemm xi wħud ma tantx jieħdu gost li l-politiċi jżuruhom fid-djar, minħabba diversi raġunijiet, diversi ċittadini oħrajn ikunu qegħdin jistennew li jkollhom dawn iż-żjarat. Diversi għadhom jistennew li l-politiċi jwettqu dawn iż-żjarat u jgergru li ilhom ma jkollhom xi żjara mingħand xi ħadd. Xi residenti, jekk wieħed ma jagħmilx dawn iż-żjarat, jieħdu għalihom! Għal oħrajn, il-fatt li tkun żorthom ifisser li se ‘jaħsbu fik’ ukoll! Huwa importanti wkoll li wieħed jibqa’ jżomm il-kuntatt u ma jkunx żarhom biss ftit ġranet qabel xi elezzjoni. Meta jiġri hekk, diversi residenti jħossuhom użati u għaldaqstant, urtati.

Għalkemm iż-żjarat tal-familja jieħdu l-ħin u ż- żmien, nemmen li dawn għadhom l-aħjar mod kif wieħed jisma’ u jifhem dak li jkunu għaddejjin minnu l-familji. Il-membri tal-familji jħosshom aktar komdi u siguri biex huma jiftħu qalbhom u juru d-diffikultajiet u preokkupazzjoni tagħhom. Waqt iż-żjarat tal-familja wieħed jista’ b’mod l-aktar dirett u sempliċi jwassal ilmessaġġ tal-partit u jilqa’ wkoll il-kritika li ssir. Barra minn hekk, meta wieħed jagħmel żjara lill-familji, jiltaqa’ ma’ residenti li kieku ma jiltaqa’ magħhom imkien ieħor. Matul iż-żjarat tal-familja, wieħed iġedded ħbiberiji antiki u jagħmel ħbiberji ġodda.

Bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali, fix-xhur li għaddew għamilt diversi żjarat lill-familji. Diversi kandidati kollegi oħra għamlu l-istess. Hija l-intenzjoni li nagħmel dan sakemm huwa umanament possibbli. Nemmen li wieħed għandu jħabbat il-bieb ta’ kulħadd. Ma nistgħux inħabbtu biss fuq ‘bibien Nazzjonalisti’. L-ewwel ħaġa għaliex wieħed ma jistax ikun ċert kif dawn taw il-vot tagħhom fl-aħħar elezzjoni, imma wkoll għaliex nemmen bis-sħiħ li jekk wieħed irid li l-PN jerġa’ jingħata l-fiduċja, hemm bżonn li wieħed iħabbat kull bieb. Wara kull bieb jista’ ikun hemm membri tal-familja li lesti jagħtuna l-fiduċja mill-ġdid jew jinsabu ddiżappuntati bil-wegħdi fiergħa tal-Partit Laburista.

Għaldaqstant, għax nemmen f’dan kollu, m’iniex qiegħed inżur biss lil dawk il-familji li forsi jħaddnu l-istess twemmin politiku tiegħi. Għalkemm dan mhux faċli, l-intenzjoni tiegħi hija li niltaqa’ ma’ min jixtieq jiltaqa’ miegħi.

Qiegħed nidħol għand kull min irid idaħħalni għandu. Nitkellem u nisma’ lil kulħadd. Dawk li għażlu li ma jiftħux kienet l-għażla tagħhom. Filwaqt li nirringrazzja lil dawk il-ħafna li laqgħuni għandhom, nirrispetta lil dawk li ma fetħulix. Xorta ħallejt nota biex ngħarrafhom li kont żorthom ukoll!

Jekk ilkoll kemm aħna naħdmu flimkien biex noħolqu aktar preżenza fost iċ-ċittadini tagħna, it-triq tar-rebħa hija ferm iqsar milli naħsbu!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 31 ta' Lulju, 2016)

1 view

Komentar


BACK
bottom of page