Dan il-proġett ser jħalli impatt fuq numru ta’ negozjanti fil-madwar. Min ser jagħmel tajjeb għat-telf/inqas dħul tagħhom?
Preżentament il-Gvern permess ta’ Project Green għamel applikazzjoni għal proġett quddiem il-knisja Parrokjali. Dan il-proġett ikompli ma’ proġetti oħra li kien beda l-Gvern Nazzjonalista fejn kien għamel Ġnien Karen Grech u anke parkeġġ ħdejn il-knisja/Misraħ Lewża. Issa l-Gvern irid jagħmel proġett bil-parkeġġ taħt l-art u anke mina quddiem il-knisja biex b’hekk ikun hemm open space akbar.
Kemm fl-aġġornament li għamilt fil-Parlament u anke fl-artiklu li ktibt (Qattusa għaġġelija f’San Ġwann 8.10.23) tkellimint li għalkemm hemm qbil fi prinċipju fuq dan il-proġett, imma hemm bżonn ta’ aktar informazzjoni u serħan il-moħħ.
Għaldaqstant, fid-dawl li issa għandha applikazjoni PA 00199/24, nixtieq naqsam xi punti li jiena ressaqt lil Awtorità tal-Ipjannar kemm f’ismi personali u anke bħala Deputat f’isem diversi residenti oħra, b’mod partikolari residenti li jgħixu fil-binja tal-Gvern f’Misraħ Lewża li għażlu li ma jidhrux pubblikament.
Numru ta’ osservazzjonijiet
Għaliex il-proġett mhux qed ikun preżentat b’mod sħiħ? Din hija piecemeal approach, jiġifieri biċċa biċċa. L-esperjenza turina li meta jkun hemm dan ifisser li l-applikant irid jaħbi xi ħaġa! B’dan il-mod ir-residenti u anke l-membri tal-Board ma għandhomx stampa ċara tal-proġett kollu kemm huwa. Anke l-istess TM qed titlob tagħrif kif ser ikun hemm per eżempju aċċess minn fuq it-triq prinċipali u informazzjoni aktar! Għaldaqstant, il-membri tal-board ma jistgħux jieħdu deċiżjoni oġġettiva sakemm ma hemmx il-pjanti tal-proposta kollha! Għalhekk il-proposta għalkemm għandha tinħadem f’stages, imma l-applikazzjoni għandha tkun diskussa fl-inter kollu tagħha. B’hekk biss wieħed ikun jaf x’inhuwa l-proġett. X’qed jaħbi l-Gvern?
Fid-dawl li ser ikun hemm skavar li ser jinżel aktar minn tlett sulari ’l isfel, qegħdin nitolbu li jkun hemm Geological Technical Report li jagħti serħan il-moħħ li l-iskavar u l-vibrations marbuta mal-iskavar ma jkunx ta’ ħsara lil pedamenti, kemm tal-binjiet tal-Gvern u anke dawk li huma fuq il-ħwienet u ma’ ġenb il-knisja. Dan aktar u aktar meta dan l-iskavar ser ikun viċin sew l-faċċati. Nitolbu li dan ir-rapport għandu jkun ippreżentat mill-applikant QABEL u mhux wara d-deċiżjoni. Mingħajru l-membri tal-board ma jistgħux ikollhom assigurazzjoni fuq l-istat tal-blat li hemm u allura mhumiex f’pożizzjoni li jieħdu l-ebda deċiżjoni. Ir-residenti għandhom ikollhom serħan il-moħħ, anke fid-dawl ta’ traġedji li seħħew.
Fid-dawl li din il-proposta ser tkun viċin numru tal-binjiet tal-Gvern, l-applikant għandu assigurazzjoni u l-approvazzjoni tal-Awtorita’ tad-Djar (sid tal-binijiet) li l-pedamenti ta’ dawn il-binjiet huma b’saħħtihom? Meta kont Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità kien hemm rapport fuq l-istat ta’ dawn il-pedamenti.
Fid-dawl li dak li qed ikun propost huwa taħt l-art, din l-applikazzjoni trid tkun deċiża mill-policy dwar l-under road development policy.
Fid-dawl li l-entrattura għal dan il-parkeġġ ser ikun biss minn Vjal ir-Riħan u l-ħruġ huwa minn Triq Felice Borg u/jew Ċawsli, qed nitolbu li jkun hemm traffic impact assessment, fid-dawl li r-residenti f’Felice Borg/Ċawsli ser jispiċċaw b’numru sew ta’ vetturi li jridu jgħaddu minn quddiemhom. Dan ser iwassal għal impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Irridu nkunu nafu jekk il-livell esistenti tat-Triq Riħan u Misraħ Lewza ser jinżammx. Fid-dawl li fil-proposta sħiħa hemm li ser ikun hemm mina fi Vjal ir-Riħan (quddiem il-knisja), li minnu jridu jgħaddu anke trakkijiet/tal-linji, x’inhuma l-livelli proposti? Il-ġnien ser ikun fuq livell għoli, b’tali mod li ser ikun għola miż-żuntier tal-knisja? Għalhekk hemm bżonn li l-proposta tkun diskussa b’mod sħiħa u mhux biċċa biċċa!!
Għalkemm fil-pjanti hemm aċċesibiltà ta’ taraġ, it-tliet blokkok proposti huma għal arja/ventilation jew inkella għal lifts? Jekk huma għal lifts, kif ser ikun hemm arja, aktar u aktar meta ser ikun hemm fumes tal-karozzi? U jekk għal arja, għaliex mhux għal lifts? Fid-dawl li diversi li ser jiġu jużaw dan il-parkeġġ ser ikunu persuni biex imorru l-knisja u fid-dawl li numru sew tagħhom huma anzjani, dan ifisser li ser ikun ferm aktar diffiċli li jkollhom aċċess u mixja akbar sakemm jaslu l-knisja. Dan jgħodd ukoll għal karru tal-mejtin u għal karozza tal-għarajjes. Għal darba oħra, minħabba li din il-proposta mhiex sħiħa, allura ma hemmx risposta sħiħa.
Il-parkeġġ propost ser ikun wieħed pubbliku, mingħajr ħlas u miftuħa 24/7?
Niġbdu l-attenzjoni fi f’Misraħ Lewża hemm numru ta’ shelters taż-żmien il-gwerra. Dawn ser jitneħħew? Is-Supretendenza tal-Kultura taf bihom u ġiet infurmatha?
Fid-dawl li skont l-applikant din il-proposta (flimkien mal-istadji l-oħra tal-proġett) għandhom jieħdu numru ta’ snin, jistgħa jkollna time frame ta’ kemm ser idum ix-xogħol? Nitolbu li jkun hemm method/work statement biex ir-residenti, b’mod partikolari l-anzjani, jkomplu jgħixu l-ħajja tagħhom. Matul laqgħa ta’ konsultazzjoni, li kienet saret, numru ta’ residenti semmgħu li ser ikun hemm Displacement tar-Residenti. F’risposta Parlamentari, il-Ministru Dalli ċaħdet dan. Jistgħu r-residenti jkollhom rikonferma li mhux ser jinħarġu r-residenti mid-djarhom biex isir dan il-proġett?
Dan il-proġett ser jħalli impatt fuq numru ta’ negozjanti fil-madwar. Min ser jagħmel tajjeb għat-telf/inqas dħul tagħhom?
Nitolbu li meta jitlesta dan il-proġett, u allura li jkun hemm ġnien u open space, dan jibqa’ open space u ma jitteħidx minn imwejjed u siġġijiet li jokkupaw l-ispazju kollu. Għaldaqsant, qed nitolbu li din tkun waħda mill-kundizzjoni li tagħti serħan il-moħħ lir-residenti li verament mhux ser ikun hemm żieda ta’ imwejjed u siġġijiet.
(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 18 ta' Frar, 2024)