top of page

albertbuttigieg.com

English

Malti

© 2024 Albert Buttigieg. All rights reserved.

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

@buttigiegalbert

@buttigiegalbert

@ButtigiegAlbert

@ButtigiegAlbert

Recent Articles
Let the birds fly in freedom

Let the birds fly in freedom

Country must acknowledge that the ECJ ruling on finch trapping means this practice has reached the end of the line. Hunting and trapping...

29/09/24

Kieku kont saħħar!

Kieku kont saħħar!

Ser inkompli naħdem mill-aħjar li nista’ għal bini ta’ soċjetà aktar umana, aktar ħanina u aktar inklussiva! Ftit tal-ġranet ilu, mara...

16/09/24

Not in our name

Not in our name

The government should reverse its cruel decision to deport the group of Ethiopians who have lived in Malta for the past 20 years. It...

05/09/24

BLOG
Albert Buttigieg in St Julian's

Qattusa għaġġelija f’San Ġwann?

X’serħan tal-moħħ se jingħata lir-residenti biex dawn jibqgħu jserrħu rashom li huma fis-sigur?


Credit: Project Green

Din hija l-mistoqsija li għamilt fl-aġġornament li għamilt f’din il-gimgħa meta tkellimnt fuq il-proġett propost minn Project Green f’San Ġwann quddiem u madwar il-Knisja.


Tajjeb li ngħid li din il-proposta qegħda tkompli fuq proġett ieħor li kien sar fl-2019 – 04644/96 fejn kienu saru l-ġnien u l-bandli Karen Grech u l-car park f’Misraħ Lewża. Quddiem din il-proposta wieħed ma jistax ma jaqbilx anke fid-dawl li Malta saret ‘one construction site’.


Imma filwaqt li hemm qbil fil-prinċipju fuq dan il-proġett, b’mod responsabbli nixtieq nwassal numru ta’ osservazzjonijiet. Fid-dawl li s’issa ma hemmx pjanti dettaljati aċċessibbli għall-pubbliku, għaldaqstant se nilimita lili nnifsi fuq il-fotomontaġġ provdut mill-istess Green Project.


Livelli


Fid-dawl li qed ikun propost li jkun hemm mina quddiem il-knisja li minnha ser jgħaddu anke l-karozzi tal-linja, dan jidher li se jwassal biex il-livell tal-open space propost ser jgħola. Jekk dan huwa minnu, kemm dan se jogħla? U jekk dan se jogħla dan se jwassal biex iz-zuntier tal-knisja se jkun aktar baxx? Se jkun hemm diżlivell b’tali mod li z-zuntier se jkun l-isfel… f’ħofra?


Aċċesibiltà


Skont il-fotomontaġġ, il-hearse tal-mejtin tista’ toqgħod fil-ġenb taz-zuntier. Dan ifisser li t-triq ser tidjiqq jew inkella hu z-zuntier li se jiċkien? X’inhuma l-pjanijiet għall-persuni b’diżabiltà/anżjani li sal-lum dawn jitwasslu sat-taraġ taz-zuntier? Dawn issa jridu jibdew jimxu mill-car park f’Pjazza Lewża sal-knisja?


Purċissjonijiet


Taqbel jew le dawn huma parti mir-ritwali reliġjuż u kulturali tagħna. Skont il-fotomontaġġ, ir-rottot ta’ dawn il-purċissjonijet jridu jinbidlu kompletament għaliex m’hemmx aċċess biex dawn jgħaddu. Kien qbil ma dawk li jorganizzaw dawn il-purċissjonijiet u mal-għaqda tal-armar?


Skavar


Skont il-proposta se jkun hemm mina u underground car park. Tajjeb li l-car park ser ikun taħt l-art. Imma sar studju – technical geological report – fuq il-pedament tal-knisja fid-dawl li se jkun hemm skavar ta’ madwar 2/3 sulari taħt l-art kemm quddiem u mal-ġenb tagħha? Infakkar li l-knisja mbniet fis-snin ħamsin. Min ser jagħmel tajjeb għal kull eventwalità ta’ ħsara jew konsenturi għal knisja?

L-istess mistoqsija nagħmel għal binja tal-Housing Estate f’Misraħ Lewża. Il-pedamenti jifilħu għal dan l-iskavar? Meta kont CEO tal-Housing u riddna nibnu sular ieħor fuq dak li hemm, il-parrir kien li aħjar li le għaliex il-pedamenti ma jifilħux aktar piż! Dan għadu jgħodd? Green Project tkellmet mal-Housing Authority fuq dan ir-rapport? X’serħan tal-moħħ ser jingħata lir-residenti biex dawn jibqgħu jserrħu rashom li huma fis-sigur?


Waqt l-unika laqgħa pubblika li saret intużat l-espressjoni li waqt ix-xogħolijiet se jkun hemm ‘displacement’ tan-nies. Jista’ wieħed ifisser x’wieħed għandu jifhem b’‘displacement tan-nies’? Ifisser li r-residenti ser jintalbu joħorġu minn djarhom matul dan il-proġett, li skont Project Green ser jieħu mill-lanqas erba’ snin?


Carpark


Skont il-fotomontaġġ id-dħul/ħruġ se jkun mit-Triq Felice Borg. Dan ifisser li kull min irid jidħol fil-car park, irid jgħaddi mit-toroq li s’issa huma kwieti bħal Triq il-Ġibjun u Triq iċ-Ċawsli. Dan ifisser li se jkun hemm żieda tat-traffiku għal dawn ir-residenti?


Kunsultazzjoni


Filwaqt li l-Gvern qal li saru kunsultazzjoni wiesgħa, il-maġġoranza ta’ dawk preżenti ma qablux.


Filwaqt li l-Kunsill Lokali qal li hemm qbil, s’issa l-proposta qatt ma kienet uffiċjalment ‘item’ fuq l-aġenda u lanqas ma kien hemm vot uffiċjali fuq il-pjanta finali. Għalkemm il-Kunsill iddiskuta din il-proposta fi 2022 u kien hemm qbil fi prinċipju, il-Kunsill naqas li jtella’ l-proposta finali fuq l-aġenda u jieħu vot finali. Hemm differenza bejn li wieħed jiddiskuti proposta u l-proposta finali.


S’issa ukoll ma hemmx PA number u lanqas tabella ta’ avviż. Infakkar li applikazzjoni tibda tgħodd meta jkun hemm PA number. Il-perjodu fejn il-pubbliku jista’ jagħti l-fehma tiegħu huwa bil-liġi ta’ tletin jum.


Time frame


Il-Gvern qal li dan se jdum erba’ snin. Għalkemm dan diġa hu ħafna u se jfisser tbatija għal diversi imma wieħed jieħu din id-data ‘with a pinch of salt’. Il-Gvern mhux kredibbli meta tħares li l-proġett tat-terminal fil-Ferries/Sliema ilu ħames snin u l-pjazza proposta fi Spinola ilha tlett snin u ma sar xejn!


Konklusjoni


Filwaqt li nifhem li l-Gvern għandu certa għaġla fid-dawl li f’Ġunju li ġej hemm l-elezzjonijiet tal-Kunsill u jixtieq jagħmel propoganda u bżar, imma tajjeb li jiftakar dak li jgħid il-Malti: ‘Qattusa għaġġelija, frieħ għomja tagħmel’!


Filwaqt li naqblu fi prinċipju, imma hemm bżonn aktar kunsultazzjonijiet ma’ kulħadd u aktar ħsieb!!


(Dan l-artiklu ġie ippublikat fuq il-gazzetta Il-Mument – 8 t' Ottubru, 2023)

359 views

Comments


BACK
bottom of page