Qaddej tal-ġid komuni
- manuelschembri
- Nov 29, 2022
- 5 min read
L-ewwel diskors tiegħi fil-Parlament Malti – 28 ta' Novembru 2022.

Grazzi Sur President,
Inħossni mċekken u fl-istess waqt onorat li qiegħed nagħmel l-ewwel diskors bħala Deputat ġdid.
Nistqarr li huwa diskors mżewwaq b’nota ta’ niket imma anke ta’ sodisfazzjon.
Ta’ nieket għaliex dħalt wara l-mewt tal-mibki Robert Arrigo. Mill-ġdid insellem il-memorja tiegħu.
Minn naħa l-oħra, nistqarr b’sodisfazzjon li qiegħed niftaħ kapitlu ġdid fil-mixja tal-ħajti. F’ħajti kelli diversi kapitli sbieħ. F’kull kapitlu dejjem kelli għan aħħari, li nagħti sehemi għal bini ta’ soċjeta’ aktar umana, aktar inklussiva u aktar ġusta.
U propju dan il-kapitlu ser kompli b’dan il-għan.
Għalija l-politika vera hija dik li sservi u mhux tisserva bil-politika. Il-politika vera mhiex ‘DWARI’. Lanqas mhi ‘DWAREK’.
Il-politika vera hija ‘DWARNA’ fejn il-kliem ‘int’ u ‘jien’ jimbidlu f’kultura ta’ ‘AĦNA’.
Nemmen bis-sħiħ fil-politika tal-ĦAFNA u mhux tal-FTIT. Dan huwa l-ĠID KOMUNI u jiena nixtieq inkun qaddej tal-ġid komuni.
Imma l-ġid komuni għandu bżonn numru ta’ valuri li jwieżnuh u jsostnuh.
Nemmen fil-politka tal-VALURI. Ma nistgħux nibqgħu nagħmlu politka vojta mibnija fuq il-popolariżmu, marketing u l-buzz words.
Ippermettili għalhekk Sur President li nsemmi xi wħud minn dawn il-valuri fost hafna oħrajn.

1. Valur tal-ħajja
Dan huwa l-valur fundamentali. Kull ma għandha, kull ma aħna, huwa grazzi għal dan id-don tal-ħajja. Għalkemm il-ħajja taf toffri l-isfidi tagħha IMMA l-ħajja hija avventura sabiħa.
Huwa rigal li għandna dejjem ngħozzuħ bil-bidu sa tmien.
Ilkoll għandha nkunu ambaxxaturi tal-ħajja li nippromovu l-ħajja u ma nċaħħduha lil ħadd.
Kull ħajja għandha valur u potenzjal.
2. Il-Valur tal-ambjent
L-ambjent huwa d-dar komuni tagħna. L-ambjent huwa l-futur tagħna. Hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li l-ambjent ngħozzuh u nibżgħu għalih.
Il-Profs Herbert Ganado kien kiteb ‘rajt Malta timbidel’. Mill-ġdid, Malta/irħula/bliet tagħna qegħdin jimbidlu u jitilfu l-identità, streetscape storika tagħhom. L-ambjent jinsab taħt assedju ieħor.
Din id-darba dan l-assedju mhux mit-Torok IMMA minn numru żgħir ta’ dawk li ma għandhomx xebgħa, li jiena nsejħilhom ‘fat cats’ . Donnhom jemmnu li Malta saret propjeta’ tagħhom!
Taħt l-iskuza tal-progress u l-ekonomija, dawn qegħdin jagħmlu ħerba minn Malta. Malta saret ‘one construction site’. Minn 2017 sa 2021, l-Awtorità tal-Ipjannar approvat 49,791 permessi. Dan ifisser 9,959 permess kull sena, jiġifieri 27 permessi kuljum! Infakkar li pajjiżna huwa biss 27 km twil u 14.5 wisa!
L-istudju juri li hemm rabta bejn nuqqas ta’ saħħa mentali u bini eseġerat li ma jħallix spażji miftuħa. Qed nistiednu l-ġebla fuq saqajna?
Xi wħud jinsistu li wieħed għandu dritt li jibni. Nemmen li l-ebda dritt ta’ bini ma għandu jtellef id-dritt ta’ oħrajn li jibqgħu jgawdu l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom. Dritt wieħed ma ‘joqtolx’ dritt ieħor!
Għaldaqstant, hemm bżonn urġenti li jkollna l-kuraġġ li nagħmlu revizjoni ħolistika tal-pjani lokali. L-argument li jekk nagħmlu dan ser ntelfu ċertu drittijiet miksuba mhux korrett sa barra. Allura min spiċċa mirdum u ndawwar f’sħaft iħares lejn blanket walls, min investa f’terrace area/green area jew inkella min spiċċa b’bar ma’ ġembu ma għandux dritt ukoll? Jew id-dritt jezisti biss fuq naħa waħda?
Dan kollu jwassalni biex nagħti vuċi ta ħafna li qed jitolbu li jsir studju ta’ ‘carrying capacity’ fuq il-lokalitajiet tagħna. Kemm u x’tip ta’ bini tiflaħ kull lokalita? Nistgħu nkomplu nibnu fuq li bidu?
Il-kavallieri ħallew diversi palazzi. L-Inglizi hallew diversi period town houses. U aħna x’ser inħallu? Hija ironika li filwaqt li aħna nagħmlu riklami mat-turisti ta’ Malta bil-galleriji u bibien tradizzjonali, imbagħad nispiċċaw nibnu kaxxi ta’ konkret bla gost.
It-turisti ma jiġux Malta biex jaraw Singapore fil-Medierrran!
Għaldaqstant, diversi huma dawk li qed jitolbu li titneħħa DC15 li qed tagħmel ħerba sħiħa.
Diversi qed jitolbu wkoll li jkun hemm master plan nazzjonali fejn dak li huwa ODZ u UCA jibqgħu hekk u mhux jimbidlu biex naqdu xi ħabib jew ieħor.
Il-ġonna huma l-pulmun tagħna imma diversi terrace houses qegħdin jitwaqqgħu u l-ġonna tagħhom jittieħdu b’tali mod li oħrajn jispiċċaw bla dawl ta’ xemx iħarsu lejn blanket walls. Għalhekk wieħed irid jitkellem fuq solar rights!
U kif qed nitkellem fuq is-solar rights, ser jagħmlu min investa fis-solar panels jekk dawn spiċċaw fid-dlam?
Imma l-ħarsien tal-ambjent mhuwiex biss l-bini imma anke tibdil tal-klima.
Wasal iż-żmien (nistaqsi) li ma nibqgħux b’din id-dependenza żejda fuq l-użu tal-karozzi? Filwaqt li l-Gvern qed jagħmel sforzi biex jinvesti f’karozzi eletroniċi, l-ironija qegħdin nibqgħu noħorġu aktar permessi għal pompi tal-petrol u għandna madwar 60 karozza ġdida fit-triq kuljum!
It-tbidil tal-klima għandu jwassalna li jkollna wind farms u solar farms meta huwa żewġ rizorsi li pajjiżna għandu.
Il-ħarsien tal-ambjent ifisser ukoll il-ħarsien tal-annimali.
Nistgħu nibqgħu naċċettaw moħqrija fuq l-annimali? Il-moħqrija mhiex biss fis-swat IMMA anke meta dawn jinżammu f’kaġġeġ, f’dolfinarji jew f’zoos.
Jekk fil-passat ukoll kellna l-kuraġġ li nwaqqfu l-piena tal-mewt/kapitali lil bnedmin, meta ser ikollna l-kuraġġ biex ineħħu l-piena tal-mewt fuq l-agħasafar?
L-ebda passatemp ma jista’ jissejjaħ passatemp, jiġifieri ħin għal ġost, meta huwa mibni fuq qtil.
Meta n-nassaba ser isiru ambjentalisti u r-‘riċerka’ li suppost qed jagħmlu, jagħmluha vera u mhux jużawha bħala skuza?
3. Il-valur tal-inklussjoni u ġustiżżja soċjali
Nemmen bis-sħiħ li ħadd ma għandu jibqa’ lura. Ħadd ma għandu jħossu barrani f’daru stess. Għaldaqstant, għandha nħaddnu politika li tinkludi u mhux teskludi.
Id-dinjità umana ma għandhix kulur tal-ġilda, status soċjali, twemmin jew orjentazzjoni sesswali. Ilkoll bnedmin b’dinjità umana.
Dan ifisser li rridu naħdmu qattiegħ biex dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà nagħtuhom l-appoġġ meħtieġ. Dawn huma l-anżjani tagħna, persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, persuni b’dizabiltà, minoritajiet etniċi, homeless, jew b’stejjer ta’ addictions u vjolenza domestika.
Għandha wkoll tfal li mhux biss tilfu kmieni t-tfulithom imma anke jinsabu mwarrba minħabba l-obeżità u/jew illitteriżmu. L-obeżita u llitterizmu fost it-tfal jistgħu jwasslu għal problemi soċjali akbar.
Irid ukoll nsemmi dak li diversi jagħżlu li ma jitkellmux dwarhom. Dawn huma l-unaccompanied children, undocumented migrants u dawk li ġew fostna bħala refuġjati. Dawn huma l-minsijin tas-soċjeta, ‘the elephant in the room’ f’pajjiżna.
Filwaqt li nifhem li l-problema tal-moviment tan-nies mhiex problema b’soluzzjonijiet faċli u għandha bżonn is-solidarjeta’ ta’ nazzjonijiet oħra IMMA zgur lir-rażżimu mhu aċċettabli qatt
Hemm bżonn naraw li ma noħolqux ghettos. L-esperjenza turina li l-għettoization huwa l-benniena għal problema soċjali akbar.
L-inklusjoni tfisser wkoll meta wieħed jiskludi lil ħafna biex jpaxxi lil ftit.
Dan iġġib l-inġustiżżja soċjali.
Hija ironika li l-Gvern għandu kunsulenti li qed jitħanzru bl-eluf u mbagħad għandha tfal jiktbu lil Father Christmas biex jġibilhom l-ikel. Hija nġusta li f’ċertu każijiet, mara titħallas inqas minn raġel għall-istess xogħol inwettaq.
L-inġusstiżżja hija oħt il-korruzzjoni.
Ma tgħaddix ġurnata li mhux qed nisimgħu ta’ stejjer ta’ korruzzjoni. Donnu l-korruzzjoni saret in-norma u mhux l-eċċezzjoni. Donnu l-korruzzjoni saret instituzzjonata fejn kollox huwa aċċettabli u kollox jgħaddi.
Dan qed iwassal għal kultura ta’ impunità.
Forsi minħabba din il-klima li ġiet maqtula l-ġurnalista Daphne Caruna Galizia? Kien hemm min ħassu ‘untouchable’/invictus?
Inkompli nesigi li jkun hemm ġustizza mhux biss għal Daphne imm anke għal Karen Grech u Raymond Caruana.
Malta onestà ma tistax ikollha dawn it-tebgħat fuqha.
Fir-rapport tal-inkjesta fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien hemm li din il-kultura ta’ impunità ġejja minn relazzjoni irregolari bejn numru ta’ persuni b’interessi varji u ċerta klassi politika. Jidher ċar lis-swaba tal-qarnita qed jinfirxu ma’ kullimkien.
Dan iwassalni biex nitlob biex nerġgħu nindirrizzaw il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Preżentament din hija liġi tinsab rieqda. Huwa kaz ta’ kelb rieqed ħalliħ jistrieħ? Wasal żmien ta’ reviżżjoni ta’ din il-liġi u jkun hemm awtorità assertiva biex tħares l-enfurzar ta’ l-istess liġi?
Sur President, tkellimt fuq diversi temi.
Dawn huma l-valuri li nħaddan. Dawn huma l-valuri li jħaddan PN
Filwaqt li nirrigrazzja lil kollegi ta’ din il-kamra u nirringrazzja lil Dr. Bernard Grech bħala l-Kap tal-PN, inħares ‘il quddiem biex b’lejaltà lejn il-prinċipji Demo Kristjani, inkompli nkun qaddej tal-ġid komuni.
Lil kollega ta’ LP nwiegħedhom li nista’ xi drabi ma naqbilx magħhom imma ser naħdem magħhom.
Nixtieq nirringrazzja ukoll lir-residenti kollha ta’ 10 Distrett, b’mod partikolari lil dawk f’San Ġiljan. Inwegħdhom li ser insarraf il-fiduċja tagħhom f’impenn sħiħ.
Fl-aħħarnett nirringrazzja lil familja kollha tiegħi għas-sapport tagħhom.
Ma nistax ma nagħlaqx dan l-ewwel diskors tiegħi billi nġedded l-impenn tiegħi ta’ dejjem li:
- Inkun strument ta’ paċi u għaqda
- Biex fejn hemm il-mibgħeda, nħeġġeg l-imħabba.
- Biex fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ngawdi t-tama;
- Biex fejn hemm in-niket, nxerred il-ferħ;
B’hekk BISS nemmen li nistgħu verament ‘insedqu il-għaqda fil-Maltin u Sliem’.
Grazzi
(Diskors Albert Buttigieg fil-Parlament Malti – 28 ta' Novembru 2022)